Żgħażagħ—Jehovah Mhux Se Jinsa Dak li Intom Għamiltu!
“Għax Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-qaddisin.”—Lhud 6:10.
1. Il-kotba Bibliċi taʼ Lhud u Malakija kif juru li Jehovah japprezza s-servizz tiegħek?
QATT għamilt xi ħaġa tajba għal xi ħabib u dan lanqas biss irringrazzjak? Kemm tweġġaʼ meta tkun ġeneruż maʼ xi ħadd u dan ma japprezzax, jew saħansitra agħar minn hekk, jinsa għalkollox xi tkun għamilt miegħu. Iżda, kemm hu differenti meta nagħtu servizz b’qalb sħiħa lil Jehovah! Il-Bibbja tgħid: “Għax Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-qaddisin.” (Lhud 6:10) Aħseb daqsxejn xi jfisser dan. Jehovah saħansitra jaraha bħala li Hu wettaq xi ħaġa inġusta—dnub—li kieku kellu jinsa dak li għamilt u li għadek qed tagħmel fis-servizz tiegħu. Kemm hu Alla li japprezza!—Malakija 3:10.
2. X’inhu li jagħmel is-servizz li tagħti lil Jehovah wieħed verament speċjali?
2 Int għandek opportunità speċjali biex tqim u taqdi lil dan Alla mimli gratitudni. Peress li hemm biss xi sitt miljun Xhud taʼ Jehovah meta tqabbilhom mas-sitt biljun persuna li hawn fid-dinja, il-privileġġ li għandek huwa tabilħaqq wieħed rari. Barra minn hekk, il-fatt li qed tismaʼ u twieġeb għall-messaġġ taʼ l-aħbar tajba juri li Jehovah jieħu interess persunali fik. Wara kollox, Ġesù qal: “Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja.” (Ġwann 6:44) Iva, Jehovah jgħin lin-nies b’mod individwali biex jieħdu vantaġġ mill-benefiċċji tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù.
Apprezza l-Privileġġ Grandjuż li Għandek
3. Ulied Koraħ kif esprimew l-apprezzament għall-privileġġ li jaqdu lil Jehovah?
3 Bħalma diġà ssemma fl-artiklu taʼ qabel, int tinsab f’pożizzjoni unika biex tferraħ qalb Jehovah. (Proverbji 27:11) Din hi xi ħaġa li għandek dejjem tapprezza. F’wieħed mis-Salmi ispirati tagħhom, ulied Koraħ esprimew l-apprezzament għall-privileġġ li jaqdu lil Jehovah. Fih naqraw: “Għax jum wieħed fit-tempju tiegħek aħjar minn elf jum f’post ieħor; aħjar noqgħod fuq l-għatba taʼ dar Alla tiegħi milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena.”—Salm 84:11 (84:10, NW).
4. (a) X’inhu li jistaʼ jġiegħel lil xi wħud iħarsu lejn il-qima taʼ Jehovah bħala sikkatura? (b) Jehovah b’liema mod juri li hu ħerqan biex jinnota u jippremja lill-qaddejja tiegħu?
4 Hekk tħossok int dwar il-privileġġ li għandek li taqdi lil Missierek tas-sema? Huwa minnu li kultant jidher qisu li l-qima taʼ Jehovah qed tnaqqas il-libertà tiegħek. Huwa veru wkoll li biex tgħix skond il-prinċipji tal-Bibbja jeħtieġ li tagħmel xi daqsxejn taʼ sagrifiċċju persunali. Iżda, fl-aħħar mill-aħħar dak kollu li Jehovah jitlob minnek huwa għall-ġid tiegħek stess. (Salm 1:1-3) Barra minn hekk, Jehovah jara l-isforzi li tagħmel u juri l-apprezzament tiegħu għal-lealtà tiegħek. Tabilħaqq, bħalma kiteb Pawlu, Jehovah “jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.” (Lhud 11:6) Jehovah qed ifittex l-opportunitajiet biex jagħmel dan. Profeta ġust f’Iżrael tal-qedem kiteb: “Għax għajnejh jiġru fuq l-art kollha, isaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-sħiħ miegħu.”—2 Kronaki 16:9.
5. (a) X’inhu wieħed mill-aqwa modi li bih tistaʼ turi li qalbek hi sħiħa lejn Jehovah? (b) Għala tistaʼ ssibha diffiċli biex titkellem m’oħrajn dwar it-twemmin tiegħek?
5 Wieħed mill-aqwa modi kif tistaʼ turi lil Jehovah li qalbek hi sħiħa lejh hu billi titkellem dwaru m’oħrajn. Qatt ġietek l-opportunità li titkellem maʼ xi wħud minn sħabek taʼ l-iskola dwar it-twemmin tiegħek? Għall-ewwel, dan jistaʼ jidher iebes, u anki l-ħsieb biss jistaʼ jbeżżgħek xi ftit. Imbagħad forsi tistaqsi, ‘U jekk jibdew jidħqu bija? Jew jekk jaħsbu li r-reliġjon tiegħi hi stramba?’ Ġesù qal li mhux kulħadd kien se jismaʼ l-messaġġ tas-Saltna. (Ġwann 15:20) Madankollu, dan ma jfissirx li int se tiġi ridikolat u mwarrab għall-bqija taʼ ħajtek. Pjuttost il-kontra, għax ħafna Xhieda żgħażagħ sabu lil min jismagħhom u saħansitra kisbu rispett akbar mingħand sħabhom għaliex żammew sod mat-twemmin tagħhom.
“Jehovah Se Jgħinek”
6, 7. (a) Waħda tfajla taʼ 17-il sena kif irnexxielha tagħti xiehda lil sħabha tal-klassi? (b) X’tgħallimt mill-esperjenza taʼ Jennifer?
6 Imma kif tistaʼ trabbi l-kuraġġ biex titkellem dwar it-twemmin tiegħek? Għax ma tagħmilhiex il-mira tiegħek li tkun sinċier u dirett meta n-nies jistaqsuk dwar ir-reliġjon tiegħek? Ikkunsidra l-esperjenza taʼ Jennifer li għandha 17-il sena. Hi tgħid: “Kont fil-brejk taʼ l-iskola. It-tfajliet fuq l-istess mejda tiegħi inzertaw kienu qed jiddiskutu r-reliġjon, u waħda minnhom staqsietni lil liema reliġjon kont nappartjeni.” Stħat tweġibha Jennifer? Hi tammetti: “Iva, għax ma kontx naf kif se jirreaġixxu.” Allura, Jennifer x’għamlet? Hi tkompli: “Għedtilhom li jien waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Għall-ewwel dehru sorpriżi. Milli jidher, kellhom l-idea li x-Xhieda taʼ Jehovah kienu nies strambi. Dan qanqalhom jagħmluli xi mistoqsijiet u rnexxieli niċċaralhom xi ideat żbaljati li kellhom. Anki wara dak il-jum, kultant xi wħud mit-tfajliet kienu jiġu fuqi u jistaqsuni xi ħaġa.”
7 Iddispjaċieha Jennifer talli ħadet l-opportunità biex titkellem dwar it-twemmin tagħha? Lanqas xejn! Hi tgħid: “Meta għadda l-brejk ħassejtni kuntenta minħabba dak li ġara. Issa dawk it-tfajliet jafu aħjar min huma verament ix-Xhieda taʼ Jehovah.” Issa Jennifer tagħti dan il-parir sempliċi: “Jekk issibha diffiċli biex tagħti xiehda lil sħabek tal-klassi jew lill-għalliema, għid talba malajr. Jehovah żgur jgħinek. Se tħossok kuntent talli tkun użajt sew l-opportunità biex tagħti xiehda.”—1 Pietru 3:15.
8. (a) It-talb kif għen lil Neħemija meta ffaċċja sitwazzjoni li ma kienx qed jistennieha? (b) Liema huma xi sitwazzjonijiet fl-iskola meta jistaʼ jkollok bżonn tgħid talba qasira f’qalbek lil Jehovah?
8 Innota li Jennifer tissuġġerixxi li ‘tgħid talba malajr’ lil Jehovah meta tiġik l-opportunità biex tagħti xiehda dwar it-twemmin tiegħek. Dan hu eżatt dak li għamel Neħemija, il-kuppier tas-Sultan Persjan Artasersi, meta ġie f’sitwazzjoni li ma kienx qed jistennieha. Neħemija kien jidher inkwetat għax kien ġie informat dwar is-sitwazzjoni diffiċli tal-Lhud u kien sar jaf li l-ħajt u l-bibien taʼ Ġerusalemm kienu ħerba. Is-sultan innota li Neħemija kien jidher inkwetat, allura staqsieh x’kien ġralu. Qabel ma wieġbu Neħemija talab għall-gwida. Imbagħad, bil-kuraġġ kollu talab il-permess biex imur lura Ġerusalemm u jgħin fil-bini mill-ġdid tal-belt imġarrfa. Artasersi aċċetta t-talba taʼ Neħemija. (Neħemija 2:1-8) X’titgħallem minn dan? Jekk tħossok tistħi meta tiġik l-opportunità biex tagħti xiehda dwar it-twemmin tiegħek, toqgħodx lura milli tgħid talba f’qalbek. Pietru kiteb: “Ixħtu [fuq Jehovah] l-ħsibijiet kollha tagħkom għax hu jaħseb fikom.”—1 Pietru 5:7; Salm 55:23 (55:22, NW).
‘Lest biex Tagħti Tweġiba’
9. Leah, li għandha 13-il sena, kif irnexxielha tqassam 23 kopja tal-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu?
9 Ikkunsidra esperjenza oħra. Leah, li għandha 13-il sena, kienet qed taqra l-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhoma waqt il-brejk taʼ l-iskola. Hi tgħid: “It-tfal l-oħra bdew iħarsu lejja, u f’daqqa waħda warajja nġemgħu grupp sħiħ taʼ tfal biex jaraw x’qed naqra. Bdew jistaqsuni fuqiex kien il-ktieb.” Sakemm wasalna biex immorru d-dar, erbaʼ tfajliet staqsew lil Leah biex iġġibilhom kopja tal-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu. Dawn it-tfajliet ma damux ma wrew il-ktieb lil xi tfajliet oħra, u dawn ukoll riedu kopja. Fil-ġimgħat li segwew, Leah ħalliet 23 kopja tal-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu maʼ sħabha tal-klassi u l-ħbieb tagħhom. Sabitha faċli Leah biex titkellem meta l-oħrajn staqsewha dwar il-ktieb li kienet qed taqra? Ma tantx! Hi tammetti: “Għall-ewwel stħajt. Madankollu, tlabt, u kont naf li Jehovah kien miegħi.”
10, 11. Tfajla żagħżugħa minn Iżrael kif irnexxielha tgħin lill-kap taʼ l-armata Sirjana biex isir jaf lil Jehovah, u liema bidliet għamel wara li sar jafu?
10 L-esperjenza taʼ Leah għandha mnejn tfakkrek f’sitwazzjoni simili għal dik li ffaċċjat tfajla żagħżugħa minn Iżrael li ttieħdet bħala lsira lejn is-Sirja. Nagħman, kap taʼ l-armata Sirjana, kellu l-ġdiem. Wisq probabbli kienet martu li bdiet il-konversazzjoni li qanqlet lit-tfajla żgħira biex titkellem dwar it-twemmin tagħha. Hi qalet: “M’hux li kien sidi quddiem il-profeta li hemm f’Samarija! Għax kien ineħħilu l-ġdiem li għandu!”—2 Slaten 5:1-3.
11 Minħabba l-qlubija taʼ din it-tfajla żagħżugħa, Nagħman sar jaf li “ma hemmx Alla ieħor fid-dinja kollha, ħlief f’Iżrael.” Hu saħansitra qatagħha li “m’huwiex se jagħmel iżjed sagrifiċċji tal-ħruq u offerti lil allat oħra, jekk mhux lill-Mulej.” (2 Slaten 5:15, 17) Jehovah żgur li bierek il-kuraġġ taʼ dik it-tfajla. Hu jistaʼ u se jagħmel l-istess maż-żgħażagħ taʼ llum. Leah rat kemm dan huwa minnu. Maż-żmien, xi wħud minn sħabha taʼ l-iskola marru fuqha u qalulha li l-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu kien qed jgħinhom fil-mod kif jaġixxu. Leah tgħid: “Ħassejtni kuntenta għax kont naf li qed ngħin lil oħrajn jitgħallmu iktar dwar Jehovah u fl-istess ħin qed ngħinhom jibdlu ħajjithom.”
12. Kif tistaʼ tissaħħaħ biex tiddefendi t-twemmin tiegħek?
12 Int jistaʼ jkollok esperjenzi bħal dawk taʼ Jennifer u Leah. Segwi l-parir taʼ Pietru, li kiteb li bħala Kristjan għandek ‘tkun dejjem lest biex tagħti tweġiba lil kull min jitolbok il-għala tat-tama li għandek; imma twieġeb bil-ħlewwa u bir-rispett.’ (1 Pietru 3:15, 16a) Kif tistaʼ tagħmel dan? Imita l-ħajja tal-Kristjani taʼ l-ewwel seklu li talbu lil Jehovah biex jgħinhom jippridkaw “bil-kuraġġ kollu.” (Atti 4:29) Imbagħad kun kuraġġuż u tkellem m’oħrajn dwar it-twemmin tiegħek. Għandek mnejn tibqaʼ skantat bir-riżultati. Iktar minn hekk, se tferraħ qalb Jehovah.
Vidjos u Proġetti Speċjali
13. Xi żgħażagħ ħadu vantaġġ minn liema opportunitajiet biex jagħtu xiehda? (Ara l-kaxxi f’paġni 20 u 21.)
13 Ħafna żgħażagħ spjegaw it-twemmin tagħhom lil sħabhom taʼ l-iskola jew lill-għalliema billi użaw il-vidjos. Xi drabi, il-proġetti taʼ l-iskola fetħulhom ukoll l-opportunità biex iġibu tifħir lil Jehovah. Per eżempju, żewġ subien taʼ 15-il sena, it-tnejn li huma Xhieda taʼ Jehovah, ġew inkarigati jiktbu rapport dwar waħda mir-reliġjonijiet tad-dinja bħala parti mil-lezzjoni taʼ l-istorja tad-dinja. Huma ngħaqdu bħala tim biex jiktbu r-rapport tagħhom dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah u bħala sors għall-informazzjoni tagħhom użaw il-ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom.b Barra minn hekk, kellhom jippreżentaw rapport orali taʼ ħames minuti. Wara dan, l-għalliem u l-istudenti tant kellhom mistoqsijiet li ż-żewġ subien kellhom jibqgħu quddiem il-klassi għal 20 minuta oħra. Diversi ġimgħat wara, sħabhom tal-klassi kienu għadhom qed jistaqsu dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah!
14, 15. (a) Il-biżaʼ mill-bniedem għala huwa taʼ xkiel? (b) Għala għandek tħossok kunfidenti meta titkellem dwar it-twemmin tiegħek m’oħrajn?
14 Bħalma juru l-esperjenzi li għadna kif rajna, int jistaʼ jkollok barkiet kbar meta titkellem dwar it-twemmin u l-konvinzjonijiet tiegħek bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Tħallix il-biżaʼ mill-bniedem iċaħħdek mill-privileġġ u l-ferħ li jiġi milli tgħin lil oħrajn isiru jafu lil Jehovah. Il-Bibbja tistqarr: “Min jibżaʼ mill-bniedem jaqaʼ fi xkiel; imma min jittama fil-Mulej ikun fil-kenn.”—Proverbji 29:25.
15 Ftakar li, bħala żagħżugħ Kristjan int għandek xi ħaġa li sħabek għandhom bżonnha ħafna—l-aħjar mod taʼ ħajja issa u l-wegħda taʼ ħajja taʼ dejjem fil-futur. (1 Timotju 4:8) Taʼ min jinnota li fl-Istati Uniti—fejn ħafna għandhom mnejn jaħsbu li n-nies b’mod ġenerali huma birdin jew ma jinteressahomx mir-reliġjon—stħarriġ li sar wera li mill-inqas nofs iż-żgħażagħ jieħdu r-reliġjon b’serjetà kbira, u wieħed minn kull tlieta jgħid li t-twemmin reliġjuż huwa “l-iktar influwenza importanti” f’ħajtu. Wisq probabbli, is-sitwazzjoni hija simili f’ħafna partijiet oħra tad-dinja. Allura, x’aktarx li sħabek taʼ l-iskola se jieħdu gost jisimgħu dak li għandek x’tgħidilhom dwar il-Bibbja.
Ersaq Lejn Jehovah f’Żgħożitek
16. Biex togħġob lil Jehovah xi trid tagħmel minbarra li titkellem dwaru m’oħrajn?
16 M’għandniex xi ngħidu, biex tferraħ qalb Jehovah trid tagħmel iktar milli sempliċement titkellem dwaru. Trid tara wkoll li l-imġiba tiegħek tkun fi qbil mal-livelli tiegħu. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Għax din hi l-imħabba taʼ Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġwann 5:3) Int se tara kemm dan huwa minnu jekk tersaq qrib taʼ Jehovah. Kif tistaʼ tagħmel dan?
17. Kif tistaʼ tersaq qrib taʼ Jehovah?
17 Warrab il-ħin biex taqra l-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet ibbażati fuqha. Iktar ma titgħallem dwar Jehovah, iktar se ssibha faċli biex tobdih u titkellem dwaru m’oħrajn. Ġesù qal: “Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb taʼ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.” (Luqa 6:45) Għalhekk, imla qalbek b’affarijiet tajbin. Għax ma tagħmilx xi miri għalik innifsek? Forsi tistaʼ tipprepara aħjar għal-laqgħat tal-kongregazzjoni tal-ġimgħa d-dieħla. Imbagħad tistaʼ tagħmilha mira li tikkumenta fil-qosor iżda minn qalbek. M’għandniex xi ngħidu, huwa vitali wkoll li tipprattika dak li titgħallem.—Filippin 4:9.
18. Anki jekk ikollok tbati minħabba xi oppożizzjoni, dwar xiex għandek tkun fiduċjuż?
18 Il-barkiet li jiġu milli taqdi lil Jehovah iddum tgawdihom—tabilħaqq, se tgawdihom għal dejjem. Huwa minnu li kultant tistaʼ tgħaddi minn xi persekuzzjoni jew twaqqigħ għaċ-ċajt għaliex int wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Iżda aħseb f’Mosè. Il-Bibbja tgħid li hu “ħares ’il quddiem lejn il-ħlas.” (Lhud 11:24-26) Int ukoll tistaʼ tkun fiduċjuż li Jehovah se jippremja l-isforzi li tagħmel biex titgħallem u titkellem dwaru. Tabilħaqq, hu qatt m’hu se ‘jinsa dak li int għamilt u l-imħabba li wrejt lejn ismu.’—Lhud 6:10.
[Noti taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
b Pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
Tiftakar Int?
• Għala tistaʼ tkun ċert li s-servizz tiegħek huwa taʼ valur għal Jehovah?
• Xi wħud b’liema modi rnexxielhom jagħtu xiehda fl-iskola?
• Kif tistaʼ tissaħħaħ biex tagħti xiehda lil sħabek tal-klassi?
• Kif tistaʼ tersaq qrib taʼ Jehovah?
[Kaxxa/Stampi f’paġna 20]
Anki ċ-Ċkejknin Ifaħħru lil Jehovah!
Anki t-tfal irnexxielhom jagħtu xiehda fl-iskola. Ikkunsidra dawn l-esperjenzi.
It-tfal tal-klassi tal-ħames sena li kienet fiha Amber, li għandha għaxar snin, kienu qed jaqraw ktieb dwar l-attakk tan-Nazi fuq il-Lhud fit-Tieni Gwerra Dinjija. Amber iddeċidiet li ġġib il-vidjo Purple Triangles lill-għalliema tagħha. L-għalliema baqgħet skantata meta saret taf li x-Xhieda taʼ Jehovah ukoll ġew persegwitati taħt ir-reġim tan-Nazi. L-għalliema wriet il-vidjo lill-klassi kollha.
Fl-età taʼ tmien snin, Alexa kitbet ittra lill-klassi tagħha li fiha spjegatilhom għala ma setgħetx tieħu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied. L-għalliema tagħha tant baqgħet impressjonata li qalet lil Alexa biex taqra l-ittra lill-klassi tagħha kollha u lil żewġ klassijiet oħra wkoll! Fil-konklużjoni hi qalet: “Jien ġejt mgħallma nirrispetta lil dawk li għandhom twemmin differenti minn tiegħi, u nirringrazzjakom talli tirrispettaw id-deċiżjoni tiegħi li ma niċċelebrax il-Milied.”
Ftit wara li beda l-ewwel sena tiegħu fl-iskola, Eric ħa miegħu Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja u talab il-permess biex jurih lil sħabu tal-klassi. L-għalliema tiegħu qaltlu: “Għandi suġġeriment aqwa. Għax ma taqrax storja lill-klassi?” Eric hekk għamel. Wara dan, hu stieden lil dawk kollha li riedu kopja tal-ktieb biex jgħollu idhom. Kien hemm tmintax li għollew idhom inkluż l-għalliema tiegħu! Eric issa jħoss li għandu t-territorju speċjali tiegħu fejn jagħti xiehda.
Whitney, li għandha disaʼ snin, tapprezza ħafna l-browxer Jehovah’s Witnesses and Education.c Hi tgħid: “Is-soltu, hija ommi li kull sena tagħti l-browxer lill-għalliema tiegħi, iżda din is-sena tajtulhom jien. Bl-għajnuna taʼ dan il-browxer, l-għalliema tiegħi nnominatni bħala ‘l-istudenta tal-ġimgħa.’”
[Nota taʼ taħt]
c Il-pubblikazzjonijiet kollha li ssemmew huma pubblikati mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 21]
Xi Sitwazzjonijiet li Użaw Xi Wħud biex Jitkellmu dwar it-Twemmin Tagħhom
Meta jingħataw l-inkarigu biex jagħmlu rapport jew proġett taʼ l-iskola, xi wħud għażlu suġġett li bih setgħu jagħtu xiehda
Għadd taʼ żgħażagħ taw lill-għalliem tagħhom vidjo jew pubblikazzjoni li għandha x’taqsam mas-suġġett li jkun qed jiġi diskuss fil-klassi
Xi żgħażagħ li kienu qed jaqraw il-Bibbja jew xi pubblikazzjoni bbażata fuq il-Bibbja matul il-brejk ġew avviċinati minn żgħażagħ oħra li staqsewhom xi mistoqsijiet
[Stampa f’paġna 18]
Uħud taʼ l-esperjenza jistgħu jgħinu biex iħarrġu liż-żgħażagħ ħalli jaqdu lil Jehovah