LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • od kap. 10 pp. 105-115
  • Modi kif tkabbar il-ministeru tiegħek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Modi kif tkabbar il-ministeru tiegħek
  • Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • NAQDU BĦALA PUBBLIKATURI FIL-​KONGREGAZZJONI
  • NAQDU FEJN IL-​ĦTIEĠA HI AKBAR
  • IPPRITKAR B’LINGWA OĦRA
  • SERVIZZ TAʼ PIJUNIER
  • IL-​MISSJUNARJI LI JAQDU FIL-​MINISTERU
  • XOGĦOL TAS-​CIRCUIT
  • SKEJJEL TEOKRATIĊI
  • IS-​SERVIZZ F’BETEL
  • SERVIZZ TAL-​KOSTRUZZJONI
  • X’INHUMA L-​MIRI SPIRITWALI TIEGĦEK?
  • Żomm f’moħħok lil dawk fis-servizz fultajm
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Indokraturi biex jirgħu l-merħla
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • Żgħażagħ—Kif Se Tużaw Ħajjitkom?
    Żgħażagħ—Kif Se Tużaw Ħajjitkom?
  • L-Iskejjel Teokratiċi—Evidenza tal-Imħabba taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
Ara Iżjed
Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
od kap. 10 pp. 105-115

KAPITLU 10

Modi kif tkabbar il-ministeru tiegħek

META wasal il-​waqt biex jibgħat lid-​dixxipli tiegħu bħala xandara tas-​Saltna, Ġesù qalilhom: “Il-​ħsad hu kbir, imma l-​ħaddiema huma ftit.” Kien hemm ħafna xogħol xi jsir, u għalhekk hu żied jgħid: “Itolbu bil-​ħrara lil Sid il-​ħsad biex jibgħat il-​ħaddiema fil-​ħsad tiegħu.” (Mt. 9:37, 38) Ġesù qal lid-​dixxipli kif iwettqu l-​ministeru tagħhom. Kien hemm sens t’urġenza fi kliemu: “Bl-​ebda mod ma tkunu dortu l-​bliet kollha taʼ Israel sa ma jasal Bin il-​bniedem.”—Mt. 10:23.

2 Illum, ukoll, hemm ħafna xogħol xi jsir fil-​ministeru tal-​għalqa. Din l-​aħbar tajba tas-​Saltna għandha tiġi pritkata qabel ma jiġi t-​tmiem, u ma baqax wisq żmien! (Mk. 13:10) Ladarba l-​għalqa hi d-​dinja, aħna qed niffaċċjaw sitwazzjoni simili ħafna għal dik taʼ Ġesù u d-​dixxipli tiegħu, però fuq skala ferm akbar. Aħna qegħdin ftit fl-​għadd meta mqabblin mal-​biljuni taʼ bnedmin fid-​dinja, imma nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jgħinna. L-​aħbar tajba se tiġi pritkata madwar id-​dinja kollha u fil-​ħin imwaqqat minn Ġeħova, it-​tmiem se jiġi. Se npoġġu aħna s-​Saltna t’Alla l-​ewwel f’ħajjitna sabiex inwettqu l-​ministeru tagħna bis-​sħiħ? Liema miri teokratiċi jistaʼ jkollna sabiex jitwettaq dan?

3 Biex jesprimi dak li jitlob Ġeħova mill-​qaddejja dedikati Tiegħu, Ġesù qal: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.” (Mk. 12:30) Hu meħtieġ minna li nagħtu servizz lil Alla b’ruħna kollha. Dan ifisser li nuru kemm hi qawwija d-​devozzjoni tagħna u l-​ġenwinità tad-​dedikazzjoni tagħna billi nagħmlu l-​aħjar li nistgħu fis-​servizz taʼ Ġeħova. (2 Tim. 2:15) Hemm opportunitajiet miftuħin għal kull wieħed minna, skont iċ-​ċirkustanzi u l-​abbiltajiet individwali tagħna. Ikkunsidra naqra x’inhuma ftit minn dawn l-​opportunitajiet, u ddeċiedi liema miri teokratiċi se tagħmel f’li twettaq il-​ministeru tiegħek.

NAQDU BĦALA PUBBLIKATURI FIL-​KONGREGAZZJONI

4 Kull min iħaddan il-​verità għandu l-​privileġġ li jxandar l-​aħbar tajba. Dan huwa x-​xogħol bażiku li Ġesù ta lid-​dixxipli tiegħu. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Dixxiplu taʼ Ġesù Kristu normalment jibda jitkellem m’oħrajn dwar l-​aħbar tajba hekk kif jismagħha. Hekk għamlu Indrì, Filippu, Kornelju, u oħrajn. (Ġw. 1:40, 41, 43-​45; Atti 10:1, 2, 24; 16:14, 15, 25-​34) Ifisser dan li dak li jkun jistaʼ jgħid lil oħrajn dwar l-​aħbar tajba saħansitra qabel ma jitgħammed? Iva! Malli individwu jikkwalifika bħala pubblikatur mhux mgħammed fil-​kongregazzjoni, ikollu l-​opportunità miftuħa quddiemu biex jieħu sehem fl-​ippritkar minn dar għal dar. Ukoll, skont l-​abbiltà u ċ-​ċirkustanzi tiegħu, hu jistaʼ jieħu sehem f’aspetti oħrajn tal-​ministeru tal-​għalqa.

5 Wara li pubblikatur jitgħammed, bla dubju jkun interessat li jagħmel kulma jistaʼ biex jgħin lil oħrajn jitgħallmu l-​aħbar tajba. Kemm l-​irġiel kif ukoll in-​nisa għandhom il-​privileġġ li jieħdu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar. Aħna mberkin li għandna anki parti żgħira biex navvanzaw l-​interessi tas-​Saltna t’Alla. Kull min jistaʼ jkabbar il-​ministeru tiegħu biex jinkludi iktar privileġġi taʼ servizz se jkun tabilħaqq ferħan.

NAQDU FEJN IL-​ĦTIEĠA HI AKBAR

6 Jistaʼ jkun li t-​territorju tal-​kongregazzjoni tiegħek jinħadem spiss u qed tingħata xhieda mill-​aħjar. Jekk inhu hekk, tistaʼ tħoss li int tistaʼ tkabbar il-​ministeru tiegħek billi tmur tgħix fejn il-​ħtieġa hi akbar fl-​għalqa. (Atti 16:9) Jekk int bħalissa anzjan jew qaddej ministerjali, jistaʼ jkun hemm kongregazzjoni oħra li tapprezza li jkollha l-​għajnuna tiegħek. L-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet jistaʼ jkollu suġġerimenti dwar kif tistaʼ tgħin kongregazzjoni oħra fis-​circuit. Jekk tixtieq taqdi f’parti oħra tal-​pajjiż tiegħek, l-​uffiċċju tal-​fergħa jistaʼ jipprovdi informazzjoni t’għajnuna.

7 Tixtieq taqdi f’pajjiż barrani? Jekk inhu hekk, għandek bżonn tikkunsidra ċaqliqa bħal din tajjeb. Għala ma tiddiskutix dan mal-​anzjani tal-​kongregazzjoni? Żgur li ċaqliqa bħal din se jkollha impatt fuqek u fuq min jakkumpanjak. (Lq. 14:28) Però, jekk m’intix qed tippjana li tibqaʼ hemm għal żmien twil, forsi jkun aħjar li tikkunsidra li taqdi fi nħawi oħra f’pajjiżek stess.

8 F’xi pajjiżi, l-​aħwa li qed jintużaw f’pożizzjonijiet taʼ indokrar huma relattivament ġodda fil-​verità. Aħwa lokali umli huma lesti li jħallu lil anzjani b’iżjed esperjenza li ġew fil-​kongregazzjoni tagħhom jieħdu t-​tmexxija. Jekk int anzjan u qed taħseb biex tmur f’pajjiż bħal dan, żomm f’moħħok li l-​mira tiegħek mhix li taqdi minflok l-​aħwa lokali. Pjuttost, aqdi magħhom. Ħeġġiġhom jirsistu u jaċċettaw responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni. (1 Tim. 3:1) Kun paċenzjuż jekk l-​affarijiet ma jsirux kif isiru f’pajjiżek. Uża l-​esperjenza tiegħek bħala anzjan biex tkun għajnuna vera għall-​aħwa. Imbagħad, jekk f’xi ħin ikollok titlaq biex terġaʼ tmur pajjiżek, l-​anzjani lokali jkunu f’qagħda aħjar biex jieħdu ħsieb il-​kongregazzjoni.

9 Qabel ma l-​uffiċċju tal-​fergħa jkun jistaʼ jagħtik l-​ismijiet tal-​kongregazzjonijiet li jistgħu jibbenefikaw mill-​għajnuna tiegħek, il-​Kumitat tas-​Servizz tal-​Kongregazzjoni tiegħek ikun irid jibgħat ittra taʼ rakkomandazzjoni. Din l-​ittra hija meħtieġa kemm jekk qed taqdi bħala anzjan, qaddej ministerjali, pijunier, jew pubblikatur. Il-​kumitat tas-​servizz jibgħat ittra taʼ rakkomandazzjoni flimkien mar-​rikjesta tiegħek direttament lill-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​pajjiż fejn tixtieq taqdi.

IPPRITKAR B’LINGWA OĦRA

10 Sabiex tkabbar il-​ministeru tiegħek, forsi tixtieq tikkunsidra titgħallem lingwa oħra, inkluż lingwa tas-​sinjali. Jekk għandek il-​mira li titgħallem tipprietka b’lingwa oħra, għala ma titkellimx mal-​anzjani u l-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet? Huma jistgħu joffru suġġerimenti u jagħtuk l-​inkuraġġiment li jkun hemm bżonn. Bid-​direzzjoni tal-​uffiċċju tal-​fergħa, xi circuits organizzaw klassijiet tal-​lingwa biex iħarrġu pubblikaturi u pijunieri kapaċi f’li jippritkaw b’lingwa oħra.

SERVIZZ TAʼ PIJUNIER

11 Il-​pubblikaturi kollha għandhom ikunu midħla tal-​ħtiġijiet ġenerali għas-​servizz taʼ pijunier awżiljarju, regulari, u speċjali kif ukoll taʼ forom oħra taʼ servizz full-​time. Pijunier għandu jkun Kristjan eżemplari mgħammed li ċ-​ċirkustanzi persunali tiegħu, jew tagħha, jippermettulu li jqattaʼ l-​ammont speċifikat taʼ sigħat fl-​ippritkar tal-​aħbar tajba. Il-​Kumitat tas-​Servizz tal-​Kongregazzjoni japprova l-​applikazzjonijiet għas-​servizz taʼ pijunier awżiljarju u regulari, filwaqt li l-​pijunieri speċjali jinħatru mill-​uffiċċju tal-​fergħa.

12 Il-​pijunieri awżiljarji jistgħu jinħatru għal minn tal-​inqas xahar wieħed, għal kwalunkwe ammont taʼ xhur konsekuttivi, jew kontinwament għal tul taʼ żmien mhux speċifikat, skont iċ-​ċirkustanzi tagħhom. Ħafna pubblikaturi tas-​Saltna jieħdu pjaċir jaqdu bħala pijunieri awżiljarji f’okkażjonijiet speċjali, bħal matul l-​istaġun tat-​Tifkira jew matul ix-​xahar taż-​żjara tal-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Oħrajn jagħżlu x-​xhur meta jkollhom il-​vaganzi. Pubblikaturi mgħammdin li jmorru l-​iskola jistgħu jkunu jixtiequ jinkitbu bħala pijunieri awżiljarji matul ix-​xhur li fihom ma jkollhomx skola. Il-​pubblikaturi jistgħu jagħżlu li jaqdu bħala pijunieri awżiljarji bi ħtieġa taʼ sigħat imnaqqsin f’Marzu u April u matul ix-​xahar taż-​żjara tal-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Huma x’inhuma ċ-​ċirkustanzi persunali tiegħek, jekk għandek waqfa morali tajba u drawwiet tajbin, jekk tistaʼ tirranġa biex tissodisfa l-​ħtieġa taʼ sigħat speċifikati, u jekk taħseb li tistaʼ taqdi għal xahar jew iktar bħala pijunier awżiljarju, l-​anzjani se jieħdu pjaċir jikkunsidraw l-​applikazzjoni tiegħek għal dan il-​privileġġ taʼ servizz.

13 Sabiex tikkwalifika bħala pijunier regulari, trid tkun f’pożizzjoni li tilħaq il-​ħtieġa taʼ sigħat taʼ sena. Bħala pijunier regulari, għandek tikkoopera mill-​qrib mal-​kongregazzjoni tiegħek. Pijunieri żelużi huma barka għall-​kongregazzjoni għax jiġġeneraw l-​entużjażmu għall-​ministeru u anki jinkuraġġixxu lil oħrajn jibdew is-​servizz taʼ pijunier. Madankollu, qabel ma tkun tistaʼ tapplika biex issir pijunier regulari, trid tkun pubblikatur eżemplari li jkun ilu mgħammed għal mill-​inqas sitt xhur.

14 Il-​pijunieri speċjali normalment jintgħażlu minn fost il-​pijunieri regulari li jkunu wrew li huma effettivi fil-​ministeru. Għandhom ikunu jistgħu jaqdu kull fejn l-​uffiċċju tal-​fergħa jagħżel li jassenjahom. Ħafna drabi, dan ikun fi nħawi iżolati fejn huma jkunu jistgħu jsibu l-​interess u jifformaw kongregazzjonijiet ġodda. Xi drabi, il-​pijunieri speċjali jingħataw inkarigu f’kongregazzjonijiet li jkollhom bżonn l-​għajnuna biex ikopru t-​territorju tagħhom. Xi pijunieri speċjali li huma wkoll anzjani ġew inkarigati biex jgħinu lil kongregazzjonijiet żgħar, anki fejn ma jkunx hemm bżonn partikulari għal iktar ħaddiema fl-​għalqa. Il-​pijunieri speċjali jirċievu xi ħaġa żgħira tal-​flus għall-​ispejjeż tal-​ħajja. Xi pijunieri speċjali jiġu maħturin fuq bażi temporanja.

IL-​MISSJUNARJI LI JAQDU FIL-​MINISTERU

15 Il-​Kumitat tas-​Servizz tal-​Ġemgħa li Tiggverna jaħtar missjunarji li jaqdu fil-​ministeru, imbagħad dawn jiġu assenjati mill-​Kumitat tal-​Fergħa lokali biex jaqdu fi nħawi fejn hemm densità tal-​popolazzjoni għolja. Huma jwettqu ħafna ġid f’li jistabbilizzaw u jsaħħu x-​xogħol tal-​ippritkar u l-​attivitajiet tal-​kongregazzjoni. Spiss, il-​missjunarji li jaqdu fil-​ministeru jkunu ngħataw taħriġ fl-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna. Huma jingħataw post fejn joqogħdu u xi ħaġa żgħira tal-​flus għall-​ispejjeż tal-​ħajja.

XOGĦOL TAS-​CIRCUIT

16 Dawk li huma maħturin bħala indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet mill-​Ġemgħa li Tiggverna jirċievu taħriġ u jiksbu esperjenza billi l-​ewwel jaqdu bħala sostituti tal-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Irġiel bħal dawn iħobbu l-​ministeru u jħobbu lil ħuthom. Huma pijunieri żelużi, studenti diliġenti tal-​Bibbja u kelliema u għalliema effettivi. Huma jispikkaw f’li juru l-​frott tal-​ispirtu, u huma bilanċjati, raġunevoli, u juru dixxerniment. Jekk il-​ħu jkun miżżewweġ, martu li wkoll tkun pijuniera, tkun eżemplari fil-​kondotta tagħha u f’kif tittratta maʼ oħrajn. Hi predikatriċi effettiva. Ukoll, tifhem l-​irwol tagħha bħala mara miżżewġa Kristjana sottomessa, ma titkellimx għal żewġha u ma tiddominax il-​konversazzjonijiet. L-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet u n-​nisa tagħhom għandhom skeda diffiċli, għalhekk dawk li jirsistu għal dan is-​servizz għandhom ikollhom saħħa tajba. Il-​pijunieri ma japplikawx għax-​xogħol tas-​circuit. Pjuttost, jagħmlu x-​xewqa tagħhom li jaqdu fix-​xogħol tas-​circuit magħrufa lill-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet, u dan jagħtihom xi suġġerimenti.

SKEJJEL TEOKRATIĊI

17 L-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna: Hemm bżonn taʼ iżjed proklamaturi tas-​Saltna biex jiġi kopert territorju li rari jinħadem u biex jappoġġaw spiritwalment lill-​kongregazzjonijiet. Għalhekk, aħwa rġiel u nisa mhux miżżewġin u koppji miżżewġin jistgħu japplikaw biex jirċievu taħriġ speċjalizzat fl-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna. Wara li jattendu l-​iskola, il-​gradwati jintbagħtu biex jaqdu bħala pijunieri regolari fejn il-​ħtieġa hi akbar f’pajjiżhom. Madankollu, dawk li jistgħu jagħmlu lilhom infushom disponibbli jistgħu jingħataw inkarigi oħra f’pajjiżhom jew f’pajjiż ieħor. Xi wħud jistgħu jintbagħtu bħala pijunieri speċjali temporanji jew permanenti. Pijunieri li huma interessati jattendu din l-​iskola jistgħu jsiru jafu x’inhuma l-​ħtiġijiet fil-​laqgħa li ssir għal dan il-​għan fil-​konvenzjoni.

18 L-​Iskola taʼ Gilegħad (Watchtower Bible School of Gilead): Aħwa rġiel u nisa mhux miżżewġin u koppji miżżewġin li jintgħażlu biex jattendu din l-​iskola jkunu jafu jitkellmu bl-​Ingliż u jkunu qed jaqdu bħala qaddejja full-​time speċjali. Għandhom il-​potenzjal li jsaħħu u jistabbilizzaw il-​ministeru jew l-​organizzazzjoni tal-​fergħa. Diġà jkunu wrew li jieħdu pjaċir jaqdu lil ħuthom u jistgħu b’qalb tajba jgħinu lil oħrajn jitgħallmu u jżommu maʼ tmexxija Skritturali u teokratika. Il-​Kumitat tal-​Fergħa lokali jistieden studenti potenzjali biex jimlew applikazzjoni. Il-​gradwati taʼ din l-​iskola jiġu assenjati fil-​ministeru jew fl-​uffiċċju tal-​fergħa f’pajjiż barrani jew f’pajjiżhom.

IS-​SERVIZZ F’BETEL

19 Hu privileġġ speċjali li taqdi f’Betel. L-​isem Betel ifisser “Dar Alla,” u dan l-​isem żgur jixraq lil dawn iċ-​ċentri t’attività teokratika. L-​aħwa rġiel u nisa li jaqdu f’Betel jagħmlu xogħol vitali f’dak li għandu x’jaqsam mal-​produzzjoni, it-​traduzzjoni, u t-​tqassim taʼ letteratura Biblika. Is-​servizz tagħhom hu prezzjuż ħafna għall-​Ġemgħa li Tiggverna, li tipprovdi indokrar u tmexxija għall-​kongregazzjonijiet madwar id-​dinja. Ħafna Beteliti li huma tradutturi jgħixu u jaħdmu fi nħawi fit-​territorju tal-​fergħa fejn hi mitkellma l-​lingwa li fiha tiġi tradotta l-​letteratura. Dan jippermettilhom jisimgħu l-​lingwa mitkellma fil-​ħajja taʼ kuljum. Ikunu jistgħu jaraw ukoll b’għajnejhom stess jekk in-​nies jifhmux il-​lingwaġġ kif użat fil-​pubblikazzjonijiet tradotti.

20 Ħafna mix-​xogħol li jsir f’Betel huwa iebes fiżikament. Għal din ir-​raġuni, dawk li jissejħu għal Betel fil-​biċċa l-​kbira huma aħwa rġiel dedikati u mgħammdin li jkunu għadhom żgħar fl-​età, ikollhom saħħa tajba, u jkunu fiżikament b’saħħithom. Jekk hemm il-​bżonn fil-​fergħa li tindokra l-​pajjiż fejn tgħix int u tixtieq taqdi f’Betel, tistaʼ titgħallem iktar dwar il-​ħtiġijiet mingħand l-​anzjani tal-​kongregazzjoni tiegħek.

SERVIZZ TAL-​KOSTRUZZJONI

21 Il-​bini taʼ faċilitajiet teokratiċi huwa forma taʼ servizz sagru, bħalma kien dak tax-​xogħol tal-​bini tat-​tempju taʼ Salamun. (1 Slat. 8:13-​18) Ħafna aħwa rġiel u nisa juru żelu liema bħalu billi minn jeddhom jagħtu mill-​ħin u r-​riżorsi tagħhom biex ikollhom sehem f’dan ix-​xogħol.

22 Tistaʼ tgħin int? Jekk int pubblikatur mgħammed li lest li tgħin f’attività bħal din, l-​aħwa li jindokraw il-​kostruzzjoni fl-​inħawi tiegħek japprezzaw l-​għajnuna tiegħek u huma lesti li jħarrġuk anki jekk għandek abbiltajiet limitati. Għala ma tinformax lill-​anzjani lokali li int disponibbli li tgħin? Xi pubblikaturi mgħammdin li jikkwalifikaw saħansitra setgħu jkunu volontieri għal xogħol taʼ kostruzzjoni fuq faċilitajiet teokratiċi f’pajjiżi oħra.

23 Hemm ħafna opportunitajiet li nistgħu nieħdu sehem fihom fis-​servizz tal-​kostruzzjoni. Pubblikaturi eżemplari mgħammdin li għandhom xi abbiltà u jistgħu jappoġġaw proġetti qrib fejn joqogħdu jistgħu jaqdu bħala volontieri tad-​Dipartiment tal-​Ippjanar u l-​Kostruzzjoni. Oħrajn jistgħu jappoġġaw proġetti iżjed ’il bogħod għal perijodu limitat taʼ żmien u jinħatru mill-​uffiċċju tal-​fergħa biex jaqdu bħala volontieri tal-​kostruzzjoni għal minn ġimagħtejn sa tliet xhur. Dawk li jinħatru biex jaqdu fit-​tul jissejħu qaddejja tal-​kostruzzjoni. Qaddej tal-​kostruzzjoni li jingħata inkarigu barra mill-​pajjiż jaqdi bħala qaddej tal-​kostruzzjoni li jaqdi f’pajjiż barrani. Grupp tal-​Kostruzzjoni, magħmul minn qaddejja tal-​kostruzzjoni u volontieri tal-​kostruzzjoni, jieħu t-​tmexxija f’kull proġett u jiġi megħjun minn volontieri tad-​Dipartiment tal-​Ippjanar u l-​Kostruzzjoni u volontieri minn kongregazzjonijiet involuti fil-​proġett. Il-​Gruppi tal-​Kostruzzjoni jmorru minn proġett għall-​ieħor fit-​territorju taʼ fergħa.

X’INHUMA L-​MIRI SPIRITWALI TIEGĦEK?

24 Jekk iddedikajt ħajtek lil Ġeħova, ix-​xewqa tiegħek hi li taqdi lil Ġeħova għal dejjem. Imma x’inhuma l-​miri spiritwali tiegħek f’dan ir-​rigward? Meta tagħmel miri spiritwali tkun tistaʼ tuża l-​enerġija u r-​riżorsi tiegħek bil-​għaqal. (1 Kor. 9:26) Miri bħal dawn jgħinuk tikber spiritwalment u tikkonċentra fuq l-​affarijiet iktar importanti hekk kif tirsisti għal iktar privileġġi taʼ servizz.—Flp. 1:10; 1 Tim. 4:15, 16.

25 L-​appostlu Pawlu tana eżempju mill-​aqwa biex nimitawh fis-​servizz tagħna lil Alla. (1 Kor. 11:1) Pawlu stinka kemm felaħ fis-​servizz taʼ Ġeħova. Hu rrikonoxxa li Ġeħova kien ipprovdielu ħafna opportunitajiet. Lill-​aħwa f’Korintu, Pawlu kiteb: “Infetaħli bieb kbir għax-​xogħol.” Dan mhux minnu wkoll fil-​każ tagħna? Iva, għandna ħafna opportunitajiet biex naqdu lil Ġeħova fi sħubija mal-​kongregazzjoni, speċjalment fl-​ippritkar tal-​aħbar tajba tas-​Saltna. Imma bħal fil-​każ taʼ Pawlu, biex ngħaddu mill-​“bieb kbir” jinvolvi li nitqabdu maʼ “ħafna li jopponu.” (1 Kor. 16:9) Pawlu kien lest li jiddixxiplina lilu nnifsu. Innota dak li qal: “Insawwat lil ġismi u njassru.” (1 Kor. 9:24-​27) Għandna aħna l-​istess attitudni mentali?

Meta tagħmel miri spiritwali tkun tistaʼ tuża l-​enerġija u r-​riżorsi tiegħek bil-​għaqal

26 Kulħadd hu mħeġġeġ jaħdem għal miri teokratiċi skont iċ-​ċirkustanzi personali fil-​ħajja. Illum, ħafna wħud qed jieħdu sehem f’xi forma taʼ servizz full-​time għax għamlu miri teokratiċi meta kienu żgħar. Minn meta kienu għadhom tfal, il-​ġenituri u oħrajn ħeġġewhom jagħmlu dan. B’hekk gawdew karriera premjanti ħafna fis-​servizz taʼ Ġeħova—u ma ddispjaċihomx. (Prov. 10:22) Miri oħrajn taʼ min jagħmilhom huma li nieħdu sehem fis-​servizz tal-​għalqa kull ġimgħa, nibdew u nikkonduċu studju tal-​Bibbja fid-​dar, jew nieħdu iktar ħin biex nippreparaw għal-​laqgħat. L-​importanti hu li nibqgħu sodi u nwettqu bis-​sħiħ il-​ministeru tagħna. Jekk nagħmlu hekk, se nonoraw lil Ġeħova u nilħqu l-​mira aħħarija tagħna, dik li naqdu lilu għal dejjem.—Lq. 13:24; 1 Tim. 4:7b, 8.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja