Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
3-9 TAʼ SETTEMBRU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠWANNI 1-2
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty noti taʼ studju dwar Ġw 1:1
il-Kelma: Jew “il-Logos.” Bil-Grieg, ħo logos. Hawnhekk, din il-kelma ġiet użata bħala titlu u ntużat ukoll fi Ġw 1:14 u Ri 19:13. Ġwanni identifika l-wieħed li għandu dan it-titlu, jiġifieri Ġesù. Dan it-titlu kien ingħata lil Ġesù matul l-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem bħala ħliqa spirtu, matul il-ministeru tiegħu bħala bniedem perfett hawn fuq l-art, u wara li telaʼ s-sema. Ġesù kien il-Kelma li permezz tiegħu Alla kien jikkomunika, jew il-Kelliemi, biex iwassal informazzjoni u istruzzjonijiet lil ulied spirti oħra t’Alla u lil bnedmin. Allura hu raġunevoli li naħsbu li qabel ma Ġesù ġie fuq l-art, Ġeħova kkomunika man-nies permezz tal-Kelma, il-kelliemi anġeliku Tiegħu.—Ġen 16:7-11; 22:11; 31:11; Eżo 3:2-5; Mħ 2:1-4; 6:11, 12; 13:3.
maʼ: Letteralment, “lejn.” F’dan il-kuntest, il-prepożizzjoni Griega pros tindika qrib ħafna u sħubija mill-qrib. Tindika wkoll persuni differenti, f’dan il-każ, il-Kelma u l-uniku Alla veru.
il-Kelma kien alla: Jew “il-Kelma kien divin [jew, “bħal alla”].” Din l-espressjoni li uża Ġwanni tiddeskrivi kwalità jew karatteristika li għandu “l-Kelma” (bil-Grieg, ħo logos; ara nota taʼ studju dwar il-Kelma f’dan il-vers), jiġifieri Ġesù Kristu. Il-pożizzjoni li tispikka tal-ewwel Iben imwieled t’Alla li permezz tiegħu Alla ħalaq l-affarijiet l-oħrajn kollha hi bażi għala hu jiġi deskritt bħala “alla; bħal alla; divin; ħliqa divina.” Ħafna tradutturi jaqblu mal-espressjoni “l-Kelma kien Alla,” billi jagħmluh daqs Alla li Jistaʼ Kollox. Madankollu, hemm raġunijiet validi għala ngħidu li Ġwanni ma riedx ifisser li “l-Kelma” kien l-istess bħal Alla li Jistaʼ Kollox. L-ewwel, kemm il-parti tas-sentenza taʼ qabel u kemm is-sentenza taʼ wara taʼ din il-frażi jindikaw b’mod ċar li “l-Kelma” kien ‘ma’ Alla.’ Ukoll, il-kelma Griega teos tidher tliet darbiet fil-versi 1 u 2. Fl-ewwel u t-tielet darba li tidher, il-kelma teos bil-Grieg għandha l-artiklu magħha; fit-tieni darba li tidher m’hemmx artiklu. Ħafna studjużi jaqblu li l-fatt li m’hemmx artiklu definit qabel it-tieni teos huwa sinifikanti. Meta jintuża l-artiklu f’dan il-kuntest, teos tirreferi għal Alla li Jistaʼ Kollox. Mill-banda l-oħra, meta ma jkunx hemm artiklu, teos ikollha tifsira differenti u tiddeskrivi karatteristika li għandu “l-Kelma.” Għalhekk, għadd taʼ traduzzjonijiet tal-Bibbja bl-Ingliż, bil-Franċiż, u bil-Ġermaniż jittraduċu t-test b’mod simili għat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida, billi jagħtu l-idea li “l-Kelma” kien “alla; divin; ħliqa divina; taʼ sura divina; bħal alla.” Fi qbil maʼ din l-idea, fi Ġw 1:1, traduzzjonijiet antiki tal-Evanġelju taʼ Ġwanni ma jużawx il-kelma teos bl-istess mod, infatti l-ewwel darba li tidher hi differenti mit-tieni darba. Dawn it-traduzzjonijiet inkitbu bid-djalett tas-Sahidic u l-Bohairic tal-lingwa Koptika, li probabbilment kienu tat-tielet u r-rabaʼ seklu wara Kristu. Dawn it-traduzzjonijiet jenfasizzaw kwalità li għandu “l-Kelma,” li n-natura tiegħu kienet bħal dik taʼ Alla, imma ma jagħmluhx daqs Missieru, Alla li Jistaʼ Kollox. Fi qbil maʼ dan il-vers, Kol 2:9 jiddeskrivi lil Kristu bħala li għandu “l-milja kollha tad-divinità.” U skont it-2Pt 1:4, anki l-werrieta sħab maʼ Kristu kienu se ‘jieħdu sehem min-natura divina.’ Barra minn hekk, fit-traduzzjoni tas-Settanta, il-kelma teos bil-Grieg normalment tintuża għall-kliem el u eloħim bl-Ebrajk, li jfissru “Alla.” Hu maħsub li bażikament ifissru l-istess, “il-Wieħed Setgħan; il-Wieħed b’Saħħtu.” Dan il-kliem bl-Ebrajk hu użat bħala referenza għal Alla li Jistaʼ Kollox, allat oħrajn, u bnedmin. Li l-Kelma jiġi msejjaħ “alla,” jew “wieħed b’saħħtu,” hu fi qbil mal-profezija taʼ Is 9:6, li qalet bil-quddiem li l-Messija se jkun imsejjaħ “Alla Setgħan” (mhux “Alla li Jistaʼ Kollox”) u li se jkun il-“Missier Etern” taʼ dawk kollha li se jkollhom il-privileġġ li jgħixu bħala s-sudditi tiegħu. Iż-żelu taʼ Missieru stess, “Ġeħova taʼ l-armati,” se jwettaq dan.—Is 9:7.
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 1:29
il-Ħaruf t’Alla: Wara li Ġesù tgħammed u kien ittantat mix-Xitan, Ġwanni l-Battista introduċieh bħala “l-Ħaruf t’Alla.” Din l-espressjoni tidher biss hawn u fi Ġw 1:36. (Ara sgd taqsima 4.) Li Ġesù jiġi mqabbel maʼ ħaruf hu xieraq. Fil-Bibbja nsibu li n-nies kienu joffru n-nagħaġ bħala sagrifiċċju għal dnubiethom u biex jersqu qrib lejn Alla. Dan ta stampa bil-quddiem tas-sagrifiċċju li Ġesù kien se jagħmel meta hu kien se jagħti l-ħajja perfetta tiegħu għall-umanità. L-espressjoni “l-Ħaruf t’Alla” tistaʼ tirreferi għal għadd taʼ siltiet fl-Iskrittura ispirata. Peress li Ġwanni l-Battista kien familjari mal-Iskrittura Ebrajka, kliemu għandu mnejn irrefera għal waħda jew iktar minn dawn li ġejjin: ir-raġel tan-nagħġa li Abraham offra bħala sagrifiċċju minflok ibnu Iżakk (Ġen 22:13), il-ħaruf tal-Qbiż li ġie maqtul fl-Eġittu għall-ħelsien tal-ilsiera Iżraelin (Eżo 12:1-13), jew il-ħaruf li kien jiġi offrut bħala sagrifiċċju fuq l-artal t’Alla f’Ġerusalemm kull filgħodu u filgħaxija (Eżo 29:38-42). Ġwanni forsi kellu wkoll f’moħħu l-profezija taʼ Isaija, fejn il-wieħed li Ġeħova jsejjaħlu “l-qaddej tiegħi” jingħad li “nġieb bħal nagħġa għall-qatla.” (Is 52:13; 53:5, 7, 11) Meta l-appostlu Pawlu kiteb l-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin, hu rrefera għal Ġesù bħala “l-Qbiż tagħna.” (1Ko 5:7) L-appostlu Pietru xebbah id-“demm prezzjuż” taʼ Kristu maʼ “dak taʼ ħaruf bla difett u bla tebgħa.” (1Pt 1:19) U fil-ktieb tar-Rivelazzjoni, Ġesù gglorifikat hu msejjaħ b’mod figurattiv bħala “l-Ħaruf” għal iktar minn 25 darba.—Xi eżempji huma: Ri 5:8; 6:1; 7:9; 12:11; 13:8; 14:1; 15:3; 17:14; 19:7; 21:9; 22:1.
10-16 TAʼ SETTEMBRU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠWANNI 3-4
“Ġesù jagħti xhieda lil mara Samaritana”
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 4:6
kien għajjien: Din hi l-unika darba fl-Iskrittura fejn hemm miktub li Ġesù “kien għajjien.” Kien għall-ħabta taʼ nofsinhar, u dakinhar filgħodu Ġesù x’aktarx li kien għamel il-vjaġġ mill-Wied tal-Ġordan fil-Lhudija sa Sikar fis-Samarija, li hi 900 metru jew iktar ’il fuq.—Ġw 4:3-5; ara sgd taqsima 4.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 3:29
il-ħabib taʼ l-għarus: Fi żmien il-Bibbja, ħabib tal-qalb tal-għarus kien jaġixxi bħala r-rappreżentant legali u kien ikollu rwol importanti f’li jagħmel l-arranġamenti għaż-żwieġ. Hu kien jitqies bħala l-wieħed li jkun laqqaʼ lill-għarus u l-għarusa flimkien. Fil-ġurnata tat-tieġ, l-għarusa u oħrajn magħha kienu jmorru jew id-dar tal-għarus jew id-dar taʼ missieru, skont fejn kienet se tkun il-festa tat-tieġ. Waqt il-festa, il-ħabib tal-għarus kien jifraħ meta jismaʼ l-għarus jitkellem mal-għarusa tiegħu, ladarba l-ħabib kien iħoss li rnexxielu jwettaq l-irwol tiegħu. Ġwanni l-Battista xebbah lilu nnifsu mal-“ħabib taʼ l-għarus.” F’dan il-każ, Ġesù kien l-għarus u d-dixxipli bħala grupp sħiħ kienu jifformaw lill-għarusa simbolika tiegħu. Billi kien qed jipprepara t-triq għall-Messija, Ġwanni l-Battista introduċa lill-ewwel membri tal-“għarusa” lil Ġesù Kristu. (Ġw 1:29, 35; 2Ko 11:2; Ef 5:22-27; Ri 21:2, 9) “Il-ħabib taʼ l-għarus” ikun wettaq l-irwol tiegħu meta jkun irnexxielu jlaqqagħhom flimkien; hu mbagħad ma kienx jibqaʼ l-persunaġġ prinċipali. B’mod simili, Ġwanni jgħid hekk dwaru nnifsu f’konnessjoni maʼ Ġesù: “Jeħtieġ li dak jibqaʼ jikber, imma jien nibqaʼ niċkien.”—Ġw 3:30.
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 4:10
ilma ħaj: Din l-espressjoni Griega tintuża f’sens letterali biex tirreferi għall-ilma ġieri, l-ilma taʼ nixxiegħa, jew l-ilma f’bir li jimtela minn nixxigħat. Dan hu l-kuntrarju għall-ilma qiegħed li jkun f’ġiebja. F’Le 14:5, l-espressjoni Ebrajka għal “ilma ġieri” tfisser letteralment “ilma ħaj.” F’Ġer 2:13 u 17:13, Ġeħova hu deskritt bħala “s-sors [jew, “in-nixxiegħa”] taʼ l-ilma ħaj,” jiġifieri l-ilma simboliku li jagħti l-ħajja. Meta kien qed jitkellem mal-mara Samaritana, Ġesù uża t-terminu “ilma ħaj” b’mod figurattiv, imma jidher li hi għall-ewwel fehmet dan b’mod letterali.—Ġw 4:11.
17-23 TAʼ SETTEMBRU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠWANNI 5-6
“Segwi lil Ġesù b’mottiv tajjeb”
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 6:10
l-irġiel qagħdu bil-qiegħda, u dawn kienu jgħoddu madwar ħamest elef: Hu biss ir-rakkont taʼ Mattew li jżid “minbarra n-nisa u t-tfal żgħar” meta niżżel bil-miktub dan il-miraklu. (Mt 14:21) Hu possibbli li l-għadd totali taʼ dawk kollha li ġew mitmugħin b’mod mirakoluż jaqbeż sew il-15,000.
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 6:14
il-profeta: Ħafna Lhud fl-ewwel seklu stennew li l-profeta bħal Mosè, li jissemma f’Dt 18:15, 18, kellu jkun il-Messija. F’dan il-kuntest, l-espressjoni jiġi fid-dinja milli jidher tirreferi għal li kienu qed jistennew li jiġi l-Messija. Kien biss Ġwanni li niżżel dak li ġara.
nwtsty noti taʼ studju dwar Ġw 6:27, 54
ikel li jintemm . . . ikel li jibqaʼ għall-ħajja taʼ dejjem: Ġesù nduna li xi wħud kienu qed jassoċjaw miegħu u mad-dixxipli tiegħu għall-vantaġġ personali tagħhom biss. Għalkemm l-ikel fiżiku jżomm lin-nies ħajjin minn ġurnata għall-oħra, “ikel” mill-Kelma t’Alla se jagħmilha possibbli għan-nies biex jibqgħu ħajjin għal dejjem. Ġesù jħeġġeġ lill-folla biex jaħdmu “għall-ikel li jibqaʼ għall-ħajja taʼ dejjem,” jiġifieri biex jistinkaw ħalli jissodisfaw il-bżonnijiet spiritwali tagħhom u biex jeżerċitaw il-fidi f’dak li jitgħallmu.—Mt 4:4; 5:3; Ġw 6:28-39.
jiekol laħmi u jixrob demmi: Il-kuntest jindika li dawk li jieklu u jixorbu jagħmlu dan f’sens figurattiv billi jeżerċitaw fidi f’Ġesù Kristu. (Ġw 6:35, 40) Ġesù għamel din l-istqarrija fis-sena 32, għalhekk hu ma kienx qed jitkellem dwar l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej, li kien se jistabbilixxiha sena wara. Hu għamel din id-dikjarazzjoni ftit qabel “il-Qbiż, il-festa tal-Lhud.” (Ġw 6:4) B’hekk, is-semmiegħa tiegħu x’aktarx li kienu qed jiġu mfakkrin fil-festa li kienu dalwaqt se jiċċelebraw u fis-sinifikat tad-demm tal-ħaruf li kien salva l-ħajjiet fil-lejl li l-Iżraelin telqu mill-Eġittu (Eżo 12:24-27). Ġesù kien qed jenfasizza li bl-istess mod demmu kien se jkollu rwol importanti biex id-dixxipli tiegħu jkun jistaʼ jkollhom il-ħajja taʼ dejjem.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 6:44
jekk ma jiġbdux: Għalkemm il-verb Grieg jintuża biex jirreferi għal meta xi ħadd jiġbed b’saħħtu kollha xibka bil-ħut (Ġw 21:6, 11), ma jfissirx li Alla jkaxkar lin-nies lejh kontra qalbhom. Dan il-verb jistaʼ jfisser ukoll “ħajjar,” u l-istqarrija taʼ Ġesù setgħet kienet qed tirreferi għal Ġer 31:3, fejn Ġeħova kien qal lill-poplu tiegħu tal-qedem: “Ġbidtek bil-qalb tajba bl-imħabba.” (Is-Settanta hawnhekk tuża l-istess verb Grieg.) Ġw 12:32 juri li bl-istess mod, Ġesù jiġbed lejh nies taʼ kull xorta. L-Iskrittura turi li Ġeħova ta lill-umanità l-libertà tal-għażla. Kulħadd għandu l-għażla jekk jaqdihx jew le. (Dt 30:19, 20) Alla bil-ħlewwa jiġbed lejh lil dawk li għandhom attitudni xierqa. (Sa 11:5; Pr 21:2; At 13:48) Ġeħova jagħmel dan permezz tal-messaġġ tal-Bibbja u permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu. Il-profezija minn Is 54:13, ikkwotata fi Ġw 6:45, tirreferi għal dawk li l-Missier jiġbed lejh.—Qabbel Ġw 6:65.
nwtsty noti taʼ studju dwar Ġw 6:64
Ġesù kien jaf . . . min kien dak li kellu jittradih: Ġesù kien qed jirreferi għal Ġuda l-Iskarjota. Ġesù qattaʼ lejl sħiħ jitlob lil Missieru qabel ma għażel lit-12-il appostlu. (Lq 6:12-16) Għalhekk, għall-ewwel Ġuda kien leali lejn Alla. Madankollu, Ġesù kien jaf mill-profeziji tal-Iskrittura Ebrajka li hu kien se jiġi tradut minn xi ħadd qrib tiegħu. (Sa 41:9; 109:8; Ġw 13:18, 19) Meta Ġuda beda jbiddel l-attitudni tiegħu, Ġesù, li setaʼ jaqra l-qlub u l-ħsibijiet, induna b’din il-bidla. (Mt 9:4) Alla, billi uża l-abbiltà li għandu biex ikun jaf il-futur, kien jaf li ħabib li Ġesù kellu fiduċja fih kien se jsir traditur. Imma li wieħed jaħseb li Ġuda kellu jkun il-wieħed li kien se jfalli, bħallikieku l-falliment tiegħu kien predestinat, mhuwiex fi qbil mal-kwalitajiet li għandu Alla u l-mod kif hu ttratta m’oħrajn fil-passat.
mill-bidu: Din l-espressjoni ma tirreferix għat-twelid taʼ Ġuda jew għal meta hu ġie magħżul bħala appostlu wara li Ġesù kien qattaʼ lejl sħiħ jitlob. (Lq 6:12-16) Minflok, tirreferi għal meta Ġuda beda jaġixxi bi tradiment. Ġesù kien induna mill-ewwel b’din il-ħaġa. (Ġw 2:24, 25; Ri 1:1; 2:23) Dan juri wkoll li l-azzjonijiet taʼ Ġuda kienu magħmulin bi ħsieb u kienu ppjanati, u mhux li saret bidla f’daqqa fl-attitudni tiegħu. It-tifsir tat-terminu “bidu” (bil-Grieg, arke) fl-Iskrittura Griega Kristjana hu relattiv, jiddependi mill-kuntest. Pereżempju, fit-2Pt 3:4, il-kelma “bidu” tirreferi għal meta beda jinħoloq il-ħolqien. Imma ħafna drabi, din hi użata f’sens iktar limitat. Pereżempju, Pietru qal li l-ispirtu qaddis niżel fuq il-Ġentili “kif kien niżel fuqna fil-bidu.” (At 11:15) Pietru ma kienx qed jirreferi għal meta twieled hu jew għal meta kien imsejjaħ biex ikun appostlu. Pjuttost, hu kien qed jirreferi għall-jum taʼ Pentekoste tas-sena 33, jiġifieri “l-bidu” tat-tferrigħ tal-ispirtu qaddis għal skop speċifiku. (At 2:1-4) Eżempji oħrajn taʼ kif il-kuntest jeffettwa t-tifsir tat-terminu “bidu” jistgħu jinstabu f’Lq 1:2; Ġw 15:27; u l-1Ġw 2:7.
24-30 TAʼ SETTEMBRU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠWANNI 7-8
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 8:58
kont: Il-Lhud li kienu jopponu lil Ġesù riedu jħaġġruh talli qal “rajt lil Abraham,” minkejja li bħalma qalu huma, Ġesù lanqas kien ‘għad għandu ħamsin sena.’ (Ġw 8:57) Ġesù wieġeb billi qalilhom li qabel ma kien twieled Abraham, hu kien diġà jeżisti bħala ħliqa spirtu setgħana fis-sema. Xi wħud isostnu li dan il-vers jidentifika lil Ġesù bħala Alla. Huma jirraġunaw li l-espressjoni Griega użata hawn, ego ejmi (li f’xi Bibbji tfisser “jien hu”), hija referenza għal kif ġiet tradotta s-Settanta f’Eżo 3:14 u li ż-żewġ versi għandhom jiġu mifhuma l-istess. Madankollu, f’dan il-kuntest il-verb Grieg ejmi jirreferi għal azzjoni kontinwa li bdiet “qabel m’eżista Abraham.” Għalhekk, bix-xieraq li ġiet tradotta “kont” minflok “jien hu,” u għadd taʼ traduzzjonijiet antiki u moderni jużaw kliem simili għal “kont.” Infatti, fi Ġw 15:27, l-istess forma tal-verb Grieg ejmi hi użata għall-kliem taʼ Ġesù: “Kontu miegħi minn meta bdejt.” Ħafna mit-traduzzjonijiet jużaw kliem simili, u dan juri li skont il-grammatika m’hemmx oġġezzjoni valida għala l-kelma ejmi ma tistax tiġi tradotta “kont” għax dan jiddependi mill-kuntest. (Eżempji oħrajn taʼ dan jistgħu jinstabu f’Lq 2:48; 13:7; 15:29; Ġw 1:9; 5:6; 14:9; At 15:21; 2Ko 12:19; 1Ġw 3:8.) Ukoll, l-irraġunar taʼ Ġesù li nsibu fi Ġw 8:54, 55 juri li hu ma kienx qed jipprova jiddeskrivi lilu nnifsu bħala li hu u Missieru huma l-istess persuna.