Oqogħdu Attenti Meta Tkunu fil-Ministeru
1. Għala għandna bżonn noqogħdu attenti waqt l-ippritkar?
1 “Bħal nagħaġ qalb l-ilpup,” il-qaddejja t’Alla qed jippritkaw “fost ġenerazzjoni mgħawġa u maqluba.” (Mt. 10:16; Flp. 2:15) Rapporti allarmanti taʼ taqlib ċivili, vjolenza minn xi marmalja, u ħtif krudili taʼ nies huma komuni, evidenza taʼ nies mill-agħar “sejrin mill-ħażin għall-agħar.” (2 Tim. 3:13) Liema prinċipji Skritturali nistgħu napplikaw li se jgħinuna ‘nuru li aħna attenti’ fil-ministeru?—Mt. 10:16.
2. F’liema ċirkustanzi jistaʼ jkun għaqli li titlaq mit-territorju u tipprietka f’post ieħor?
2 Aġixxi bil-Prudenza: Proverbji 22:3 jenfasizza l-għerf taʼ li ‘ninħbew’ mill-gwaj. Ibqaʼ għassa! Il-kundizzjonijiet fi nħawi li s-soltu mhumiex taʼ periklu jistgħu jinbidlu għal għarrieda. Għandek mnejn tara żieda fl-attività tal-pulizija jew nies jiffollaw fit-triq. Kultant inkwilin qalbu tajba jagħtik twissija. Minflok ma tibqaʼ hemmhekk għall-kurżità, ikun prudenti li titlaq mill-ewwel u tkompli xi mkien ieħor.—Prov. 17:14; Ġw. 8:59; 1 Tess. 4:11.
3. Il-prinċipju f’Ekkleżjasti 4:9 kif japplika għall-ministeru tagħna?
3 Aħdmu Flimkien: Ekkleżjasti 4:9 jgħid: “Tnejn aħjar minn wieħed.” Għalkemm forsi drajt taħdem waħdek fil-ministeru mingħajr ma tkun fil-periklu, għadu għaqli li tagħmel hekk? F’xi nħawi, iva. Imma f’postijiet oħrajn issa mhuwiex għaqli li oħt jew żagħżugħ jaħdem minn bieb għal bieb waħdu, speċjalment wara nżul ix-xemx. L-esperjenza wriet li huwa utli ferm li taħdem maʼ xi ħadd li jħobb joqgħod attent. (Ekk. 4:10, 12) Żomm għajnejk fuq il-membri l-oħrajn fil-grupp tiegħek. Agħmilha d-drawwa tiegħek li tavża lil oħrajn li se titlaq mit-territorju.
4. X’nistgħu nagħmlu biex il-membri kollha tal-kongregazzjoni jkunu protetti?
4 Bħala wħud li ‘qed jgħassulna ruħna,’ l-anzjani għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu gwida prattika skont iċ-ċirkustanzi lokali. (Ebr. 13:17) Ġeħova żgur se jberikna hekk kif nuru l-modestja Kristjana u nikkooperaw bis-sħiħ magħhom. (Mik. 6:8; 1 Kor. 10:12) Jalla l-qaddejja kollha t’Alla jikkontribwixxu biex tingħata xhieda effettiva fit-territorju tagħna, imma dejjem b’attenzjoni xierqa.