Mingħand il-Qarrejja
Nuqqas taʼ Sigurtà? Qrajt artiklu tassew sabiħ intitolat “In-Nisa Kellhom Sehem Kbir.” (8 taʼ Lulju, 1999) Bqajt daqsxejn skantat meta rajt li l-ħaddiema nisa involuti fil-bini ma kienu lebsin l-ebda għamla taʼ protezzjoni għall-għajnejn.
R. L., Stati Uniti
Il-qarrejja tagħna jistgħu jserrħu moħħhom li dawn il-ħaddiema volontieri kienu lebsin apparat protettiv għall-għajnejn fil-ħin li kienu attwalment qed jagħmlu xogħolhom. Huma ġew mitluba biex jippożaw għal dawn ir-ritratti—mingħajr l-apparat għall-għajnejn—sabiex l-uċuħ ferrieħa tagħhom ikunu jistgħu jidhru aħjar.—ED.
Iċ-Ċelibat Ma naqbilx mal-parti fil-“Ħarsa lejn id-Dinja” li kellha t-titlu “Iċ-Ċelibat—Għala?” (8 t’Ottubru, 1999) Intom qed tgħidu li l-argument tal-Knisja “m’huwiex ibbażat fuq l-Iskrittura.” Meta naqra Mattew 19:10-12 u l-1 Korintin 7:8, 26, 27, ikolli nikkonkludi li hemm bażi għaċ-ċelibat.
M. T., Stati Uniti
Huwa veru li l-Bibbja tirrikkmanda li tkun xi ħaġa tajba għal xi wħud li jibqgħu waħedhom. Madankollu, il-Bibbja ma titlobx li l-ministri Kristjani ma jiżżewġux. L-appostlu Pietru u rġiel responsabbli oħra fil-kongregazzjoni Kristjana bikrija kienu rġiel miżżewġa. (1 Korintin 9:5; 1 Timotju 3:2) Għaldaqstant, iċ-ċelibat taʼ bilfors m’għandux bażi fl-Iskrittura.—ED.
Id-Drogi Grazzi talli ppubblikajtu s-serje “Qegħdin id-Drogi Jieħdu d-Dinja taħt Idejhom?” (8 taʼ Novembru, 1999) Jien kont nieħu d-drogi—kokaina, marijuana, u ħaxixa. Kont nabbuża wkoll mix-xorb u npejjep iktar minn 40 sigarett kuljum. Kien iebes ħafna għalija li naqtaʼ dawn il-vizzji, imma Alla tani s-saħħa. Ili disaʼ snin li waqaft, u kemm jien grat li rnexxieli noħroġ mill-ħama taʼ din id-dinja mingħajr ma laqqatt xi marda serja jew spiċċajt il-ħabs. Peress li naf liema tbatijiet fiżiċi, emozzjonali, u ekonomiċi jġib miegħu l-abbuż tad-drogi, nispera li artikli bħal dawn imissu l-qlub taż-żgħażagħ.
G. M., Italja
Jien użajt din is-serje f’komponiment taʼ l-iskola, u ngħatajt l-ogħla marka possibbli u l-prosit mingħand l-għalliem tiegħi. Jien dejjem nieħu pjaċir naqrah Stenbaħ!, speċjalment meta jkun fih artikli rigward affarijiet kurrenti. Dan jgħinni biex inkun realistika dwar il-ħajja.
I. M., Italja
Soċjevoli Grazzi ħafna għall-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Għala Ma Nistax Inkun Iktar Soċjevoli?” (8 taʼ Novembru, 1999) Jien għandi 17-il sena, u l-artiklu kważi ġagħalni naħseb li kien miktub proprju għalija. Il-kliem li kien fih esprima eżattament il-mod kif inħossni jien minn ġewwa. Kemm-il darba smajthom jgħidu li jien persuna mkabbra. Imma l-fatt li xi ħadd ikun iktar kwiet mill-oħrajn m’hijiex raġuni biex tiġġudikah ħażin.
R. R., Ġermanja
Marda serja li kelli meta kont żgħir ġagħlitni nħossni waħdi. Dan l-artiklu għenni biex nifhem u nkampa mas-sentimenti tiegħi u biex insib mod kif negħleb is-sitwazzjoni. Jien se nistinka biex nagħmel ħbieb maʼ oħrajn fil-kongregazzjoni tiegħi.
J. F. F., Brażil
Inġustizzja Nixtieq nirringrazzjakom taʼ l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Kif Nistaʼ Nkampa maʼ l-Inġustizzja?” (8 t’Ottubru, 1999) Għalkemm għadni żgħira, ġarrabt ħafna inġustizzja u vjolenza f’ħajti, tant li għandi ġrieħi emozzjonali profondi. Dan għamilhieli diffiċli biex inwettaq l-attività tiegħi bħala pijuniera, attività li ili nieħu sehem fiha għal dawn l-aħħar tmien snin. Sentenza li tant qawwietli qalbi kienet tgħid: “Agħmel li tistaʼ biex tkampa.” Dawn il-kelmiet juru mħabba, u nirringrazzjakom minn qiegħ qalbi.
A. G., Italja
L-Għasafar taʼ l-Għana Grazzi taʼ l-artiklu “Dwettisti li Jgħaxxquk.” (8 taʼ Diċembru, 1999) Stħajjiltni nismaʼ lil dawn l-għasafar jgħannu għana mill-isbaħ fuq fergħa taʼ siġra! Kuljum nirringrazzja lil Jehovah talli ħalaq annimali li jagħtuna pjaċir.
Y. S., Ġappun