LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 5/15 pp. 29-32
  • Li wieħed jiġi maqtugħ mis-sħubija hu att taʼ mħabba

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Li wieħed jiġi maqtugħ mis-sħubija hu att taʼ mħabba
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • INDIVIDWU GĦALA JISTAʼ JIĠI MAQTUGĦ MIS-​SĦUBIJA?
  • IL-​BENEFIĊĊJI TAʼ QTUGĦ MIS-​SĦUBIJA
  • KIF NISTGĦU NURU LI NĦOBBU LIL DAWK MAQTUGĦIN MIS-​SĦUBIJA?
  • Meta Xi Ħadd li Tħobb Jitlaq lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Kif Għandna Nittrattaw lil Xi Ħadd Maqtugħ mis-Sħubija
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Uri l-Lealtà Kristjana Meta Qarib Ikun Maqtugħ mis-Sħubija
    Il-Ministeru tas-Saltna—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 5/15 pp. 29-32
Mara maqtugħa mis-sħubija tara lill-membri tal-kongregazzjoni jassoċjaw flimkien

Li wieħed jiġi maqtugħ mis-sħubija hu att taʼ mħabba

JULIAN jiftakar kif ħassu meta semaʼ l-​avviż li ibnu m’għadux wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hu jgħid, “Għalija kienet qisha spiċċat id-​dinja. Kien it-​tifel il-​kbir tiegħi, u kellna relazzjoni mill-​qrib ħafna; konna nagħmlu ħafna affarijiet flimkien.” Julian spjega li ibnu dejjem kien ġab ruħu sew, imma mbagħad tbiddel u beda jagħmel affarijiet ħżiena. Mart Julian bkiet fuq li bkiet, u hu ma kienx jaf kif ifarraġha. Julian jgħid, “Bqajna nsaqsu lilna nfusna jekk inqasniex bħala ġenituri.”

Il-​Bibbja liema raġunijiet tagħti għal qtugħ mis-​sħubija? U ladarba jikkaġuna tant uġigħ, għala nistgħu ngħidu li l-​qtugħ mis-​sħubija hu att taʼ mħabba?

INDIVIDWU GĦALA JISTAʼ JIĠI MAQTUGĦ MIS-​SĦUBIJA?

Jekk Xhud taʼ Ġeħova li hu mgħammed jagħmel dnub serju u ma jindimx, jiġi maqtugħ mis-​sħubija.

Ġeħova ma jistenniex minna perfezzjoni, imma jistenna li l-​qaddejja tiegħu jobdu l-​liġijiet tiegħu u jibqgħu qaddisin. Pereżempju, Ġeħova jikkmanda lill-​qaddejja tiegħu biex jevitaw dnubiet serji bħal żína, idolatrija, serq, imbroljar, qtil, u spiritiżmu.—1 Korintin 6:9, 10; Rivelazzjoni 21:8.

Dak li Ġeħova jistenna minna hu raġunevoli u taʼ protezzjoni għalina. Pereżempju, ilkoll nixtiequ ngħixu fost nies li jġibu l-​paċi, għandhom morali tajbin, u huma onesti, u aħna dan kollu nesperjenzawh fost ħutna spiritwali. Għala jaġixxu hekk? Għax iddedikaw lilhom infushom lil Ġeħova u wiegħdu li jgħixu skont dak li tgħid il-​Bibbja.

Imma xi ngħidu jekk Kristjan mgħammed jagħmel dnub serju minħabba l-​imperfezzjoni? Hekk ġara lil xi wħud mill-​qaddejja taʼ Ġeħova fil-​passat, imma Ġeħova ma ċaħadhomx għalkollox. Pereżempju, għalkemm is-​Sultan David għamel adulterju u qatel, il-​profeta Natan qal lil David li Ġeħova ħafirlu dnubu.—2 Samwel 12:13.

Ġeħova għala ħafirlu lil David? Għax Ġeħova setaʼ jara li David kien nidem verament. (Salm 32:1-​5) Illum ukoll, xi ħadd li jidneb jiġi maħfur jekk jindem verament u jieqaf jagħmel dak li hu ħażin. (Atti 3:19; 26:20) Jekk l-​anzjani f’kumitat ġudizzjarju jindunaw li l-​individwu ma nidimx verament, imbagħad għandu jiġi maqtugħ mis-​sħubija.

Jekk xi ħadd mill-​familja jew ħabib tal-​qalb ġie maqtugħ mis-​sħubija, għandu mnejn issib li hu diffiċli biex taċċetta din id-​deċiżjoni u li forsi hi iebsa wisq. Madankollu, il-​Kelma taʼ Ġeħova turi ċar li l-​qtugħ mis-​sħubija hu att taʼ mħabba.

IL-​BENEFIĊĊJI TAʼ QTUGĦ MIS-​SĦUBIJA

Ġesù qal li “l-​għerf jintwera li hu sewwa minn għemilu.” (Mattew 11:19) Ħalli naraw tliet raġunijiet għala tkun deċiżjoni għaqlija li xi ħadd jiġi maqtugħ mis-​sħubija jekk ma jindimx.

Il-​qtugħ mis-​sħubija jipproteġi isem Ġeħova milli jiġi mmaqdar. Dak li nagħmlu se jġib ġieħ jew tmaqdir fuq Ġeħova għax, bħala x-​Xhieda tiegħu, nissejħu b’ismu. (Isaija 43:10) Bħalma l-​kondotta taʼ iben tistaʼ ġġib ġieħ jew tmaqdir fuq il-​ġenituri tiegħu, hekk ukoll il-​kondotta tal-​qaddejja taʼ Ġeħova tistaʼ ġġib ġieħ jew tmaqdir fuq Ġeħova. Fi żmien Eżekjel, in-​nies tal-​ġnus assoċjaw lil-​Lhud maʼ isem Ġeħova. (Eżekjel 36:19-​23) B’mod simili llum, in-​nies jassoċjaw lix-​Xhieda taʼ Ġeħova maʼ isem Ġeħova. Allura jekk nobdu l-​liġijiet taʼ Ġeħova, se nġibulu ġieħ.

L-​appostlu Pietru ta parir lill-​Kristjani: “Bħal tfal ubbidjenti, tibqgħux magħġunin skond ix-​xewqat li kellkom qabel fl-​injoranza tagħkom, imma, fi qbil mal-​Qaddis li sejħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fil-​kondotta kollha tagħkom, għax hu miktub: ‘Kunu qaddisin, għax jien qaddis.’” (1 Pietru 1:14-​16) Pereżempju, jekk ninvolvu ruħna f’immoralità sesswali, inkunu qed inġibu tmaqdir fuq isem Ġeħova. Imma meta nżommu l-​kondotta nadifa, aħna nkunu qed inġibu ġieħ lil Ġeħova.

Jekk Xhud taʼ Ġeħova jipprattika dak li hu ħażin, in-​nies li jafuh probabbilment se jkunu konxji taʼ x’qed jagħmel. Allura, meta jsiru jafu li m’għadux Xhud taʼ Ġeħova, se jirrealizzaw li n-​nies taʼ Ġeħova jobdu dak li tgħid il-​Bibbja u li jżommu lill-​kongregazzjoni nadifa. Pereżempju, raġel fl-​Iżvizzera mar laqgħa u qal li ried isir membru tal-​kongregazzjoni. Oħtu kienet ġiet maqtugħa mis-​sħubija minħabba l-​immoralità u issa hu ried jingħaqad maʼ organizzazzjoni li “ma tippermettix kondotta ħażina.”

Il-​qtugħ mis-​sħubija jżomm lill-​kongregazzjoni Kristjana nadifa. L-​appostlu Pawlu wissa lill-​Korintin dwar il-​periklu li midneb li ma jindimx jitħalla jibqaʼ fil-​kongregazzjoni. Hu qabbel l-​influwenza ħażina taʼ dawn il-​midinbin mal-​ħmira li ġġiegħel l-​għaġna kollha titħemmer. Pawlu qal: “Ftit ħmira tħemmer l-​għaġna kollha.” Imbagħad tahom il-​parir: “Neħħu lill-​bniedem mill-​agħar minn fostkom.”—1 Korintin 5:6, 11-13.

Dan il-​“bniedem mill-​agħar” kien ipprattika l-​immoralità sesswali bla ebda dispjaċir. Xi wħud fil-​kongregazzjoni tiegħu kienu saħansitra bdew jiskużaw il-​kondotta ħażina tiegħu. (1 Korintin 5:1, 2) Dan kien perikoluż għax Kristjani oħra setgħu jiġu effettwati mill-​istil taʼ ħajja immorali li kien normali f’Korintu. B’mod simili llum, jekk il-​kongregazzjoni tinjora dnub serju, xi wħud jistgħu jibdew iqisu li mhumiex importanti l-​livelli taʼ Ġeħova. (Ekkleżjasti 8:11) Bħalma “blat moħbi taħt l-​ilma” jistaʼ jikkaġuna nawfraġju, hekk ukoll il-​midinbin li ma jindmux jistgħu jeqirdu l-​fidi t’oħrajn fil-​kongregazzjoni.—Ġuda 4, 12.

Il-​qtugħ mis-​sħubija jistaʼ jgħin lill-​midneb jirrealizza li qiegħed fil-​ħażin. Ġesù uża tixbiha dwar raġel żagħżugħ li ħalla dar missieru u li nefaq il-​wirt kollu tiegħu billi għex ħajja immorali. Ir-​raġel żagħżugħ maż-​żmien induna li l-​ħajja ’l bogħod minn dar missieru kienet bla skop. Allura nidem u ddeċieda li jmur lura għand il-​familja tiegħu. Missieru kien kuntent ħafna meta ra li ibnu kien biddel l-​attitudni tiegħu, u hu laqgħu lura d-​dar. (Luqa 15:11-​24) Din it-​tixbiha tgħinna nifhmu kif Ġeħova jħossu meta xi ħadd jindem. Hu jgħid: “Jien mhux bil-​mewt tal-​ħażin nitgħaxxaq imma b’li xi ħadd ħażin idur lura minn triqtu u jibqaʼ jgħix.”—Eżekjel 33:11.

Il-​kongregazzjoni Kristjana hi l-​familja spiritwali tagħna. Meta xi ħadd jiġi maqtugħ mis-​sħubija, ma jibqax parti minn din il-​familja. Wara li esperjenza r-​riżultat tal-​kondotta ħażina tiegħu, għandu mnejn jinduna bl-​iżball tiegħu u jiftakar kemm kien iktar kuntent meta kellu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova u l-​kongregazzjoni. Dan jistaʼ jinkuraġġih biex jiġi lura għand il-​familja spiritwali tiegħu.

Sabiex ngħinu lil xi ħadd maqtugħ mis-​sħubija jiġi lura għand il-​familja spiritwali, aħna għandna bżonn nuru li nħobbuh billi nkunu sodi. Pereżempju, immaġina xi ħadd qed jiekol u biċċa laħam teħel fi griżmejh. Ma jkunx jistaʼ jieħu nifs sew, u jħossu bla saħħa. Barra minn hekk, ma jkunx jistaʼ jitkellem. Se jispiċċa jmut, jekk xi ħadd ma jtihx l-​għajnuna malajr. Imbagħad ħabib itih xi daqqiet fuq dahru biex iġiegħel il-​biċċa laħam toħroġ. Id-​daqqiet forsi jweġġgħuh, imma jistgħu jsalvawlu ħajtu. David esprima ħsieb simili meta qal: “Jekk il-​ġust isawwatni, dan ikun att taʼ qalb tajba bl-​imħabba.” (Salm 141:5) David għaraf li għalkemm id-​dixxiplina kienet taʼ wġigħ, kienet t’għajnuna għalih.

Sewwasew bħal dik id-​daqqa, il-​qtugħ mis-​sħubija hu spiss dak li jkollu bżonn l-​individwu biex jerġaʼ lura għand Ġeħova. Iben Julian, li ssemma fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu, biddel ħajtu u reġaʼ lura għand il-​familja spiritwali 10 snin wara li kien ġie maqtugħ mis-​sħubija. Illum hu anzjan. Hu jammetti: “Li nkun maqtugħ mis-​sħubija ġabni wiċċ imb wiċċ mal-​konsegwenzi tal-​istil taʼ ħajti. Kelli bżonnha dik it-​tip taʼ dixxiplina.”—Ebrej 12:7-11.

KIF NISTGĦU NURU LI NĦOBBU LIL DAWK MAQTUGĦIN MIS-​SĦUBIJA?

Tkun traġedja meta xi ħadd jiġi maqtugħ mis-​sħubija. Imma dan ma jfissirx li qatt ma jistaʼ jiġi lura għand Ġeħova. Huwa importanti li lkoll kemm aħna nħallu d-​dixxiplina tagħmel xogħolha. Kif nistgħu nagħmlu dan?

Żewġ anzjani jiltaqgħu maʼ mara li hi maqtugħa mis-sħubija

Isir sforz biex dawk niedma jerġgħu lura għand Ġeħova

L-​anzjani dejjem jipprovaw jimitaw l-​imħabba taʼ Ġeħova, speċjalment meta jkollhom jgħidu lil xi ħadd li m’għadux wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Huma jispjegaw b’qalb tajba u b’mod ċar x’għandu jagħmel biex jiġi lura għand Ġeħova u biex jerġaʼ jkun parti mill-​kongregazzjoni. Jekk xi ħadd li jkun ġie maqtugħ mis-​sħubija juri li jrid jiġi lura għand il-​familja spiritwali, l-​anzjani jistgħu jżuruh minn żmien għall-​ieħor biex ifakkruh x’għandu jagħmel biex jerġaʼ jiġi lura għand Ġeħova.a—Ara n-​nota taʼ taħt.

Il-​membri tal-​familja jkunu qed juru l-​imħabba lejn il-​kongregazzjoni u lejn l-​individwu li jkun ġie maqtugħ mis-​sħubija meta jappoġġaw id-​deċiżjoni li jkunu ħadu l-​anzjani. Julian jispjega, “Kien għadu ibni, imma l-​istil taʼ ħajtu bena ħajt bejnietna.”

Dawk kollha fil-​kongregazzjoni juru mħabba vera lejn l-​individwu maqtugħ mis-​sħubija billi jappoġġaw id-​dixxiplina li Ġeħova tah permezz tal-​anzjani. Dan ifisser li m’għandhomx iqattgħu ħin miegħu jew saħansitra jkellmuh. (1 Korintin 5:11; 2 Ġwanni 10, 11) Apparti minn hekk, il-​kongregazzjoni għandha turi iktar imħabba lejn il-​familja li għandha xi ħadd li ġie maqtugħ mis-​sħubija u għandha wkoll tagħtiha iktar appoġġ. Dan hu żmien diffiċli ħafna għall-​familja. Qatt m’għandna nġegħluhom iħossu li huma wkoll ġew imwarrbin mill-​kongregazzjoni.—Rumani 12:13, 15.

Julian jikkonkludi, “Il-​qtugħ mis-​sħubija hu arranġament li għandna bżonn, arranġament li jgħinna ngħixu skont il-​livelli taʼ Ġeħova. Fl-​aħħar mill-​aħħar, minkejja l-​uġigħ emozzjonali, ikun hemm riżultati tajbin. Kieku aġixxejt qisu qatt ma ġara xejn dwar il-​kondotta ħażina taʼ ibni, qatt ma kien jerġaʼ jiġi lura.”

a Ara It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Lulju 1991, paġni 13-15.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja