‘L-Iktar Tajra Grandjuża fid-Dinja’
MHUX taʼ b’xejn li l-albatross ġie deskritt bħala ‘l-iktar tajra grandjuża fid-dinja.’ Il-qies taʼ din it-tajra bi ġwinħajha miftuħin hu taʼ tliet metri, u għalhekk din hi l-akbar tajra tal-baħar li tistaʼ ttir b’veloċità taʼ iktar minn 115-il kilometru fis-siegħa. Fuq l-art, l-albatross għandu mnejn jidher kemxejn stramb, imma fis-sema hu tassew spettaklu li jpaxxi l-għajn.
Instabu madwar 20 speċi differenti taʼ albatross. 15 minnhom jistgħu jinstabu fl-oċeani taʼ madwar New Zealand. L-uniku post fejn ibejjet l-albatross hu Taiaroa Head li jinsab fl-Emisfera tan-Nofsinhar, f’tarf il-Peninsula Otago, fuq South Island fi New Zealand.
Hawnhekk, l-albatross irjali tat-tramuntana jibda jkollhom il-frieħ fl-età taʼ bejn sitta u għaxar snin. Dawn jibqgħu jkollhom il-frieħ tul ħajjithom kollha, u din tistaʼ tkun twila mhux ħażin. Huwa magħruf li xi wħud minn dawn it-tjur jgħixu ’l fuq sew minn 50 sena! L-albatross ibidu bajda waħda kull sentejn u s-sena li ma jbidux iqattgħuha fuq il-baħar. Normalment, dawn it-tjur jibqgħu mal-imseħbin tagħhom għal għomorhom.
Kemm l-albatross raġel u kemm l-albatross mara jieħdu sehem f’li jibnu l-bejta. Din jibdewha f’Settembru. Imbagħad, f’Novembru, l-albatross mara tbid bajda li tistaʼ tiżen sa 500 gramma. Kemm ir-raġel u kemm il-mara jkunu involuti fl-inkubazzjoni tal-bajda li ddum madwar 80 ġurnata, sakemm din tfaqqas fil-bidu taʼ Frar. Imbagħad, l-omm u l-missier, darba kull wieħed, jgħassu u jitimgħu lill-fellus. Id-dieta tiegħu tikkonsisti minn ħut u klamari mgħaffġin li l-omm jew il-missier ikunu tellgħu mill-istonku tagħhom biex jitimgħuhom lill-fellus. Meta jkollu sitt xhur, il-fellus jistaʼ jiżen sa 12-il kilo—ħafna iktar minn albatross adult!
Wara kważi sena, l-omm u l-missier jerħulha lejn Taiaroa Head biex iqattgħu sena fuq il-baħar qabel ma jmorru lura ħalli jerġgħu jbejtu. Sadanittant, il-fellus tagħhom, li jkun irqaq u jkun tellaʼ r-rix kollu, jibqaʼ jipprova jtir għal darba wara l-oħra sakemm jitgħallem jiftaħ ġwinħajh u jittajjar mar-riħ fl-ajru. X’inhi d-destinazzjoni tiegħu? L-oċean. Huwa hawnhekk li l-albatross li jkun għadu żgħir iqattaʼ ftit tas-snin. Qabel isir adult, l-albatross jerġaʼ lura lejn Taiaroa Head. Hawnhekk, waqt li l-għasafar akbar ikunu medhijin jibnu l-bejtiet u jkollhom iż-żgħar, l-albatross li jkun għadu ma sarx adult jgħaddi l-ħin inaddaf u jirranġa r-rix b’munqaru, jaqbeż u jilgħab, u juri kemm jaf itir.
[Kaxxa f’paġna 17]
ŻJARA LILL-KOLONJA TAL-ALBATROSS IRJALI
Sa minn tfuliti, l-istejjer dwar l-albatross kienu jaffaxxinawni, u għalhekk bdejt inħares ’il quddiem bil-ħerqa lejn iż-żjara tiegħi lill-kolonja tal-albatross irjali. Kienet ġurnata bir-riħ, u hekk kif jien u ħabibti bdejna noqorbu, qgħadna niflu s-sema biex forsi nilmħu l-ispettaklu tal-albatross fl-ajru. Ma ħriġniex diżappuntati. Hekk kif bdew ifiġġu l-għasafar, ma stajniex ma nibqgħux b’ħalqna miftuħ meta rajna dawn l-esperti leġġendarji tat-titjir!
Malli wasalna, ngħaqadna maʼ grupp taʼ viżitaturi oħrajn għal żjara taʼ siegħa bil-gwida. Permezz taʼ xi mudelli, wirjiet, u vidjos li ntużaw, sirna nafu li l-albatross irjali tat-Tramuntana jistaʼ jgħix il-ħin kollu fuq il-baħar, u jistaʼ saħansitra jorqod fuq l-ilma! Sew jekk fuq il-baħar u sew jekk fl-ajru, dan l-għasfur affaxxinanti hu verament meravilja. Din hi raġuni oħra biex nagħtu tifħir lil dak li ‘ħalaq l-affarijiet kollha,’ Alla Ġeħova!—Rivelazzjoni 4:11.
[Stampa f’paġna 16]
L-omm u l-missier, darba kull wieħed, jgħassu u jitimgħu lill-fellus li meta jkollu sitt xhur jistaʼ jiżen sa 12-il kilo
[Stampa f’paġna 16]
Taiaroa Head, fejn jgħix l-albatross irjali tat-Tramuntana
[Stampa f’paġna 16]
L-albatross irjali tat-Tramuntana jistaʼ jgħix il-ħin kollu fuq il-baħar, u jistaʼ saħansitra jorqod fuq l-ilma
[Sorsi tal-istampa f’paġna 15]
Fuq: © David Wall/Alamy; taħt: © Kim Westerskov/Alamy
[Sorsi tal-istampa f’paġna 17]
Sfond: © davidwallphoto.com; paġna 24, fuq: Tui De Roy/Roving Tortoise Photos; paġna 24, taħt: Courtesy Diarmuid Toman; paġna 25, albatross itir: © Naturfoto-Online/Wolfgang Bittmann