Il-Ħadd, 31 t’Awwissu
“Dawk li għandhom id-dehen jifhmu.”—Dan. 12:10.
Biex nifhmu l-profeziji tal-Bibbja għandna bżonn l-għajnuna. Aħseb dwar dan l-eżempju. Immaġinak mort f’post ġdid, imma ħabib tiegħek li qiegħed miegħek jafu sew il-post. Hu jaf eżatt fejn qegħdin u minn fejn għandkom tgħaddu. Int żgur tkun ferħan li l-ħabib ġie miegħek! Ġeħova hu bħal dak il-ħabib. Hu jaf x’se jiġri fil-futur tagħna. Għalhekk, biex nifhmu l-profeziji tal-Bibbja għandna nkunu umli u nitolbu lil Ġeħova għall-għajnuna. (Dan. 2:28; 2 Pt. 1:19, 20) Bħal kull ġenitur tajjeb, Ġeħova jixtieq li t-tfal tiegħu jkollhom futur sabiħ. (Ġer. 29:11) Imma Ġeħova hu aħjar minn ġenitur uman, għax hu jistaʼ jgħidilna x’se jiġri fil-futur, u dak li jgħid dejjem jiġri. Ġeħova uża rġiel biex jiktbu l-profeziji fil-Kelma tiegħu ħalli nkunu nafu affarijiet importanti qabel jiġru.—Is. 46:10. w23.08 8 ¶3-4
It-Tnejn, 1 taʼ Settembru
“Il-ħniena tiegħu mis-sema se tiddi fuqna bħax-xemx tielgħa.”—Lq. 1:78.
Alla ta lil Ġesù l-qawwa biex isolvi l-problemi kollha tan-nies. Meta Ġesù għamel il-mirakli, hu wera li jistaʼ jirranġa l-problemi kollha li aħna ma nistgħux nirranġaw weħidna. Pereżempju, hu għandu l-qawwa li jeħlisna mid-dnub u l-effetti tiegħu, bħall-mard u l-mewt. (Mt. 9:1-6; Rum. 5:12, 18, 19) Il-mirakli tiegħu juru li hu jistaʼ jfejjaq “kull tip taʼ mard” u jqajjem il-mejtin. (Mt. 4:23; Ġw. 11:43, 44) Għandu wkoll il-qawwa li jikkontrolla l-maltempati u jkeċċi d-demonji. (Mk. 4:37-39; Lq. 8:2) Kemm hu inkuraġġanti li nafu li Ġeħova ta din il-qawwa lil Ibnu! Nistgħu nkunu ċerti li l-wegħdi t’affarijiet tajbin li se ġġib is-Saltna t’Alla se jiġru żgur. Il-mirakli li għamel Ġesù meta kien fuq l-art juruna dak li se jagħmel mad-dinja kollha bħala r-Re tas-Saltna t’Alla. w23.04 3 ¶5-7
It-Tlieta, 2 taʼ Settembru
“L-ispirtu jgħarbel kollox, saħansitra l-affarijiet profondi t’Alla.”—1 Kor. 2:10.
Jekk fil-kongregazzjoni tiegħek hemm ħafna aħwa u taħseb li l-ħu ma jqabbdekx spiss, forsi ġieli ħsibt biex ma tibqax tipprova. Imma tiqafx tipprova tikkummenta. Ipprepara xi ftit kummenti għal-laqgħa. Imbagħad, jekk ma jqabbdukx tikkummenta fil-bidu, se jkollok ċans iktar tard. Meta tkun qed tipprepara l-Istudju taʼ It-Torri tal-Għassa, aħseb kif il-paragrafu jaqbel mat-tema tal-artiklu. Jekk tagħmel hekk, se ssib kummenti tajbin li tkun tistaʼ taqsam matul l-istudju kollu. Barra minn hekk, tistaʼ tipprepara kumment fuq paragrafi li jkun fihom tagħlim tal-Bibbja iktar diffiċli biex tispjegah. Għala? Għax forsi jkun hemm inqas aħwa li jikkummentaw f’dawn il-paragrafi. Imma x’tistaʼ tagħmel jekk għaddew ftit laqgħat, u xorta ma kellekx l-opportunità li tikkummenta? Qabel il-laqgħa għid il-ħu li jkun se jikkonduċi l-istudju f’liema paragrafu tixtieq twieġeb. w23.04 21-22 ¶9-10