LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 1/15 pp. 26-30
  • Opponi lil Satana, u Hu Jaħrab!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Opponi lil Satana, u Hu Jaħrab!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għandna Nibżgħu mix-​Xitan?
  • Satana Għala Jippersegwitana?
  • “Eħlisna mill-​Ħażin”
  • Tħallix lix-​Xitan Jegħlbek
  • Protetti mill-​Armatura li Jagħti Alla
  • Opponi lix-​Xitan, u Hu Jaħrab
  • “Opponu lix-Xitan” Bħalma Għamel Ġesù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Għadu Tal-Ħajja Taʼ Dejjem
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Ix-Xitan Mhux Sempliċement Superstizzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ix-Xitan Kemm Huwa Reali Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 1/15 pp. 26-30

Opponi lil Satana, u Hu Jaħrab!

“Issottomettu ruħkom lejn Alla; imma opponu lix-​Xitan, u hu jaħrab minnkom.”—ĠAKBU 4:7.

1, 2. (a) Liema karatteristika tax-​Xitan tidher fid-​dikjarazzjoni mniżżla f’Isaija kapitlu 14? (b) Liema mistoqsijiet se niddiskutu?

IX-​XITAN huwa x-​xempju taʼ l-​arroganza. Il-​kburija tiegħu tidher mill-​kliem li ġie mniżżel minn Isaija, il-​profeta t’Alla. Ftit iktar minn seklu qabel maʼ Babilonja saret il-​qawwa dinjija ewlenija, il-​poplu taʼ Ġeħova ġie deskritt bħala li kien qed jagħmel din id-​dikjarazzjoni kontra s-​“sultan taʼ Babilonja”: “Kont tgħid f’qalbek: ‘Nitlaʼ sas-​smewwiet, ’il fuq mill-​kwiekeb taʼ Alla [is-slaten tal-​linja rjali taʼ David]. It-​tron tiegħi ngħolli . . . insir nixbah lil Alla l-​Għoli.’” (Isaija 14:​3, 4, 12-15; Numri 24:17) Il-​kburija tas-​“sultan taʼ Babilonja” kienet simili għall-​attitudni taʼ Satana, “l-​alla taʼ din is-​sistema.” (2 Korintin 4:4) Imma l-​arroganza taʼ Satana se twassal għal diżastru, saħansitra bħalma d-​dinastija Babiloniża kellha tmiem taʼ mistħija.

2 Madankollu, sakemm jibqaʼ jeżisti x-​Xitan se nibqgħu konċernati dwar mistoqsijiet bħal: Għandna għalfejn nibżgħu minn Satana? Hu għala jqanqal lil uħud biex jippersegwitaw lill-​Kristjani? Kif nistgħu nevitaw li niġu megħlubin mix-​Xitan?

Għandna Nibżgħu mix-​Xitan?

3, 4. Il-​Kristjani midlukin u sħabhom għala ma jibżgħux mix-​Xitan?

3 Il-​kliem taʼ Ġesù Kristu kien verament inkuraġġanti għall-​Kristjani midlukin: “Tibżax minn dak li se ssofri dalwaqt. Ara! Ix-​Xitan jibqaʼ jixħet lil xi wħud minnkom il-​ħabs sabiex tiġġarrbu bis-​sħiħ, u sabiex ikollkom tribulazzjoni għal għaxart ijiem. Agħti prova tal-​fedeltà tiegħek sal-​mewt, u nagħtik il-​kuruna tal-​ħajja.” (Rivelazzjoni 2:10) Dawk li huma midlukin u sħabhom li għandhom it-​tama li se jgħixu fuq l-​art ma jibżgħux mix-​Xitan. Il-​fatt li huma ma jibżgħux minnu m’huwiex għax huma twieldu kuraġġużi. In-​nuqqas taʼ biżaʼ jiġi minn biżaʼ bnin minn Alla u għax huma ‘jistkennu għad-​dell taʼ ġwenħajh.’—Salm 34:10 (34:​9, NW); 36:8 (36:​7, NW).

4 Id-​dixxipli kuraġġużi taʼ l-​ewwel seklu li kellu Ġesù Kristu taw prova li kienu leali sal-​mewt minkejja dak kollu li sofrew. Huma ma ċedewx għall-​biżaʼ minħabba dak li Satana x-​Xitan setaʼ jagħmel għax huma kienu jafu li Ġeħova qatt m’hu se jitlaq lil dawk li jagħtu prova li huma leali lejh. B’mod simili, meta jiffaċċjaw persekuzzjoni ħarxa llum, il-​Kristjani midlukin u sħabhom dedikati huma determinati li jibqgħu jżommu l-​integrità tagħhom lejn Alla. Madankollu, l-​appostlu Pawlu wera li x-​Xitan jistaʼ jikkaġuna l-​mewt. M’għandux ibeżżagħna dan?

5. X’nitgħallmu minn Ebrej 2:​14, 15?

5 Pawlu qal li Ġesù ‘ħa mid-​demm u l-​ġisem’ “biex b’mewtu jġib fix-​xejn lil dak li jistaʼ jikkaġuna l-​mewt, jiġifieri, ix-​Xitan, u jeħles lil dawk kollha li minħabba l-​biżaʼ mill-​mewt kienu suġġettati għall-​jasar ħajjithom kollha.” (Ebrej 2:​14, 15) Bħala dak li “jistaʼ jikkaġuna l-​mewt,” Satana beda jikkontrolla lil Ġuda l-​Iskarjota, u mbagħad uża lill-​mexxejja Lhud u r-​Rumani biex joqtlu lil Ġesù. (Luqa 22:3; Ġwanni 13:​26, 27) Madankollu, permezz tal-​mewt tiegħu bħala sagrifiċċju, Ġesù ħeles lill-​umanità midinba minn taħt idejn Satana u għamilha possibbli għalina biex ikollna l-​ħajja taʼ dejjem.—Ġwanni 3:16.

6, 7. Satana sa liema punt jistaʼ jikkaġuna l-​mewt?

6 Ix-​Xitan sa liema punt jistaʼ jikkaġuna l-​mewt? Mill-​bidunett li Satana beda l-​karriera tiegħu taʼ ħażen, il-​gideb tiegħu u l-​mod kif iggwida lin-​nies ikkaġunaw il-​mewt fost l-​umanità. Dan ġara għax Adam dineb, u b’hekk għadda d-​dnub u l-​mewt għal fuq il-​familja umana. (Rumani 5:12) Barra minn hekk, il-​qaddejja li Satana għandu fuq l-​art ippersegwitaw lill-​aduraturi taʼ Ġeħova, kultant sal-​mewt, saħansitra bħalma għamlu lil Ġesù Kristu.

7 Minkejja dan, m’għandniex naħsbu li x-​Xitan jistaʼ jaqbad joqtol lil kulmin irid. Alla jipproteġi lil dawk li huma Tiegħu u qatt m’hu se jħalli lil Satana jeqred lill-​aduraturi veri kollha tiegħu minn fuq wiċċ l-​art. (Rumani 14:8) Veru, Ġeħova jippermetti li l-​poplu tiegħu jgħaddi mill-​persekuzzjoni, u hu jippermetti li l-​mewt tiġi fuqna minħabba l-​attakki tax-​Xitan. Madankollu, l-​Iskrittura toffri tama mill-​isbaħ taʼ rxoxt għal dawk li huma fil-​“ktieb tat-​tifkiriet”—u x-​Xitan ma jistaʼ jagħmel assolutament xejn biex iżomm tiġdid tal-​ħajja bħal dan milli jseħħ!—Malakija 3:16; Ġwanni 5:​28, 29; Atti 24:15.

Satana Għala Jippersegwitana?

8. Ix-​Xitan għala jippersegwita lill-​qaddejja t’Alla?

8 Jekk aħna qaddejja leali t’Alla, hemm raġuni bażika għala x-​Xitan iġib il-​persekuzzjoni fuqna. L-​iskop tiegħu hu li nagħmlu kompromess mill-​fidi tagħna. Aħna għandna relazzjoni prezzjuża maʼ Missierna tas-​sema, u Satana jixtieq jeqridha. Dan m’għandux jissorprendina. Fl-​Għeden, Ġeħova bassar li kellu jkun hemm mibegħda bejn il-​“mara” simbolika tiegħu u s-​“serp” u bejn in-​“nisel” tagħhom it-​tnejn. (Ġenesi 3:​14, 15) L-​Iskrittura turi li x-​Xitan huwa “s-​serp oriġinali” u turi wkoll li ż-​żmien tiegħu huwa qasir u r-​rabja tiegħu hija kbira. (Rivelazzjoni 12:​9, 12) Hekk kif il-​mibegħda bejn in-​“nisel” tagħhom it-​tnejn tkompli għaddejja, dawk li qed jaqdu lil Ġeħova lealment jistgħu jistennew il-​persekuzzjoni. (2 Timotju 3:12) Konxju int taʼ x’inhi r-​raġuni wara persekuzzjoni satanika bħal din?

9, 10. Ix-​Xitan qajjem liema kwistjoni, u l-​imġiba tal-​bnedmin kif inhi konnessa magħha?

9 Ix-​Xitan qajjem il-​kwistjoni tas-​sovranità universali. B’konnessjoni maʼ din il-​kwistjoni, hu sfida l-​integrità li l-​bnedmin għandhom lejn il-​Ħallieq tagħhom. Satana qajjem persekuzzjoni fuq ir-​raġel ġust Ġob. Għala? Sabiex ikisser l-​integrità taʼ Ġob lejn Ġeħova. Dakinhar, il-​mara taʼ Ġob u t-​tliet “farraġa li jaqilgħu l-​inkwiet” qdew l-​iskop tax-​Xitan. Bħalma juri l-​ktieb taʼ Ġob, ix-​Xitan sfida lil Alla billi sostna li l-​ebda bniedem ma jistaʼ jibqaʼ leali Lejh jekk Satana jitħalla jpoġġi lil dak li jkun taħt prova. Imma Ġob baqaʼ jżomm l-​integrità tiegħu b’mod sod, u b’hekk ta prova li Satana huwa giddieb. (Ġob 1:8–2:9; 16:2; 27:5; 31:6) Ix-​Xitan jippersegwita lix-​Xhieda taʼ Ġeħova llum sabiex ikun jistaʼ jkisser l-​integrità tagħhom u jagħti prova li l-​isfida li qajjem hija minnha.

10 Il-​fatt li nkunu nafu li x-​Xitan iġib il-​persekuzzjoni fuqna minħabba li jrid ikisser l-​integrità tagħna lejn Alla akkost taʼ kollox fil-​fatt jistaʼ jgħinna nkunu kuraġġużi u sodi. (Dewteronomju 31:6) Alla tagħna huwa s-​Sovran Universali, u hu se jgħinna nżommu l-​integrità tagħna. Jalla dejjem infittxu li nferrħu qalb Ġeħova billi nżommu l-​integrità tagħna, u b’hekk inkunu nistgħu nagħtu tweġiba lill-​iktar wieħed li qed jgħajru, Satana x-​Xitan.—Proverbji 27:11.

“Eħlisna mill-​Ħażin”

11. Xi tfisser it-​talba, “Iddaħħalniex fit-​tentazzjoni”?

11 M’huwiex faċli li żżomm l-​integrità, u għalhekk hemm bżonn talb ħerqan. Il-​kliem tat-​talba mudell huwa verament t’għajnuna. F’parti minnha Ġesù qal: “Iddaħħalniex fit-​tentazzjoni, imma eħlisna mill-​Ħażin.” (Mattew 6:13) Ġeħova ma jġarrabniex biex nidinbu. (Ġakbu 1:13) Madankollu, kultant l-​Iskrittura tgħid li hu għamel jew ikkaġuna xi ħaġa meta fil-​fatt hu jkun sempliċement ippermettieha. (Rut 1:​20, 21) Mela, jekk aħna nitolbu bħalma wriena Ġesù li għandna nagħmlu, aħna nkunu qed nitolbu lil Ġeħova biex ma jħalliniex naqgħu fit-​tentazzjoni. Hu żgur li se jismagħna, għax l-​Iskrittura tagħtina din l-​assiguranza: “Alla hu leali, u ma jħallikomx tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma mat-​tentazzjoni jiftħilkom ukoll it-​triq sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.”—1 Korintin 10:13.

12. Għala nitolbu, “Eħlisna mill-​Ħażin”?

12 Wara li semma t-​tentazzjoni fit-​talba mudell, Ġesù b’mod xieraq qal: “Eħlisna mill-​Ħażin.” Xi traduzzjonijiet tal-​Bibbja jgħidu hekk: “Eħlisna mill-​ħażen” (King James Version; Revised Standard Version) jew “Ipproteġina mill-​ħażen.” (Contemporary English Version) Madankollu, fl-​Iskrittura l-​espressjoni ‘ħelsien mill-​’ hija użata primarjament b’konnessjoni man-​nies, u l-​Evanġelju taʼ Mattew jirreferi għax-​Xitan bħala “t-​Tentatur,” jiġifieri, persuna. (Mattew 4:​3, 11) Għalhekk, huwa importanti li nitolbu għal ħelsien mill-​“Ħażin,” Satana x-​Xitan. Hu jipprova jimmanipulana sabiex nidinbu kontra Alla. (1 Tessalonikin 3:5) Meta nitolbu, “Eħlisna mill-​Ħażin,” inkunu qed nitolbu lil Missierna tas-​sema biex jiggwidana u jgħinna biex ma niġux megħlubin mix-​Xitan.

Tħallix lix-​Xitan Jegħlbek

13, 14. Il-​Korintin għala kellhom bżonn ibiddlu l-​mod kif kienu qed jittrattaw lil wieħed raġel fil-​kongregazzjoni li kien immorali?

13 Meta Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani f’Korintu biex juru l-​maħfra, hu kiteb: “Kulma taħfru b’qalb tajba lil xi ħadd, jien naħfirhulu wkoll. Fil-​fatt, ngħid għalija, kulma ħfirt b’qalb tajba, jekk ħfirt xi ħaġa, kien minħabba fikom quddiem Kristu; biex Satana ma jegħlibniex, għax il-​pjanijiet tiegħu nafuhom.” (2 Korintin 2:​10, 11) Ix-​Xitan jistaʼ jegħlibna b’diversi modi, imma Pawlu għala għamel din l-​istqarrija li għadna kemm ikkwotajna?

14 Pawlu kien għadu kemm widdeb lill-​Korintin minħabba li ħallew raġel immorali jibqaʼ fil-​kongregazzjoni. Dan żgur li ferraħ lil Satana, għax minħabba li huma ttolleraw “tip taʼ żína li lanqas saħansitra fost il-​ġnus ma teżisti” waqaʼ tmaqdir fuq il-​kongregazzjoni. Eventwalment, dan ir-​raġel li dineb inqataʼ mis-​sħubija. (1 Korintin 5:​1-5, 11-13) Iktar tard, dan ir-​raġel nidem. Kieku l-​Korintin irrifjutaw li jaħfrulu u m’aċċettawhx lura fil-​kongregazzjoni, ix-​Xitan kien ikun laħaqhom b’mod ieħor. Kif? Għax b’dan il-​mod huma kienu juru li huma ħorox u bla ħniena, bħal Satana nnifsu. Li kieku r-​raġel li nidem ‘inbelaʼ għax sewwed qalbu żżejjed’ u qataʼ qalbu għalkollox, l-​anzjani kienu se jkunu responsabbli għal dan quddiem l-​Alla ħanin, Ġeħova. (2 Korintin 2:7; Ġakbu 2:13; 3:1) M’għandniex xi ngħidu, l-​ebda Kristjan veru ma jrid jimita lil Satana billi jkun kattiv, aħrax, u bla ħniena.

Protetti mill-​Armatura li Jagħti Alla

15. Liema ġlieda rridu niġġieldu, u r-​rebħa minn xiex tiddependi?

15 Jekk aħna niġu meħlusin mix-​Xitan, aħna rridu niġġieldu ġlieda spiritwali kontra l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar. Ir-​rebħa kontrihom tiddependi milli aħna nilbsu “l-​armatura sħiħa mingħand Alla.” (Efesin 6:​11-18) Din l-​armatura tinkludi “l-​kurazza tas-​sewwa.” (Efesin 6:14) Is-​Sultan Sawl taʼ Iżrael tal-​qedem m’obdiex lil Alla, u għalhekk tilef l-​ispirtu qaddis. (1 Samwel 15:​22, 23) Imma jekk nagħmlu dak li hu sewwa u nilbsu l-​armatura spiritwali kollha, aħna se jkollna l-​ispirtu qaddis t’Alla u l-​protezzjoni li għandna bżonn kontra Satana u l-​anġli mill-​agħar tiegħu, id-​demonji.—Proverbji 18:10.

16. Kif nistgħu nibqgħu protetti mill-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar?

16 Sabiex nibqgħu protetti mill-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar, fost affarijiet oħra, irridu naqraw u nistudjaw il-​Kelma t’Alla b’mod regulari, u nagħmlu użu tajjeb mill-​pubblikazzjonijiet li pprovdielna “l-​prokuratur leali.” (Luqa 12:42) B’hekk, inkunu qed nimlew moħħna b’affarijiet spiritwali pożittivi, fi qbil mal-​parir taʼ Pawlu: “Mill-​bqija, ħuti, kulma hu veru, kulma hu serju, kulma hu ġust, kulma hu safi, kulma jqanqal l-​imħabba, kulma hu taʼ fama tajba, kull virtù, u kull ħaġa li jistħoqqilha tifħir, fuq dawn l-​affarijiet komplu aħsbu.”—Filippin 4:8.

17. X’se jgħinna nkunu proklamaturi effettivi taʼ l-​aħbar tajba?

17 Ġeħova jgħinna jkollna saqajna “mixdudin bit-​tagħmir taʼ l-​aħbar tajba tal-​paċi.” (Efesin 6:​15) Il-​parteċipazzjoni regulari fil-​laqgħat Kristjani tarmana biex nipproklamaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Kemm inħossuna ferħanin meta ngħinu lil oħrajn jitgħallmu l-​verità t’Alla u jesperjenzaw il-​ħelsien spiritwali! (Ġwanni 8:32) “Is-​sejf taʼ l-​ispirtu, jiġifieri, il-​kelma t’Alla,” huwa indispensabbli biex nipproteġu lilna nfusna mit-​tagħlim falz u “biex inwaqqgħu affarijiet li jkunu stabbiliti fis-​sod.” (Efesin 6:17; 2 Korintin 10:​4, 5) Jekk nużaw bis-​sengħa l-​Kelma miktuba t’Alla, il-​Bibbja, se niġu megħjunin ngħallmu l-​verità u se niġu protetti milli nċedu għall-​qerq tax-​Xitan.

18. Kif nistgħu ‘nżommu sod kontra t-​tnassis tax-​Xitan’?

18 Pawlu beda d-​diskussjoni tiegħu dwar l-​armatura spiritwali tagħna billi qal: “Komplu iksbu l-​qawwa fil-​Mulej u fis-​setgħa tas-​saħħa tiegħu. Ilbsu l-​armatura sħiħa mingħand Alla biex tkunu tistgħu żżommu sod kontra t-​tnassis tax-​Xitan.” (Efesin 6:​10, 11) Il-​kelma Griega tradotta bħala “żżommu sod” hija konnessa maʼ suldat li jżomm il-​pożizzjoni tiegħu. Aħna nżommu sod fil-​ġlieda spiritwali tagħna, minkejja li Satana juża diversi affarijiet b’makakkerija fl-​isforzi tiegħu biex ikisser l-​unità, iħassar it-​tagħlim, u jkisser l-​integrità tagħna lejn Alla. Imma l-​attakki tax-​Xitan s’issa ma rnexxewx—u qatt ma se jirnexxu!a

Opponi lix-​Xitan, u Hu Jaħrab

19. X’inhu mod wieħed li bih nistgħu nieħdu azzjoni qawwija kontra x-​Xitan?

19 Aħna jistaʼ jkollna suċċess fil-​ġlieda spiritwali li għandna kontra x-​Xitan u l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar li qegħdin taħt it-​tmexxija tiegħu. M’hemmx raġuni għalfejn għandna nibżgħu minn Satana għax id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Issottomettu ruħkom lejn Alla; imma opponu lix-​Xitan, u hu jaħrab minnkom.” (Ġakbu 4:7) Mod wieħed kif nistgħu nieħdu azzjoni qawwija kontra Satana u l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar li jaħdmu miegħu hu billi la ninvolvu ruħna fl-​okkult jew f’xi prattiċi tal-​maġija u lanqas ma ninvolvu ruħna maʼ dawk li jipprattikawhom. L-​Iskrittura turi biċ-​ċar li l-​qaddejja taʼ Ġeħova għandhom jirrifjutaw li jfittxu t-​teħbir jew li jieħdu sehem fl-​astroloġija, is-​seħer, u l-​ispiritiżmu. Jekk aħna nkunu spiritwalment attivi u b’saħħitna, m’għandniex għalfejn nibżgħu li xi ħadd jistaʼ jagħmlilna xi magħmul.—Numri 23:23; Dewteronomju 18:​10-12; Isaija 47:​12-15; Atti 19:​18-20.

20. Kif nistgħu nopponu lix-​Xitan?

20 Aħna ‘nopponu lix-​Xitan’ billi nżommu mal-​livelli u l-​veritajiet tal-​Bibbja u billi nieħdu waqfa soda kontrih. Id-​dinja hi fi qbil maʼ Satana għax hu alla tagħha. (2 Korintin 4:4) Għalhekk, aħna nwarrbu kull karatteristika tad-​dinja bħalma huma l-​kburija, l-​egoiżmu, l-​immoralità, il-​vjolenza, u l-​materjaliżmu. Aħna nafu li x-​Xitan ħarab meta Ġesù rreżista l-​attakk tiegħu billi uża l-​Iskrittura meta kien ittantat fix-​xagħri. (Mattew 4:​4, 7, 10, 11) Bl-​istess mod, jekk aħna nkunu sottomessi kompletament lejn Ġeħova u nistrieħu fuqu bit-​talb, Satana se ‘jaħrab minna’ għax ikun tilef. (Efesin 6:18) Bl-​appoġġ t’Alla Ġeħova u taʼ Ibnu l-​maħbub, ħadd ma jistaʼ jagħmlilna ħsara dejjiema—le, lanqas ix-​Xitan!—Salm 91:​9-11.

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar informazzjoni dwar l-​armatura spiritwali t’Alla ara The Watchtower tal-​15 taʼ Mejju, 1992, paġni 21-​3.

X’Inhi t-​Tweġiba Tiegħek?

• Għandna għalfejn nibżgħu minn Satana x-​Xitan?

• Satana għala jqajjem il-​persekuzzjoni fuq il-​Kristjani?

• Għala nitolbu biex ninħelsu mill-​“Ħażin”?

• Kif jistaʼ jkollna suċċess fil-​ġlieda spiritwali li għandna?

[Stampa f’paġna 26]

Fl-​ewwel seklu, is-​segwaċi kuraġġużi taʼ Kristu baqgħu leali sal-​mewt

[Stampa f’paġna 27]

Ix-​Xitan ma jistax iwaqqaf li jkun hemm l-​irxoxt taʼ dawk li huma fil-​memorja taʼ Ġeħova

[Stampa f’paġna 28]

Titlob int li tinħeles mill-​“Ħażin”?

[Stampa f’paġna 29]

Liebes int “l-​armatura sħiħa mingħand Alla”?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja