Il-Vilel fiċ-Ċokon taʼ Istanbul
● Djar tal-injam għall-għasafar jidhru f’ħafna partijiet tad-dinja. Huma postijiet ideali għall-għasafar biex jieklu, jibqgħu sħan, jagħmlu bejta, ikollhom il-frieħ, u jiksbu protezzjoni mill-predaturi u mill-elementi. F’Istanbul, id-djar tal-għasafar ġew disinjati biex jidhru bħal strutturi taʼ daqs normali. Ftit minnhom jixbhu vilel; oħrajn moskej jew palazzi.a Huma magħrufin bħala barumbari, vilel tal-għasafar, u saħansitra palazzi għall-għasafar tal-bejt.
L-eqdem minn dawn id-djar tal-għasafar imorru lura għall-inqas sal-15-il seklu, u fihom arkitettura Ottomana. Huma strutturi sempliċi, imma mis-seklu 18, id-djar tal-għasafar saru residenzi grandjużi u lussużi. Ftit minnhom kellhom reċipjenti għall-ikel u l-ilma, passaġġi, u saħansitra gallariji fejn l-għasafar setgħu, bħallikieku, iħarsu lejn il-veduta. Dawn id-djar ġeneralment kienu jitqiegħdu fin-naħa tal-bini fejn l-iktar li kienet taħkem ix-xemx u fejn kien hemm l-iktar kenn mir-riħ—’il bogħod mill-qtates, il-klieb, u n-nies. Kultant dawn il-karatteristiki kienu jiżdiedu mhux sempliċement minħabba l-għasafar, imma biex iżejnu l-bini bħala parti mid-disinn ġenerali tiegħu. Id-djar tal-għasafar tistaʼ tarahom fuq il-ġnub tal-moskej, kbar u żgħar, kif ukoll fuq għejun pubbliċi tax-xorb, libreriji, pontijiet, u djar privati.
B’sogħba, ħafna minn dawn il-vilel fiċ-ċokon iddeterjoraw minħabba l-attakk kontinwu tal-elementi, waqt li oħrajn inqerdu apposta minn nies li m’apprezzawx il-valur tagħhom. Id-djar tal-għasafar issa jidhru inqas u inqas. Madankollu, jekk iżżur Istanbul, u jekk togħġbok l-arkitettura storika, ara jekk tkunx tistaʼ tara dawn l-istrutturi delikati u żgħar imkennijin f’xifer il-bjut. Issa li taf x’inhuma, il-fatt li tinnota dawn il-vilel fiċ-ċokon se jsebbaħ iż-żjara tiegħek f’din il-belt.
[Nota taʼ taħt]
a Għalkemm huma realistiċi, dawn id-djar tal-għasafar ġeneralment ma jiġux disinjati fuq bini speċifiku.