Iż-Żwieġ Mhux Mistenni taʼ Bogħaż u Rut
Il-qiegħa tad-dris qrib Betlehem hi mimlija ħajja bl-attivitajiet tar-rebbiegħa. Kienet ġurnata iebsa. Ir-riħa tfuħ tal-qamħ inkaljat tgħarraf lill-ħaddiema mġewħin li wasal ħin l-ikel. Kull wieħed se jgawdi l-frott tax-xogħol iebes tiegħu.
Bogħaż, raġel għani li kellu ħafna artijiet, jiekol u jixrob sakemm jixbaʼ u jintefaʼ jistrieħ ħdejn munzell kbir taʼ qamħ. Iktar tard, il-ġurnata tal-ħsad tintemm, u kull raġel ifittex post komdu għall-mistrieħ. Bogħaż, sodisfatt, issa jitgħatta u tmur għajnu bih u jorqod.
Laqgħa bil-Moħbi
F’nofs taʼ lejl, Bogħaż iqum jitriegħed bil-bard. Mhux taʼ b’xejn, kienu kixfulu saqajh, u xi ħadd kien mimdud eżatt ħdejn saqajh! Peress li minħabba d-dlam ma jindunax min kien hemm, hu jistaqsi: “Min int?” Leħen taʼ mara jwieġeb: “Jiena Rut, il-qaddejja tiegħek. Ixħet djul mantarek fuq il-qaddejja tiegħek, għax int għandek il-jedd tal-fidwa.”—Rut 3:1-9.
Waqt li kienu waħedhom fid-dlam huma qagħdu jitkellmu. Mhux soltu li n-nisa jmorru f’qiegħa tad-dris. (Rut 3:14) Minkejja dan, għall-istedina taʼ Bogħaż, Rut tibqaʼ mimduda ħdejn saqajh sa qabel ma jisbaħ meta hi tqum u titlaq, u b’hekk tevita kritika bla bżonn.
Kienet din xi laqgħa romantika? Kienet Rut—armla żagħżugħa u fqira minn pajjiż pagan—qed tipprova b’għaqal kbir tisseduċi lil dan ir-raġel għani u avanzat? Jew kien Bogħaż li qed jieħu vantaġġ miċ-ċirkustanzi u s-solitudni taʼ Rut dik il-lejla? It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet kollha għandhom x’jaqsmu mal-lealtà u l-imħabba lejn Alla. U l-fatti verament imissulek qalbek.
Imma Rut min hi? X’inhu l-motiv tagħha? U min hu dan ir-raġel għani, Bogħaż?
“Mara Sewwa”
Xi snin qabel ma ġara dan kollu, kien waqaʼ ġuħ kbir f’Ġuda. Familja Iżraelija t’erbgħa min-nies—Elimelek; il-mara tiegħu, Nagħomi; u ż-żewġ subien tagħhom, Maħlon u Kiljon—kellhom imorru joqogħdu fl-art fertili taʼ Mowab. Is-subien iżżewġu żewġ nisa minn Mowab, Rut u Għorfa. Wara l-mewt tat-tlett irġiel f’Mowab, it-tliet nisa semgħu li l-kundizzjonijiet f’Iżrael kienu marru għall-aħjar. Għalhekk Nagħomi—issa armla, imnikkta għall-aħħar, u mingħajr tfal jew neputijiet—iddeċidiet li terġaʼ tmur lejn pajjiżha.—Rut 1:1-14.
Fi triqithom lejn Iżrael, Nagħomi kkonvinċiet lil Għorfa biex tirritorna lejn niesha. Nagħomi mbagħad qalet lil Rut: “[“L-armla taʼ ħu żewġek,” NW] reġgħet lura għand niesha u l-allat tagħha. Mur lura [“maʼ l-armla taʼ ħu żewġek,” NW].” Imma Rut qalet: “Iġġagħalnix nitilqek . . . fejn tmur int, immur jien . . . niesek, niesi; Alla tiegħek, Alla tiegħi; fejn tmut int, immut jien; u hemm nindifen.” (Rut 1:15-17) B’hekk iż-żewġ romol fqar reġgħu lura Betlehem. Hemmhekk l-imħabba u t-tħassib li kellha Rut għall-kunjata tagħha tant impressjonaw lill-ġirien li kkunsidrawha bħala li kienet “aħjar [għal Nagħomi] minn sebaʼ wlied.” Oħrajn iddeskrivewha bħala “mara sewwa.”—Rut 3:11; 4:15.
F’Betlehem fil-bidu tal-ħsad tax-xgħir, Rut qalet lil Nagħomi: “Ħa mmur fir-rabaʼ, u nlaqqat is-sbul minn wara min juri ħniena miegħi.”—Rut 2:2.
B’kumbinazzjoni hi tmur fl-għalqa taʼ Bogħaż, qarib tal-kunjatu tagħha, Elimelek. Hi tistaqsi lill-qaddej li kien fuq il-ħsad jekk tistax tlaqqat hemmhekk. Il-mod ħabrieki kif kienet tlaqqat is-sbul kien jispikka, tant li l-qaddej li kien fuq il-ħsad faħħarha ferm maʼ Bogħaż għax-xogħol tagħha.—Rut 1:22–2:7.
Protettur u Benefattur
Bogħaż hu aduratur devot taʼ Jehovah. Kull fil-għodu, Bogħaż kien isellem lill-ħassada bil-kliem: “Il-Mulej magħkom,” u huma kienu jwieġbu: “Ibierkek il-Mulej.” (Rut 2:4) Wara li osserva x-xogħol iebes taʼ Rut u sar jaf dwar il-lealtà li wriet lejn Nagħomi, Bogħaż għamel arranġamenti speċjali għal Rut biex tlaqqat is-isbul. Fil-qosor, jgħidilha: ‘Tmurx tlaqqat f’għalqa oħra. U lanqas ma għandek twarrab minn hawn: ibqaʼ mal-ħaddiema bniet tiegħi. Wissejt lill-ħaddiema biex ma jmissukx. Meta jieħdok l-għatx mur ħdejn il-ġarar, u ixrob mnejn jixorbu l-ħaddiema.’—Rut 2:8, 9.
Rut tinżel wiċċha fl-art quddiemu u tgħid: ‘Kif sibt ħniena f’għajnejk u ħarist lejja, jien, mara barranija?’ Bogħaż iwieġeb: ‘Qaluli b’kull ma għamilt mal-kunjata wara l-mewt taʼ żewġek; ħallejt lil missierek u lil ommok u lil art twelidek, u tlaqt għal għand poplu li int xejn ma kont tafu qabel. Il-Mulej iħallsek taʼ għemilek. Ħlasek ikun sħiħ mingħand il-Mulej.’—Rut 2:10-12.
Bogħaż mhux qed jipprova jġagħalha tinġibed lejh. It-tifħir li jagħtiha ġej minn qalbu. L-umiltà taʼ Rut hija sinċiera, u tirringrazzjah tal-kliem mimli faraġ tiegħu. Hi tqis li ma jistħoqqilhiex u tkompli taħdem saħansitra iktar. Iktar tard, fil-ħin taʼ l-ikel, Bogħaż jgħid lil Rut: “Ersaq ’l hawn, u kul biċċa ħobż, u bill il-ftiet tiegħek fil-ħall.” Hi tiekol sakemm tixbaʼ u terfaʼ ftit ikel biex tieħdu d-dar għal Nagħomi.—Rut 2:14.
Sa ma spiċċat il-ġurnata, Rut irnexxielha tlaqqat madwar 22 litru xgħir. Hi tieħu dan u l-ikel li kienet refgħet lura d-dar għal Nagħomi. (Rut 2:15-18) Ferħana bl-abbundanza taʼ ikel, Nagħomi tistaqsi: “Fejn mort tlaqqat il-qamħ illum? . . . Mbierek min ħa ħsiebek.” Meta ssir taf li kien Bogħaż, Nagħomi tgħid: “Imbierek hu mill-Mulej, li ma warrabx il-ħniena tiegħu la mill-ħajjin u lanqas mill-mejtin. . . . Dak ir-raġel hu qaribna, u hu li għandu d-dritt tal-fidwa fuqna.”—Rut 2:19, 20.
Taħsbilha għall-Futur
Peress li xtaqet tara lill-mara taʼ binha ‘miġbura’ jew ikollha darha, Nagħomi taħtaf l-opportunità biex tagħmel arranġamenti ħalli titlob id-dritt tal-fidwa, fi qbil mal-liġi t’Alla. (Levitiku 25:25; Dewteronomju 25:5, 6) Issa Nagħomi tħarreġ lil Rut u tipprepara pjan t’azzjoni li hu kemm effettiv ferm kif ukoll xi ftit drammatiku—mod kif setgħet tiġbed l-attenzjoni taʼ Bogħaż. Rut, preparata sew u taf x’għandha tagħmel, tmur fis-satra tal-lejl lejn il-qiegħa tad-dris taʼ Bogħaż. Hi ssibu rieqed, tikxiflu saqajh u tistennieh iqum.—Rut 3:1-7.
Meta fl-aħħar iqum, l-att simboliku taʼ Rut bla dubju jgħinu japprezza t-tifsir tat-talba tagħha biex hu ‘jixħet djul il-mantar tiegħu fuq il-qaddejja tiegħu.’ Minħabba l-azzjoni taʼ Rut, dan il-Lhudi avanzat fl-età jagħraf l-obbligu tiegħu bħala dak li għandu d-dritt tal-fidwa, ladarba kien qarib taʼ Maħlon, ir-raġel il-mejjet taʼ Rut.—Rut 3:9.
Iż-żjara taʼ Rut bil-lejl ma kinitx mistennija. Madankollu, ir-reazzjoni taʼ Bogħaż turi li t-talba taʼ Rut għal xi ħadd bid-dritt tal-fidwa ma kinitx daqshekk għal għarrieda. Bogħaż kien lest jieħu azzjoni fuq it-talba taʼ Rut.
Il-vuċi taʼ Rut x’aktarx li wriet xi ftit ansjetà, u dan qanqal lil Bogħaż biex jgħid: “Issa, binti, la tibżax. Jien nagħmel miegħek kull ma tgħidli, għax niesi kollha fil-bieb tal-belt jafu li int mara sewwa.”—Rut 3:11.
Il-fatt li Bogħaż kien iqis l-għemejjel taʼ Rut bħala tajbin għall-aħħar hu evidenti minn kliemu: “Imbierka, binti, mill-Mulej! Din tjubitek taʼ l-aħħar, aħjar mill-oħra taʼ qabel.” (Rut 3:10) Fl-ewwel okkażjoni, Rut uriet qalb tajba bl-imħabba, jew imħabba leali, maʼ Nagħomi. F’dik taʼ l-aħħar, hi bla egoiżmu identifikat lilha nfisha lil Bogħaż, li kien raġel ħafna akbar minnha, minħabba li kellu d-dritt tal-fidwa. Kienet lesta li jkollha t-tfal f’isem Maħlon, ir-raġel mejjet tagħha, u għal Nagħomi.
Ma Jonorax id-Dritt tal-Fidwa
L-għada fil-għodu, Bogħaż isejjaħ qarib li jiġi minn Nagħomi iktar mill-qrib minnu nnifsu. Quddiem l-abitanti u l-irġiel ixjeħ tal-belt, Bogħaż jgħid: ‘Nagħomi se tbigħ biċċa mill-għalqa li kellu ħuna Elimelek, u jien għedt, ngħarrfek biha.’ Bogħaż ikompli: ‘Jekk tifdiha, tkun fdejtha; jekk ma tifdihiex, għarrafni ħalli nkun naf, u jien niġi warajk.’ Wara dan il-qarib jindika li se jifdiha.—Rut 4:1-4.
Imma x’sorpriża kien hemm lesta għalih! Bogħaż issa jiddikjara quddiem ix-xhieda kollha: “Dak in-nhar li tixtri l-għalqa mingħand Nagħomi, int tkun trid tieħu wkoll lil Rut il-Mowabija, mart il-mejjet, biex tqajjem isem il-mejjet fuq wirtu.” Minħabba li jibżaʼ li jitlef il-wirt tiegħu stess, il-qarib ikollu jċedi d-dritt tal-fidwa u jgħid: “Ma nistax nifdi.”—Rut 4:5, 6.
Skond it-tradizzjoni, ir-raġel li jirrifjuta li jifdi jrid jinżaʼ sandlija u jagħtiha lil sieħbu. Allura meta dak li kellu d-dritt tal-fidwa jgħid lil Bogħaż, “Ħudha int,” hu jibda jinżaʼ s-sandlija. Imbagħad, Bogħaż jgħid lill-irġiel ixjeħ u n-nies kollha l-oħra: “Intom illum xhud li jien xtrajt kull ma kellu Elimelek, u kull ma kellu Kiljon, u kull ma kellu Maħlon mingħand Nagħomi. Nieħu wkoll b’marti lil Rut il-Mowabija, il-mara taʼ Maħlon, biex inqajjem l-isem tal-mejjet fuq il-wirt tiegħu . . . Intom illum ilkoll xhud taʼ dan.”—Rut 4:7-10.
In-nies kollha li kienu ħdejn bieb il-belt qalu lil Bogħaż: “Jagħmel Alla l-mara li daħlet f’darek bħal Rakel u bħal Lija, li t-tnejn bnew id-dar taʼ Iżrael. Stagħna f’Efrata u agħmel isem f’Betlehem.”—Rut 4:11, 12.
Bil-barka tan-nies, Bogħaż jieħu lil Rut bħala martu. Huma jkollhom tifel u jsemmuh Għobed, u b’hekk Rut u Bogħaż isiru antenati tas-Sultan David u iktar tard taʼ Ġesù Kristu.—Rut 4:13-17; Mattew 1:5, 6, 16.
‘Ħlas Sħiħ’
Matul ir-rakkont, mill-ewwel tislima mimlija ħniena tiegħu lill-ħaddiema sa meta wasal biex jaċċetta r-responsabbiltà li jkompli l-linja tal-familja taʼ Elimelek, Bogħaż juri kemm hu raġel straordinarju—raġel t’azzjoni u awtorità. Fl-istess waqt, kien raġel li wera r-rażna, il-fidi, u l-integrità. Bogħaż kien ukoll ġeneruż, qalbu tajba, safi moralment, u wera ubbidjenza sħiħa lejn il-kmandamenti taʼ Jehovah.
Rut tispikka għall-imħabba tagħha lejn Jehovah, għall-imħabba leali lejn Nagħomi, u għall-bżulija u l-umiltà li kellha. Mhux taʼ b’xejn li n-nies kienu jqisuha bħala “mara sewwa.” Hi qatt ma kielet “minn ħobż l-għażż,” u minħabba x-xogħol iebes tagħha, hi kien ikollha xi ħaġa x’taqsam mal-kunjata fqira tagħha. (Proverbji 31:27, 31) Meta Rut daħlet għar-responsabbiltà li tieħu ħsieb Nagħomi, ma setax jonqos li hi tħoss dak il-ferħ li jistaʼ jinkiseb meta wieħed jagħti.—Atti 20:35; 1 Timotju 5:4, 8.
X’eżempji mill-aqwa nsibu fil-ktieb taʼ Rut! Jehovah ftakar f’Nagħomi. Rut ħadet “ħlas sħiħ” bħala antenata taʼ Ġesù Kristu. Bogħaż ġie mbierek b’“mara sewwa.” Aħna għandna lil dawn l-individwi bħala eżempji taʼ fidi.
[Kaxxa f’paġna 26]
Xaqq taʼ Tama
Jekk tħossok li qed tgħix fi żminijiet taʼ niket, l-istorja taʼ Rut tistaʼ tipprovdi xaqq taʼ tama. Tispikka bħala konklużjoni importanti għall-ktieb taʼ l-Imħallfin. Il-ktieb taʼ Rut juri kif Jehovah uża armla umli mill-pajjiż barrani taʼ Mowab biex jipproduċi sultan għal niesu. Meta nqisu dak li ġara fil-ktieb taʼ l-Imħallfin, il-fidi taʼ Rut verament tispikka bħal dawl f’dak iż-żmien.
Meta taqra l-istorja taʼ Rut, int tistaʼ tibqaʼ ċert li minkejja kemm jistgħu jkunu terribbli ż-żminijiet, Alla dejjem jieħu ħsieb in-nies tiegħu u jwettaq l-iskopijiet tiegħu.