GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | TROBBIJA TAT-TFAL
It-Tfal u l-Ismartphones—It-Tieni Parti: Għallem lit-Tfal Jużaw l-Ismartphone b’Mod Tajjeb
Nistgħu nqabblu l-ismartphone maʼ għodda b’saħħitha għax tistaʼ tintuża b’mod tajjeb jew b’mod ħażin. Kif tistaʼ tgħallem lit-tfal tiegħek jużaw din l-għodda b’saħħitha b’mod tajjeb? Pereżempju, kif għandek tiddeċiedi kemm iqattgħu ħin fuq l-ismartphone kuljum?a
Dak li għandek tkun taf
L-ismartphone fih il-perikli tiegħu. Kif rajna fl-artiklu “It-Tfal u l-Ismartphones—L-Ewwel Parti: Għandhom it-Tfal Tiegħi Jkollhom Smartphone?,” it-tfal b’dawn it-tip taʼ mowbajls jistgħu jidħlu fuq l-Internet u jaraw kemm affarijiet tajbin u kemm ħżiena.
“Ma rridux ninsew li l-ismartphone jistaʼ jkun taʼ periklu għat-tfal tagħna, għax bih jistgħu jiltaqgħu maʼ nies u ideat perikolużi.”—Brenda.
It-tfal għandhom bżonn min jgħinhom. It-tfal huma mdorrijin bit-teknoloġija, filwaqt li ħafna wħud kbar bdew jużaw it-teknoloġija issa. Però, dan ma jfissirx li l-ġenituri ma jafu xejn dwar it-teknoloġija u li t-tfal jafu aħjar minnhom kif u meta għandhom jużaw l-ismartphones.
Huwa veru li forsi t-tfal tiegħek jafu jużaw il-mowbajl aħjar minnek. Imma dan ma jfissirx li jafu jużawh bil-għaqal. Anki tfal li jafu ħafna dwar it-teknoloġija għandhom bżonn li l-ġenituri tagħhom jgħallmuhom kif jużaw smartphone b’mod responsabbli.
“Li tagħti lit-tifel tiegħek smartphone mingħajr ma tgħallmu kif għandu jużah hu bħallikieku tagħtih iċ-ċavetta tal-karozza, tħallih ipoġġi fuq is-seat tax-xufier, tistartjalu l-karozza, u tgħidlu ‘Moħħok hemm’ mingħajr ma l-ewwel tgħallmu kif isuq.”—Seth.
Dak li tistaʼ tagħmel
Tgħallem kif jaħdem il-mowbajl tat-tfal tiegħek. Sir familjari maʼ kif tissettja l-mowbajl tat-tfal tiegħek biex huma jużaw il-mowbajl b’mod responsabbli. Pereżempju:
Taf x’parental controls fih il-mowbajl?b
Taf li ċertu settings li jgħidu li jimblokkaw affarijiet mhux xierqa għat-tfal mhux dejjem jaħdmu?
Iktar ma tkun taf kif tuża l-mowbajl li għandhom it-tfal, iktar se tkun tistaʼ tgħinhom jużawh b’mod responsabbli.
Prinċipju tal-Bibbja: “Ir-raġel li għandu l-għarfien qed iżid il-qawwa tiegħu.”—Proverbji 24:5.
Agħmel regoli. Iddeċiedi x’se tħallihom u ma tħallihomx jagħmlu bil-mowbajl. Pereżempju:
Se tħalli lit-tfal jużaw il-mowbajl waqt li tkunu qed tieklu? Jew se tħallihom jużawh meta tmorru għand tal-familja jew il-ħbieb?
Se tħallihom ikollhom il-mowbajl fil-kamra tagħhom mal-lejl?
Liema apps se tħallihom jużaw?
Kemm se tħallihom iqattgħu ħin fuqu kuljum?
Ara li t-tfal tiegħek jifhmu x’inhuma r-regoli, u kun lest li jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek ma tobdihomx tiddixxiplinaha.
Prinċipju tal-Bibbja: “Iżżommx lura d-dixxiplina minn tifel.”—Proverbji 23:13.
Iċċekkja l-mowbajl tat-tfal tiegħek. Ara li tkun taf x’inhi l-password tal-mowbajl tagħhom u skont il-bżonn iċċekkja l-messaġġi, l-apps li qed jużaw, l-istampi, u l-websites li qed jidħlu fihom.
“Aħna għedna lit-tifla li minn żmien għal żmien konna se niċċekkjawlha l-mowbajl mingħajr ma navżawha qabel, u jekk insibu li mhux qed tuża l-mowbajl kif suppost, konna se nnaqqsulha l-ħin taʼ kemm tistaʼ tużah.”—Lorraine.
Bħala ġenitur, int għandek kull dritt tkun taf kif it-tfal tiegħek qed jużaw l-ismartphone.
Prinċipju tal-Bibbja: “Tifel jintgħaraf minn għemilu, jekk hux pur u rett f’dak li jagħmel.”—Proverbji 20:11.
● Għallimhom jagħżlu jagħmlu t-tajjeb. Għallem lit-tfal tiegħek ikunu jridu jagħmlu l-ħaġa t-tajba. Dan għala hu importanti? Għax jekk it-tfal ikunu jridu jaħbu xi ħaġa mill-ġenituri, ħafna drabi minkejja l-isforzi tal-ġenituri, huma xorta jsibu mod kif jagħmlu dan.c
Għalhekk, għin lit-tfal tiegħek ikollhom kwalitajiet tajbin, bħal li jkunu onesti, ikunu ddixxiplinati magħhom infushom, u li jkunu responsabbli għal dak li jagħmlu. Tfal li jafu jagħżlu jagħmlu t-tajjeb x’aktarx iktar se jużaw il-mowbajl bil-għaqal.
Prinċipju tal-Bibbja: “Nies maturi, . . għandhom is-sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.”—Ebrej 5:14.
a F’dan l-artiklu, il-kelma “smartphone” tfisser mowbajl li bih tistaʼ tidħol fuq l-Internet. Tistaʼ tgħid qisu kompjuter żgħir.
b Il-parental controls huma settings fuq il-mowbajl li jistgħu jgħinuk tissettja ħin kemm it-tfal tiegħek jużaw l-ismartphone jew f’liema websites jistgħu jidħlu.
c Pereżempju, illum hawn apps li jissejħu “ghost app.” Dawn l-apps fuq il-mowbajl ikunu jidhru normali, bħal pereżempju calculator. Imma ġo fihom ikun hemm affarijiet li t-tfal ikunu jridu jaħbu mill-ġenituri tagħhom.