LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • ijwbq artiklu 157
  • Il-Bibbja X’Tgħid Dwar id-Diżastri Naturali?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Bibbja X’Tgħid Dwar id-Diżastri Naturali?
  • Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-tweġiba tal-Bibbja
  • Għala nistgħu nkunu ċerti li d-diżastri naturali mhumiex kastig minn Alla?
  • Id-diżastri naturali huma sinjal li qed ngħixu fl-aħħar jiem?
  • Alla kif jgħin lin-nies li jiġu affettwati mid-diżastri naturali?
  • Il-Bibbja tistaʼ tgħinna nkunu preparati?
  • Huma d-Diżastri Naturali Kastig Minn Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Eżempji taʼ Preżentazzjonijiet
    Il-Ministeru tas-Saltna—2011
  • Id-Diżastri Naturali—Juru li Alla Hu Kattiv?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
ijwbq artiklu 157
Familja qed iħarsu lejn djar imkissrin minħabba diżastru naturali

Il-Bibbja X’Tgħid Dwar id-Diżastri Naturali?

It-tweġiba tal-Bibbja

Id-diżastri naturali mhux ġejjin minn Alla, imma hu jimpurtah min-nies li qed jiġu affettwati minnhom. Is-Saltna t’Alla se tneħħi l-affarijiet kollha li jġibu t-tbatija, inkluż id-diżastri naturali. Imma sa ma jasal dak iż-żmien, Alla qed jagħti l-għajnuna lil dawk li qed jiġu affettwati mid-diżastri naturali.​—2 Korintin 1:3.

  • Għala nistgħu nkunu ċerti li d-diżastri naturali mhumiex kastig minn Alla?

  • Id-diżastri naturali huma sinjal li qed ngħixu fl-aħħar jiem?

  • Alla kif jgħin lin-nies li jiġu affettwati mid-diżastri naturali?

  • Il-Bibbja tistaʼ tgħinna nkunu preparati?

  • Versi mill-Bibbja biex jgħinu lin-nies li jiġu affettwati minn diżastri naturali

Għala nistgħu nkunu ċerti li d-diżastri naturali mhumiex kastig minn Alla?

Il-Bibbja turina li xi drabi Alla uża l-qawwa tan-natura biex jagħmel ġudizzju. Imma dan kien differenti ħafna mill-mod kif jiġru d-diżastri naturali llum.

  • Id-diżastri naturali joqtlu u jaffettwaw lil kulħadd. B’kuntrast, fil-Bibbja naraw li meta Alla uża l-qawwa tan-natura biex jagħmel ġudizzju hu għamel ċert li jinqerdu n-nies ħżiena biss. Pereżempju, meta Alla qered il-bliet antiki taʼ Sodoma u Gomorra, lil Lot, li kien raġel tajjeb, u ż-żewġt ibniet tiegħu ma qeridhomx. (Ġenesi 19:29, 30) Alla ra x’kellhom f’qalbhom in-nies taʼ dak iż-żmien u qered biss lil dawk li kienu ħżiena.​—Ġenesi 18:23-32; 1 Samwel 16:7.

  • Id-diżastri naturali spiss jiġru mingħajr twissija. Però, Alla wissa lin-nies ħżiena qabel uża l-qawwa naturali kontrihom. In-nies li taw kas it-twissija tiegħu kellhom iċ-ċans biex jilħqu jaħarbu.​—Ġenesi 7:1-5; Mattew 24:38, 39.

  • Xi diżastri naturali ġraw minħabba deċiżjonijiet li ħadu n-nies u affarijiet li għamlu. Kif? Billi għamlu ħsara lill-ambjent u bnew f’postijiet fejn jistaʼ jkun hemm iktar ċans taʼ terremoti, għargħar, u temp estrem. (Rivelazzjoni 11:18) Meta n-nies jieħdu deċiżjonijiet ħżiena u jkun hemm konsegwenzi koroh, ma jkunx it-tort t’Alla.​—Proverbji 19:3.

Id-diżastri naturali huma sinjal li qed ngħixu fl-aħħar jiem?

Iva, il-Bibbja qalet minn qabel li se jkun hawn diżastri naturali fit-“tmiem taʼ din id-dinja,” jew “fl-aħħar jiem.” (Mattew 24:3; 2 Timotju 3:1) Pereżempju, dwar iż-żmien li qed ngħixu fih bħalissa, Ġesù qal: “Se jkun hemm nuqqas taʼ ikel u terremoti f’post wara l-ieħor.” (Mattew 24:7) Dalwaqt, Alla se jneħħi kull tip taʼ wġigħ u tbatija inkluż id-diżastri naturali.—Rivelazzjoni 21:3, 4.

Alla kif jgħin lin-nies li jiġu affettwati mid-diżastri naturali?

  • Alla jgħin lin-nies li jiġu affettwati permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Il-Bibbja turina b’mod ċar li Alla jimpurtah minna u jħossu mdejjaq meta nbatu. (Isaija 63:9; 1 Pietru 5:6, 7) Fiha nsibu wkoll il-wegħda t’Alla li mhux se jibqgħu jiġru diżastri naturali.​—Ara “Versi mill-Bibbja biex jgħinu lin-nies li jiġu affettwati minn diżastri naturali.”

  • Alla jgħin lin-nies li jiġu affettwati billi juża lil dawk li jħobbuh. Alla juża lil dawn in-nies biex jagħmlu bħalma għamel Ġesù. Il-Bibbja qalet minn qabel li Ġesù kien se jgħin “lil dawk b’qalbhom maqsuma” u “lill-imnikktin kollha.” (Isaija 61:1, 2) Nies li jħobbu lil Alla jipprovaw jagħmlu l-istess.​—Ġwanni 13:15.

    Alla juża nies li jħobbuh biex jgħin lil uħud li jiġu affettwati mid-diżastri naturali billi jipprovdulhom dak li jkollhom bżonn.​—Atti 11:28-30; Galatin 6:10.

Xhieda taʼ Ġeħova qed jirranġaw dar fi Puerto Rico

Xhieda taʼ Ġeħova jgħinu b’mod prattiku lil uħud li ġew affettwati minn uragan fi Puerto Rico

Il-Bibbja tistaʼ tgħinna nkunu preparati?

Iva. Għalkemm il-Bibbja mhijiex xi ktieb biex inkunu preparati għad-diżastri naturali, il-pariri li fiha jistgħu jgħinuna. Pereżempju:

  • Ippjana x’tistaʼ tagħmel jekk jinqalaʼ diżastru. Il-Bibbja tgħid, “l-għaqli jaħrab xħin jara l-periklu.” (Proverbji 22:3) Nagħmlu tajjeb li nippjanaw minn qabel x’nistgħu nagħmlu jekk tinqalaʼ emerġenza. Dan jistaʼ jinkludi li nippreparaw xi affarijiet biex inkunu lesti li nitilqu malajr f’każ taʼ emerġenza u nippjanaw maʼ tal-familja fejn niltaqgħu f’każ taʼ diżastru.

  • Qis il-ħajja iktar importanti mill-affarijiet materjali. Il-Bibbja tgħid: “Ma ġibna xejn magħna fid-dinja, u xejn mhu se nieħdu magħna meta mmutu.” (1 Timotju 6:7, 8) Biex naħarbu rridu nkunu lesti li nitilqu mid-dar tagħna u l-affarijiet li jkollna. Hu tajjeb niftakru li l-ħajja hi iktar importanti minn kull ħaġa li jistaʼ jkollna.​—Mattew 6:25.

Versi mill-Bibbja biex jgħinu lin-nies li jiġu affettwati minn diżastri naturali

Ġenesi 18:25: ‘Lanqas qatt ma jgħaddili minn moħħi li [Alla] jaġixxi hekk u joqtol lin-nies sewwa mal-ħżiena . . . Sejjer l-Imħallef tal-art kollha ma jagħmilx dak li hu sewwa?’

Xi jfisser: Alla dejjem jagħmel dak li hu sewwa; mhux tort tiegħu meta nies tajbin imutu minħabba diżastri naturali.

Salm 46:1, 2: “Alla hu l-wieħed li jipproteġina u jsaħħaħna. Hu dejjem jgħinna fi żmien taʼ inkwiet. Għalhekk m’aħniex se nibżgħu, avolja jsiru l-bidliet fid-dinja.”

Xi jfisser: Jiġri x’jiġri fil-ħajja, nistgħu nkunu ċerti li Alla se jagħtina s-saħħa li jkollna bżonn.

Isaija 63:9: “Kulmeta kienu mnikktin hu kien imnikket.”

Xi jfisser: Alla jifhimna u jħoss għalina meta nbatu.

Ġwanni 5:28, 29: “Ġej żmien li dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu [leħen Ġesù] u joħorġu.”

Xi jfisser: Jistaʼ jkollna t-tama li nerġgħu naraw lill-maħbubin tagħna li mietu għax Alla se jagħti l-qawwa lil Ġesù biex jerġaʼ jagħtihom il-ħajja.

1 Pietru 5:6, 7: “Umiljaw lilkom infuskom quddiem il-qawwa t’Alla . . . waqt li tħallu l-ansjetajiet tagħkom f’idejh, għax hu jimpurtah minnkom.”

Xi jfisser: Alla jinkwieta għalina u jridna nitolbuh meta nkunu inkwetati.

Rivelazzjoni 21:4: “[Alla] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”

Xi jfisser: Alla ħa jneħħi kull ħaġa li ġġib it-tbatija inkluż id-diżastri naturali.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja