Ħarsa Lejn id-Dinja
◼ “Madwar terz mit-tfajliet fl-Istati Uniti joħorġu tqal qabel ma jkollhom 20 sena.”—ĊENTRI GĦALL-KONTROLL U L-PREVENZJONI TAL-MARD, L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA.
◼ Skont studju li sar fl-Istati Uniti fuq 420 raġel li kienu “vittmi taʼ vjolenza domestika,” instab li “kważi tlieta minn kull 10 ġew imsawtin jew abbużati b’xi modi oħrajn.”—IL-ĠURNAL AMERIKAN TAL-MEDIĊINA PREVENTIVA.
Iktar Minn Lingwa Waħda?
Ħafna ġenituri jibżgħu li jekk lit-tfal jgħallmuhom lingwa oħra se jfixkluhom u ma jkunux kapaċi jitkellmu sew bil-lingwa tagħhom stess. Madankollu, l-oppost huwa minnu, jgħid tim taʼ nies li jagħmlu riċerka mmexxijin min-newroxjenzata Laura-Ann Petitto f’Toronto, il-Kanada. “It-tessut tas-sistema nervuża li twilidt bih int . . . jinsab lest u f’postu biex jitgħallem lingwa,” tgħid Petitto, “u għandu l-abbiltà li jitgħallem iktar minn lingwa waħda.” Fl-iskola, tfal li jitkellmu b’iktar minn lingwa waħda spiss ikunu aħjar minn tfal li jitkellmu b’lingwa waħda biss. Madankollu, tgħid it-Toronto Star, “il-ġenituri jridu jkunu minn taʼ quddiem biex jgħallmu lil uliedhom żgħar lingwa oħra jekk iriduhom li jkollhom il-benefiċċji kollha li jgawdu tfal li jitkellmu b’iktar minn lingwa waħda.”
Il-Pornografija Hija taʼ Ħsara għat-Tfal
Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed tonqos l-età tat-tfal li fuq l-Internet qed jiġu f’kuntatt maʼ vidjos pornografiċi u vjolenti li huma taʼ ħsara. Skont Heinz-Peter Meidinger, chairman tal-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Filoloġi, subien minn tnax-il sena ’l fuq spiss ikunu jafu kif u fejn isibu Web sites li juru vjolenza estrema jew pornografija degradanti. Filwaqt li t-tfal għandhom mnejn li minn barra jidhru li ma jibżgħu minn ħadd u li ma jimpurtahomx, minn ġewwa ħafna minnhom jibqgħu xxokkjati u disturbati meta jaraw dawn l-affarijiet. Meidinger iħeġġeġ lill-ġenituri biex juru interess f’dak li jkun għaddej minn moħħ uliedhom u f’dak li jkunu qed jaraw fuq il-kompjuter.
Ippjanar Għal Divorzju
Għadd rekord t’Awstraljani qed jiffirmaw ftehim qabel iż-żwieġ li jirrikjedi li l-parti l-oħra fiż-żwieġ ikollha ċerti kundizzjonijiet speċifiċi fl-istil tal-ħajja, tirrapporta s-Sunday Telegraph taʼ Sydney. Ftehim qabel iż-żwieġ jikkonsisti minn kuntratti li juru kif il-koppji jaqsmu kulma għandhom f’każ taʼ divorzju. Ħafna mill-ftehim issa jispeċifika l-istil tal-ħajja li t-tnejn li huma jridu jżommu biex iż-żwieġ ikun jistaʼ jibqaʼ sħiħ. Xi klawsoli għandhom mnejn juru min għandu jsajjar, inaddaf, jew isuq, kif ukoll jekk humiex permessi annimali domestiċi, x’piż għandu jkollhom l-imseħbin fiż-żwieġ, min joħroġ il-kelb, u min joħroġ l-iskart. L-avukata Christine Jeffress tgħid li n-nies “għandhom inqas stennija li r-relazzjoni tagħhom se tibqaʼ għal dejjem.”
Ġenituri Jsibuha Diffiċli Biex Juru Affezzjoni
“Numru li dejjem jiżdied taʼ ġenituri jeħtieġu ktieb bl-istruzzjonijiet fuq kif għandhom jittrattaw lit-tfal żgħar tagħhom, ladarba milli jidher mhumiex kapaċi juruhom affezzjoni naturali,” tgħid ir-rivista Pollakka Newsweek Polska. Il-ġenituri jeħtieġ jiġu mgħallmin affarijiet bażiċi, bħalma huma li jgħannqu lil uliedhom, jilagħbu magħhom, u jkantawlhom. Dawn l-attivitajiet huma vitali għall-iżvilupp bilanċjat tat-tfal. Madankollu, ir-riċerka turi li “fost il-familji Pollakki, it-televixin u x-xiri kienu fl-ewwel post fil-modi l-iktar komuni kif il-ġenituri jqattgħu ħin maʼ wliedhom.” Il-logħob mat-tfal tagħhom ġie biss fis-sitt post.