LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jr kap. 9 pp. 103-113
  • Evita li “Tfittex Ħwejjeġ Kbar Għalik Innifsek”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Evita li “Tfittex Ħwejjeġ Kbar Għalik Innifsek”
  • Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’KIENU DAWK IL-​“ĦWEJJEĠ KBAR”?
  • “LILEK NAGĦTIK RUĦEK BĦALA PRIŻA”
  • INT SE TFITTEX “ĦWEJJEĠ KBAR”?
  • IN-​NASBA TAL-​“AFFARIJIET TAʼ VALUR”
  • SE TINGĦATALEK “RUĦEK BĦALA PRIŻA”?
  • Bàruk—Is-Segretarju Leali taʼ Ġeremija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Ġeħova Jħares Lejna għall-Ġid Tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Ibni ħbiberiji b’saħħithom qabel jiġi t-tmiem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Jehovah Ibierek u Jħares lil Min Hu Ubbidjenti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
jr kap. 9 pp. 103-113

Kapitlu Disgħa

Evita li “Tfittex Ħwejjeġ Kbar Għalik Innifsek”

1, 2. (a) Baruk xi problema ħabbat wiċċu magħha fir-​rabaʼ sena taʼ Ġeħojakim? (b) Ġeħova kif għen lil Baruk?

BARUK, l-​iskriba leali taʼ Ġeremija, kien għeja. Kienet ir-​rabaʼ sena tal-​ħakma tas-​sultan mill-​agħar Ġeħojakim, jew madwar is-​sena 625 Q.E.K. Ġeremija qal lill-​iskriba biex jikteb f’romblu l-​kliem kollu li Ġeħova kien qal dwar Ġerusalemm u Ġuda permezz tal-​profeta. Dawn kienu dikjarazzjonijiet li tlissnu matul it-​23 sena tal-​karriera taʼ Ġeremija sa dak iż-​żmien. (Ġer. 25:1-​3; 36:1, 2) Baruk ma qarax lil-​Lhud dak li kien fih ir-​romblu mill-​ewwel. Kien se jagħmel dan is-​sena taʼ wara. (Ġer. 36:9, 10) Imma kien hemm xi ħaġa li kienet qed tnikket lil Baruk?

2 “Jaħasra għalija,” karab Baruk, “għax Ġeħova żied in-​niket maʼ l-​uġigħ tiegħi! Għejejt nitniehed.” X’aktarx li inti ġieli esprimejt l-​għeja tiegħek, kemm jekk għamilt dan b’leħen għoli u kemm jekk f’qalbek. Għamilha kif għamilha Baruk, Ġeħova kien qed jismaʼ. L-​Eżaminatur tal-​qalb umana kien jaf xi kkaġuna dan in-​niket taʼ Baruk, u permezz taʼ Ġeremija, Alla b’qalb tajba kkoreġa lil Baruk. (Aqra Ġeremija 45:1-​5.) Imma, forsi taħseb għala Baruk kien qed iħossu tant għajjien. Tgħid kien l-​inkarigu li rċieva jew forsi ċ-​ċirkustanzi li fihom kellu jwettqu? Is-​sentimenti tiegħu tassew faru mill-​qalb. Il-​problema kienet li Baruk kien qed ‘ifittex ħwejjeġ kbar.’ Dawn x’kienu? Ġeħova x’assiguranza tah jekk jaċċetta l-​parir u l-​gwida t’Alla? U x’nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza taʼ Baruk?

X’KIENU DAWK IL-​“ĦWEJJEĠ KBAR”?

3. X’kien il-​qofol tal-​problema taʼ Baruk f’li jwettaq bis-​sħiħ ir-​rieda t’Alla?

3 Baruk żgur li kien jaf x’kienu dawk il-​“ħwejjeġ kbar.” L-​iskriba rrealizza li ‘għajnejn Alla huma fuq l-​imġiba tal-​bniedem u l-​passi kollha tiegħu jara.’ (Ġob 34:21) Ir-​raġuni għala Baruk ħassu li ‘ma sabx mistrieħ’ waqt li kiteb id-​dikjarazzjonijiet profetiċi taʼ Ġeremija ma kinitx l-​inkarigu nnifsu. Kienet il-​ħarsa tiegħu stess lejn dak li qies bħala ‘kbir’—dak li kellu f’qalbu. Tant kien medhi f’li jfittex “ħwejjeġ kbar” għalih innifsu, li Baruk ma baqax iffokat fuq dak li hu iktar importanti, dak li għandu x’jaqsam maʼ li jagħmel ir-​rieda divina. (Flp. 1:10) It-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida toħroġ is-​sens tal-​verb li ntuża u tittraduċih bħala ‘baqaʼ jfittex.’ Allura ma kienx xi ħsieb taʼ darba li għadda minn moħħu. Baruk diġà kien qed ifittex “ħwejjeġ kbar” meta Ġeħova wissieh biex jieqaf. Għalkemm is-​segretarju leali taʼ Ġeremija kien qed jieħu sehem f’li jagħmel ir-​rieda t’Alla, fl-​istess ħin kien qed jixxennaq għal “ħwejjeġ kbar” għalih innifsu.

4, 5. Il-​“ħwejjeġ kbar” taʼ Baruk għala setgħu kellhom x’jaqsmu mal-​fama u l-​prestiġju, u t-​twissija taʼ Ġeħova għala kienet xierqa?

4 Possibbiltà waħda taʼ x’kien qed jinkwieta lil Baruk għandha x’taqsam mal-​fama u l-​prestiġju. Għalkemm Baruk qeda bħala kittieb għal Ġeremija, jistaʼ jkun li ma kienx biss segretarju persunali taʼ Ġeremija. F’Ġeremija 36:32, Baruk jiġi msejjaħ “is-​segretarju.” Evidenza arkeoloġika tagħti x’tifhem li hu kellu l-​pożizzjoni taʼ uffiċjal għoli tas-​sultan. Infatti l-​istess titlu jintuża għal “Elisama s-​segretarju,” imsemmi fost il-​prinċpijiet taʼ Ġuda. Dan jagħti x’jifhem li Baruk ukoll kellu aċċess għall-​“kamra taʼ l-​ikel tas-​segretarju” “fid-​dar tas-​sultan” bħala wieħed mill-​kollegi t’Elisama. (Ġer. 36:11, 12, 14) Mela, Baruk bilfors li kien uffiċjal edukat li qeda f’dar is-​sultan. Seraja, ħuh, kellu l-​pożizzjoni taʼ uffiċjal inkarigat mill-​akkomodazzjoni għas-​Sultan Sedekija u mar mas-​sultan fuq missjoni importanti f’Babilonja. (Aqra Ġeremija 51:59.) Bħala tali, Seraja x’aktarx li ħa ħsieb il-​provvisti u l-​akkomodazzjoni għas-​sultan meta kien jivvjaġġa, pożizzjoni għolja tassew.

5 Int tistaʼ tifhem li bniedem imdorri f’pożizzjoni għolja malajr jistaʼ jegħja jiddokumenta messaġġi taʼ kundanna kontra Ġuda wieħed wara l-​ieħor. Infatti, Baruk setaʼ kien qed jissogra l-​pożizzjoni u l-​karriera tiegħu biex jappoġġa l-​profeta t’Alla. U aħseb dwar il-​konsegwenzi kieku Ġeħova ġarraf dak li kien bena, bħalma naqraw f’Ġeremija 45:4. Il-​“ħwejjeġ kbar” li kellu f’moħħu Baruk—kemm jekk dawn kienu l-​kisba taʼ iktar unur f’dar is-​sultan u kemm jekk kienu għana materjali—setgħu kienu kollha għalxejn. Jekk Baruk kien qed ifittex pożizzjoni sigura fis-​sistema Lhudija taʼ dak iż-​żmien, li kellha qerda inevitabbli tistennieha, Alla kellu kull raġun iżommu lura milli jieħu dak il-​pass.

6, 7. Jekk il-​“ħwejjeġ kbar” taʼ Baruk kienu ffokati fuq li jkollu affarijiet materjali, liema xebh nistgħu nikkunsidraw?

6 Min-​naħa l-​oħra, il-​“ħwejjeġ kbar” taʼ Baruk setgħu inkludew l-​għana materjali. Il-​ġnus madwar Ġuda straħu bil-​kbir fuq l-​għana u l-​affarijiet li kellhom. Mowab fada ‘fl-​għemejjel u fit-​teżori’ tiegħu. L-​istess għamel Għammon. U Ġeħova qabbad lil Ġeremija jiddeskrivi lil Babilonja bħala li hi “mimlija bit-​teżori.” (Ġer. 48:1, 7; 49:1, 4; 51:1, 13) Imma Alla fil-​fatt ikkundanna lil dawn il-​ġnus.

7 Għalhekk, jekk Baruk kien qed ifittex li jkollu proprjetà u għana, int tistaʼ tifhem għala Ġeħova wissieh kontra dan. Meta Alla ‘medd idu kontra’ l-​Lhud, id-​djar u l-​għelieqi tagħhom kellhom jaqgħu f’idejn l-​għedewwa tagħhom. (Ġer. 6:12; 20:5) Ejja ngħidu li kont tgħix f’Ġerusalemm fi żmien Baruk. Ħafna min-​nies taʼ pajjiżek—inkluż prinċpijiet, qassisin, u s-​sultan innifsu—ħassew li għandhom jiġġieldu kontra l-​Babiloniżi li kienu qed jinvadu. Madanakollu, int sirt taf bil-​messaġġ taʼ Ġeremija: “Aqdu lis-​sultan taʼ Babilonja u tibqgħu tgħixu.” (Ġer. 27:12, 17) Kien se jkun eħfef għalik biex tobdi l-​gwida divina kieku kellek ħafna affarijiet materjali fil-​belt? Is-​sentimenti tiegħek lejn dawn l-​affarijiet kienu se jgħinuk tagħti kas it-​twissija taʼ Ġeremija jew kienu se jġegħluk tagħmel bħall-​maġġuranza tan-​nies? Fil-​fatt, l-​affarijiet kollha taʼ valur f’Ġuda u f’Ġerusalemm, inkluż dawk fit-​tempju, kienu misruqin u meħudin f’Babilonja. Għalhekk, kien ikun għalxejn li wieħed iħabrek biex jikseb ġid materjali. (Ġer. 27:21, 22) Hemm xi lezzjoni f’dan kollu?

Ġeħova kif ikkoreġa b’qalb tajba l-​inklinazzjoni taʼ Baruk f’li jfittex “ħwejjeġ kbar”? Għala tħoss li jkun għaqli li taċċetta korrezzjoni divina?

“LILEK NAGĦTIK RUĦEK BĦALA PRIŻA”

8, 9. Għala tistaʼ tgħid li kienet xi ħaġa sinifikanti li Baruk ngħata ruħu bħala priża?

8 Issa kkunsidra dan il-​punt: X’kien se jirċievi Baruk talli obda l-​istruzzjoni t’Alla? Ħajtu stess! Din kienet garantita lilu “bħala priża.” (Aqra Ġeremija 45:5.) Meta nqisu kollox, ftit nies salvaw. Min? Dawk li obdew il-​gwida divina biex jagħtu ruħhom lill-​Kaldin, jiġifieri, iċedu għalihom. (Ġer. 21:9; 38:2) Xi nies għandhom mnejn jaħsbu, ‘Dak biss ngħataw għall-​ubbidjenza tagħhom?’

9 Immaġina ftit l-​istat taʼ Ġerusalemm matul l-​assedju Babiloniż. Ġerusalemm kienet torturata fis-​saħna taʼ dak l-​assedju. B’kuntrast, Sodoma kienet megħluba f’ħakka t’għajn, biex ngħidu hekk. F’ċertu sens, tistaʼ tgħid li l-​qerda taʼ Sodoma kienet eħfef li tissaportiha. (Lam. 4:6) Baruk niżżel bil-​miktub il-​profezija li l-​abitanti taʼ Ġerusalemm kellhom imutu bis-​sejf, bil-​ġuħ, jew bil-​pesta. Imbagħad, ra t-​twettiq tagħha. Il-​provvista tal-​ikel f’Ġerusalemm spiċċat għalkollox. Min jaf kif kont tħossok kieku kont tgħix f’belt fejn ommijiet, li minnhom ikunu kollhom ‘ħniena,’ għallew u kielu lil uliedhom stess! (Lam. 2:20; 4:10; Ġer. 19:9) Iżda, Baruk salva. Iva, fost taqlib bħal dan, il-​ħajja nfisha kienet priża, bħal premju mogħti lir-​rebbieħa wara xi battalja. Jidher ċar li Baruk kien aċċetta u segwa l-​parir divin biex ma jfittixx “ħwejjeġ kbar.” U hu kiseb l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova, bħalma jidher biċ-​ċar mill-​fatt li salva.—Ġer. 43:5-​7.

Stampi f’paġna 107

INT SE TFITTEX “ĦWEJJEĠ KBAR”?

10, 11. Ir-​rakkont taʼ Baruk kif japplika għal żmienna u għalina personalment?

10 Għalkemm Baruk kien bieżel f’li jagħmel ir-​rieda t’Alla, għal xi żmien issielet kontra xewqa għal “ħwejjeġ kbar.” Ġeħova wissieh dwar il-​periklu, u hu ġie skansat minn diżastru spiritwali u minn mewt fiżika. Nistgħu aħna, bħal Baruk, inkunu mħajrin u forsi maħkumin minn xewqat fil-​fond taʼ qalbna, anke meta nkunu attivi f’li naqdu lil Ġeħova?

11 Għal Baruk, setgħet kienet tentazzjoni kbira biex jibni reputazzjoni għalih innifsu. Tistaʼ timmaġinah anke jaħseb: ‘Se nkun nistaʼ nżomm xogħli bħala “s-​segretarju”? Tgħid nikseb pożizzjoni saħansitra ogħla?’ Issa, xi ngħidu għalina? Staqsi lilek innifsek, ‘Għandi “ambizzjonijiet,” forsi li naħbi minn oħrajn, biex nagħmel suċċess b’karriera fid-​dinja issa jew fil-​futur qarib?’ Xi Kristjani iżgħar għandhom mnejn jaħsbu, ‘Il-​prospett li nikseb prestiġju u sigurtà finanzjarja permezz t’edukazzjoni iktar għolja jistaʼ jwaqqagħni fin-​nassa taʼ li nfittex “ħwejjeġ kbar” għalija nnifsi?’

12. Ħu wieħed kif fittex ħwejjeġ kbar għal Ġeħova, u x’jidhirlek mill-​għażla tiegħu?

12 Ħu li issa qed jaqdi fil-​kwartieri ġenerali kellu 15-​il sena meta ġie offrut li jmur jitgħallem f’università b’xejn. L-​għalliema tiegħu kienu diżappuntati meta m’aċċettax dik l-​offerta u minflok ipprefera karriera bħala pijunier. Xorta waħda, l-​imħabba tiegħu għat-​tagħlim qatt ma battiet. Intbagħat bħala missjunarju fuq gżira mbiegħda. Hemmhekk kellu jitgħallem lingwa mitkellma minn ftit iktar minn 10,000 ruħ. Ma kienx hemm dizzjunarju b’dik il-​lingwa, allura għamel ġabra taʼ kliem waħdu. Eventwalment, tgħallem il-​lingwa sew u ġie inkarigat jittraduċi xi ftit mill-​pubblikazzjonijiet Kristjani tagħna. Iktar tard, il-​ġabra taʼ kliem li kien għamel intużat bħala bażi għall-​ewwel dizzjunarju b’dik il-​lingwa. Darba qal lil udjenza kbira f’konvenzjoni distrettwali: “Li kieku kont aċċettajt edukazzjoni universitarja, dak kollu li kont inwettaq b’mod akkademiku kien ikun għall-​glorja tiegħi stess. Hekk jew hekk, m’għandi l-​ebda kwalifika sekulari. Għalhekk, jien ma niħux il-​krettu għal dak li għamilt. Il-​krettu kollu jmur għal Ġeħova.” (Prov. 25:27) X’jidhirlek mill-​għażla li għamel meta kellu 15-​il sena? Matul is-​snin, hu gawda ħafna privileġġi fost il-​poplu t’Alla. Fil-​każ tiegħek, kif trid tuża t-​talenti tiegħek? Minflok ma tfittex il-​glorja tiegħek stess, determinat int li tużahom biex tfaħħar lil Ġeħova?

13. Xi ġenituri għala għandhom jaħsbu fil-​fond fuq l-​isfida li ħabbat wiċċu magħha Baruk?

13 Hemm periklu marbut maʼ dan: li nfittxu “ħwejjeġ kbar” għal jew permezz taʼ dawk li nħobbu u li nistgħu ninfluwenzaw. X’aktarx rajt ġenituri fid-​dinja jmexxu l-​affarijiet ħalli wliedhom jiksbu iktar minnhom fil-​ħajja jew isiru xi ħadd li jistgħu jiftaħru bih. Forsi smajt kummenti bħal dawn: “Ma rridux jew ma rridhiex tbati kif batejt jien” jew “Irrid lit-​tifel imur l-​università ħalli jkollu ħajja iktar faċli.” Ġenituri Kristjani jistgħu jħossuhom l-​istess. M’għandniex xi ngħidu, dak li jkun forsi jirraġuna, ‘M’iniex infittex ħwejjeġ kbar għalija nnifsi.’ Imma, jistaʼ jkun li qed jagħmel dan permezz taʼ xi ħadd ieħor, pereżempju, permezz tat-​tfal? L-​istess bħalma Baruk setaʼ ġie mħajjar ifittex il-​prominenza permezz tal-​pożizzjoni jew il-​karriera tiegħu, ġenitur ġo qalbu jistaʼ jfittex dawn l-​affarijiet permezz taʼ dak li jwettqu wliedu. Madanakollu, ma taħsibx li “dak li jeżamina l-​qlub” se jinduna, sewwasew bħalma induna fil-​każ taʼ Baruk? (Prov. 17:3) M’għandniex aħna nitolbu lil Alla biex jeżamina l-​iktar ħsibijiet ġewwinin tagħna, kif għamel David? (Aqra Salm 26:2; Ġeremija 17:9, 10.) Ġeħova għandu mnejn juża diversi mezzi, bħal din id-​diskussjoni fuq Baruk, biex jagħmilna konxji tal-​perikli li jiġu milli nfittxu “ħwejjeġ kbar.”

X’setaʼ kien mod wieħed kif Baruk kien qed ifittex “ħwejjeġ kbar”? X’lezzjoni tistaʼ tieħu minn dan?

IN-​NASBA TAL-​“AFFARIJIET TAʼ VALUR”

14, 15. L-​għana kif jistaʼ jsir “ħwejjeġ kbar” fil-​każ tagħna?

14 Aħseb ftit fuq il-​possibbiltà li l-​“ħwejjeġ kbar” taʼ Baruk kienu għana materjali. Bħalma ssemma qabel, li kieku Baruk kien rabat qalbu maʼ dak kollu li kellu f’Ġuda, x’aktarx kien isibha bi tqila jobdi l-​kmand divin biex iċedi għall-​Kaldin. Wisq probabbli, int ġieli rajt li r-​raġel għani spiss jistrieħ fuq “l-​affarijiet taʼ valur” tiegħu, imma l-​Bibbja tikkonferma li l-​protezzjoni li tiġi minn affarijiet bħal dawn hi “fl-​immaġinazzjoni tiegħu.” (Prov. 18:11) Il-​qaddejja kollha taʼ Ġeħova jistgħu jibbenefikaw jekk ifakkru lilhom infushom fil-​ħarsa bilanċjata misjuba fil-​Kelma tiegħu lejn affarijiet materjali. (Aqra Proverbji 11:4.) Però, xi wħud jafu jirraġunaw, ‘Għala m’għandix ingawdi naqra minn dak li għandha x’toffri d-​dinja?’

15 Li Kristjan jorbot qalbu mal-​affarijiet jistaʼ jwasslu biex ikollu xenqa għal affarijiet li huma parti minn sistema li qed tgħaddi. Dan ma ġarax fil-​każ taʼ Ġeremija jew Baruk. Snin wara, Ġesù ta twissija lin-​nies li kienu se jgħixu “dakinhar li Bin il-​bniedem jiġi rivelat.” Ġesù qalilhom: “Ftakru f’mart Lot.” Kien ikun daqshekk ieħor validu li kieku ħeġġeġ lill-​Kristjani: ‘Ftakru f’Ġeremija u f’Baruk.’ (Lq. 17:30-​33) Li kieku kellna rrawmu fina rabta soda mal-​affarijiet materjali, kien ikun diffiċli għalina biex napplikaw kliem Ġesù. Imma tinsiex—Baruk ħa bis-​serjetà t-​twissija t’Alla u minħabba f’hekk baqaʼ ħaj.

16. Irrakkonta sitwazzjoni meta l-​qaddejja t’Alla żammew l-​affarijiet materjali fil-​post xieraq tagħhom.

16 Ikkunsidra s-​sitwazzjoni tal-​aħwa fir-​Rumanija matul il-​ħakma Komunista. Waqt tfittxijiet għal għarrieda fid-​djar tax-​Xhieda, aġenti tal-​gvern kultant ħadu affarijiet persunali, speċjalment affarijiet li setgħu jbigħu. (Lam. 5:2) Ħafna aħwa rġiel u nisa taħt dik il-​ħakma kienu lesti li jitilfu l-​affarijiet tagħhom. Xi wħud minnhom kellhom iħallu warajhom l-​affarijiet u l-​proprjetà tagħhom meta ttieħdu biex jgħixu xi mkien ieħor; xorta waħda, huma żammew l-​integrità tagħhom lejn Ġeħova. Kieku kellek tiffaċċja prova bħal din, tħalli int ir-​rabta mal-​affarijiet materjali ttellfek milli żżomm il-​lealtà lejn Alla?—2 Tim. 3:11.

Stampi f’paġna 111

17. Xi profeti li qdew fi żmien Ġeremija u Baruk kif setgħu kienu t’għajnuna għalihom?

17 Taʼ min jinnota li Ġeremija u Baruk kienu appoġġati minn xi profeti oħrajn li qdew fi żmienhom. Sofonija pprofetizza matul il-​ħakma taʼ Ġosija, meta Ġeremija kien qed jaqdi bħala profeta. Tgħid Ġeremija x’ħaseb dwar il-​kliem li nsibu f’Sofonija 1:18? (Aqra.) U tistaʼ ġġib quddiem għajnejk lil Ġeremija jaqsam dan id-​dehen imnebbaħ maʼ Baruk? Profeta ieħor kien Eżekjel, li ttieħed fil-​jasar f’Babilonja fis-​sena 617 Q.E.K. Xi ftit mill-​attivitajiet u l-​messaġġi tiegħu kellhom x’jaqsmu direttament mal-​Lhud li kienu lura f’art twelidhom, allura Ġeremija x’aktarx sar jaf b’dak li qal jew għamel Eżekjel. Dan inkluda l-​kliem imniżżel f’Eżekjel 7:19. (Aqra.) L-​istess bħalma Ġeremija u Baruk setgħu jibbenefikaw minn dan il-​kliem imnebbaħ, l-​istess nistgħu aħna. In-​nies se jsejħu lill-​allat tagħhom biex isalvawhom f’jum Ġeħova. Minkejja dan, la l-​allat u lanqas l-​għana tagħhom ma se jkun jistaʼ jsalvahom.—Ġer. 2:28.

SE TINGĦATALEK “RUĦEK BĦALA PRIŻA”?

18. Ir-​‘ruħ’ taʼ min għandna nixtiequ li tingħatalna bħala priża, u kif nistgħu nagħmlu dan?

18 Irridu niftakru li dak li Alla wegħedna bħala priża hu ‘ruħna’ stess. Anke jekk ftit mill-​qaddejja tiegħu jmutu fil-​persekuzzjoni li taf tiġi matul “it-​tribulazzjoni l-​kbira,” meta l-​qrun politiċi tal-​bhima salvaġġa jduru kontra r-​reliġjon, dawk l-​uħud leali mhux ħa jkunu ntilfu għal dejjem. ‘Ruħhom’ hija garantita li terġaʼ tgħix biex tgawdi “l-​ħajja vera” fid-​dinja l-​ġdida. (Riv. 7:14, 15; 1 Tim. 6:19) Madanakollu, nistgħu nserrħu moħħna li l-​biċċa l-​kbira mill-​qaddejja t’Alla li jagħtu prova tal-​lealtà f’dak iż-​żmien se joħorġu mit-​tribulazzjoni l-​kbira. Tistaʼ tkun ċert li meta Alla jġib gwaj fuq il-​ġnus, l-​ebda wieħed leali ma se jkun fost “dawk maqtulin minn Ġeħova.”—Ġer. 25:32, 33.

Stampi f’paġna 113

Agħżel dak li hu tassew taʼ valur (Qabbel paġna 46.)

19. Id-​determinazzjoni tiegħek biex tevita li tfittex “ħwejjeġ kbar” għalik innifsek b’liema modi ssaħħet permezz taʼ din il-​konsiderazzjoni tal-​eżempji taʼ Ġeremija u Baruk?

19 Xi wħud forsi jiddiżappuntaw ruħhom meta jaħsbu li għandhom mnejn isalvaw b’‘ruħhom’ biss bħala priża, imma dan fil-​fatt m’għandu jkun t’ebda diżappunt. Ftakar li waqt li n-​nies taʼ Ġerusalemm kienu qed imutu minħabba l-​ġuħ, Ġeħova żamm lil Ġeremija ħaj. Kif? Is-​Sultan Sedekija ta l-​kmand biex Ġeremija jinżamm arrestat fil-​Bitħa tal-​Għassa u jiġi provdut b’“ħobża kuljum mit-​triq tal-​furnara, sakemm spiċċa l-​ħobż kollu tal-​belt.” (Ġer. 37:21) U Ġeremija salva! Ġeħova jistaʼ juża kwalunkwe mezz li jrid biex isostni l-​poplu tiegħu. Imma żgur li se jsostni l-​poplu tiegħu, għax il-​prospett tagħhom taʼ ħajja taʼ dejjem hu garantit. Baruk salva mill-​qerda taʼ Ġerusalemm billi ma ‘fittixx ħwejjeġ kbar.’ B’mod simili, aħna nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn li nsalvaw minn Armageddon biex infaħħru lil Ġeħova b’‘ruħna’ bħala priża li tistaʼ titgawda għal dejjem.

Għala jkun għaqli llum li ma tfittixx “ħwejjeġ kbar,” imma li tittama li tingħatalek ‘ruħek’ bħala priża?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja