Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Ladarba l-Leviti ma kellhomx wirt f’Iżrael tal-qedem, kif setaʼ Ħanamel il-Levita jbigħ għalqa lil Ġeremija, kuġinuh il-Levita, kif inhu dokumentat f’Ġeremija 32:7?
Rigward il-Leviti, Jehovah qal lil Aron: “Int ma jkollok ebda wirt f’arthom u ma jkollok ebda sehem minnha f’[nofs Iżrael].” (Numri 18:20) Minkejja dan, il-Leviti ngħataw 48 belt flimkien maʼ mergħat għall-imrieħel tagħhom, imxerrdin maʼ l-Art Imwiegħda. Ġeremija twieled fil-belt t’Għanatot, waħda mill-bliet assenjati lill-qassisin, “ulied Aron.”—Ġożwè 21:13-19; Numri 35:1-8; 1 Kronaki 6:39, 45 (6:54, 60, NW).
F’Levitiku 25:32-34, naraw li Jehovah ta istruzzjonijiet speċifiċi rigward “id-dritt tal-fidwa” tal-proprjetà tal-Leviti. Mid-dehra, familji Leviti individwali kien ikollhom drittijiet tal-wirt rigward il-pussess, l-użu, u l-bejgħ taʼ xi sehem speċifiku. Dawn naturalment kienu jinkludu l-bejgħ u x-xiri lura taʼ proprjetà.a F’ħafna aspetti, il-Leviti kellhom proprjetà u użawha bħalma kienu jużawha tribujiet oħra Iżraelin.
X’aktarx li l-proprjetà tal-Leviti kienet tgħaddi għand xi ħaddieħor permezz taʼ wirt fil-familja. Madankollu, rigward “id-dritt tal-fidwa” l-Leviti setgħu biss jinnegozjaw bejniethom. Mid-dehra, il-bejgħ u x-xiri lura taʼ l-art kienu japplikaw biss għall-proprjetà fil-bliet, ladarba “r-rabaʼ taʼ madwar il-bliet tagħhom” ma kellux jinbiegħ għax kien “propjetà tagħhom għal dejjem.”—Levitiku 25:32, 34.
Għalhekk, l-għalqa li xtara Ġeremija mingħand Ħanamel mid-dehra kienet minn dan it-tip li setaʼ jgħaddi għand ħaddieħor billi jiġi mifdi. Forsi kien jinsab ’il ġewwa mis-sisien tal-belt. Jehovah innifsu kkonferma li “l-għalqa” li qed nitkellmu dwarha kienet taʼ Ħanamel u li Ġeremija kellu ‘d-dritt li jifdiha.’ (Ġeremija 32:6, 7) Jehovah uża din il-biċċa negozju simbolikament sabiex isaħħaħ il-wegħda tiegħu li l-Iżraelin kienu se jirritornaw u jerġgħu jieħdu l-wirt tagħhom taʼ l-art wara perijodu t’eżilju f’Babilonja.—Ġeremija 32:13-15.
M’hemmx indikazzjoni li Ħanamel ġie f’pussess tal-proprjetà f’Għanatot b’metodi mhux xierqa. M’hemm xejn li jissuġġerixxi li hu kiser il-liġi taʼ Jehovah meta stieden lil Ġeremija biex jixtri din l-għalqa f’Għanatot jew li Ġeremija uża ħażin id-dritt tal-fidwa meta xtara l-għalqa.—Ġeremija 32:8-15.
[Nota taʼ taħt]
a Fl-ewwel seklu E.K., il-Levita Barnaba biegħ biċċa art li kienet tiegħu u ta dak li daħħal minnha biex jgħin lis-segwaċi taʼ Kristu f’Ġerusalemm li kienu fil-bżonn. Il-proprjetà setgħet kienet jew fil-Palestina jew f’Ċipru. Jew huwa possibbli li din kienet sempliċement biċċa art għad-dfin li Barnaba kien xtara fl-inħawi taʼ Ġerusalemm.—Atti 4:34-37.