LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 4/11 pp. 11-13
  • Kelli Ħajja Premjanti Ħafna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kelli Ħajja Premjanti Ħafna
  • Stenbaħ!—2011
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nippritkaw f’Sumatra
  • Naqsmu t-​Tama Tagħna man-​Nies f’Java
  • Kalimantan—Id-​Dar tad-​Dayak
  • Ġejna Assenjati l-​Papwa Ginea Ġdida
  • L-​Iktar Vjaġġ Diffiċli Tiegħi
  • Determinati Li Nwettqu L-ministeru Tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Leali Lejn Alla Għal Iktar Minn 70 Sena
    Stenbaħ!—2009
  • “Qatt Ma Kont Waħdi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Imberkin bil-Kbir għax Żammejna l-Ispirtu Missjunarju
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Stenbaħ!—2011
g 4/11 pp. 11-13

Kelli Ħajja Premjanti Ħafna

Kif rakkontata minn Herawati Neuhardt

Twilidt f’Cirebon, l-​Indoneżja, belt famuża għad-​drapp imżejjen tagħha li jgħidulu batik u li hu miżbugħ b’disinji vivaċi mpinġijin bl-​idejn. B’xi modi, il-​ħajja tiegħi bħala missjunarja kienet bħal dak il-​batik—mimlija esperjenzi interessanti hekk kif iltqajt maʼ kulturi differenti fix-​Xlokk tal-​Asja u fil-​Paċifiku tan-​Nofsinhar. Ħalli nispjega.

FL-​1962, meta kelli għaxar snin, ommi bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Maż-​żmien, hi u missieri, li t-​tnejn huma Ċiniżi mweldin l-​Indoneżja, flimkien maʼ ħamsa mit-​tfal tagħhom, inkluż jien, saru Xhieda.

Id-​dar tagħna kienet dejjem miftuħa għall-​missjunarji u għall-​indokraturi li jivvjaġġaw, li żaru l-​kongregazzjoni tagħna biex jagħtu inkuraġġiment spiritwali. L-​eżempju mill-​aħjar u l-​konversazzjoni li tibni tagħhom ħallew impressjoni kbira fuqi. Meta kelli 19-​il sena, iddeċidejt li nidħol fil-​ministeru Kristjan full-​time. Madwar sena wara, iżżewwiġt lil Josef Neuhardt, missjunarju Ġermaniż li kien wasal l-​Indoneżja fl-​1968. Wara l-​qamar il-​għasel tagħna, morna ngħixu f’Sumatra, it-​tieni l-​akbar gżira mill-​iktar minn 17,000 gżira tal-​Indoneżja. Hemmhekk ngħaqadt maʼ Josef fix-​xogħol tiegħu bħala indokratur li jivvjaġġa, li kien jinvolvi li nżuru kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Nippritkaw f’Sumatra

Is-​circuit tagħna, jew it-​territorju assenjat lilna, kien jibda mill-​belt bieżla taʼ Padang, fejn kien hemm ħafna sħana u li kienet fil-​Punent taʼ Sumatra, sa Lake Toba, għadira vulkanika kbira u mill-​isbaħ imdawra bl-​għoljiet fit-​Tramuntana taʼ Sumatra. Iktar tard ġejna assenjati biex naħdmu fin-​Nofsinhar tal-​gżira. Konna dejjem sejrin minn post għal ieħor fil-​Volkswagen Beetle antika tagħna, noqomsu f’toroq kollhom ħofor fil-​ġungla, għaddejjin minn fuq pontijiet imżegilgin magħmulin minn siġar tal-​ġewż tal-​Indi, u nsuqu madwar il-​bażi taʼ vulkani għoljin ħafna—xi wħud reqdin u oħrajn attivi. Billejl konna norqdu mal-​art f’għerejjex sempliċi li ma kellhomx dawl, ilma, jew kmamar tal-​banju. Konna ninħaslu f’għadajjar u xmajjar. Kienet ħajja sempliċi, u konna nħobbuhom in-​nies. Laqgħuna minn qalbhom u temgħuna, u ħafna wrew interess fil-​Bibbja.

Madwar Padang, in-​nies Minangkabau, li l-​biċċa l-​kbira minnhom huma Musulmani, kienu sorpriżi u ferħanin meta wrejniehom mill-​Bibbja li Alla hu wieħed—mhux Trinità, bħalma jsostnu l-​knejjes tal-​Kristjaneżmu. (Dewteronomju 6:4) Ħafna nies b’ferħ aċċettaw ir-​rivisti It-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ!, u xi wħud interessati iktar tard għamlu progress spiritwali ġmielu. F’Lake Toba, in-​nies Batak, li l-​maġġuranza tagħhom jgħidu li huma Kristjani, kienu jafu l-​isem t’Alla, Ġeħova, għax rawh fil-​Bibbja bil-​lingwa tagħhom. (Salm 83:18) Madankollu, kellhom bżonn fehma iktar ċara dwar Alla u l-​iskop tiegħu għall-​umanità. Ħafna minnhom aċċettaw studju tal-​Bibbja u saru evanġelizzaturi Kristjani żelużi.

Naqsmu t-​Tama Tagħna man-​Nies f’Java

Fl-​1973, jien u Josef ġejna assenjati f’Java, gżira daqs nofs il-​Gran Britannja, b’iktar minn 80 miljun abitant.a Qsamna l-​aħbar tajba maʼ gruppi etniċi Javanese, Sundanese u Ċiniżi.

Minħabba t-​trobbija tiegħi Ċiniża-​Indoneżjana, kont nitkellem b’għadd taʼ lingwi, inkluż il-​Javanese, is-​Sundanese, u l-​Indoneżjan, kif ukoll l-​Ingliż. Minħabba f’hekk, gawdejt ħafna diskussjonijiet interessanti fuq il-​Bibbja maʼ nies bil-​lingwa tagħhom.

Fil-​belt kapitali tal-​Indoneżja, Ġakarta, li tinsab fuq Java, qsamt it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem f’Ġenna fuq l-​art maʼ tfajla taʼ 19-​il sena li dehret imdejqa. Hekk kif qrajt mill-​Bibbja, hi nfaqgħet tibki. “Grazzi, Zi, talli qed tgħidli dawn l-​affarijiet,” qalet hi, billi użat terminu t’affezzjoni u rispett. Hi kompliet tgħid: “S’għada, se jkolli bżonn 1.5 miljun rupjaħ [115-​il ewro] ieħor biex inħallas l-​ispejjeż tiegħi tal-​università, u kont qed naħseb jekk għandix inbigħ il-​verġinità tiegħi biex nikseb il-​flus. Qabel ma ġejt int kont qed nitlob għad-​direzzjoni. Issa għandi r-​risposta. Jien determinata li nipposponi l-​istudji tiegħi u nibqaʼ nadifa moralment.” Din it-​tfajla tgħaxxqet tirċievi iktar għajnuna spiritwali.

Minn dakinhar ’l hawn, ħafna iktar Javenese, inkluż Sundanese u Ċiniżi, ġabu ħajjithom fi qbil mal-​livelli taʼ ġid fil-​Kelma t’Alla. Dan, mill-​banda l-​oħra, ġabilhom paċi ġewwinija u ferħ ġenwin, sewwasew bħalma wiegħed Alla.—Isaija 48:17, 18.

Kalimantan—Id-​Dar tad-​Dayak

Minn Java, jien u Josef morna Kalimantan, provinċja Indoneżjana taʼ Borneo, it-​tielet l-​akbar gżira fid-​dinja (wara Greenland u l-​Ginea Ġdida). Borneo, art taʼ ġungli folti, muntanji mħarbtin, u xmajjar kbar, hi d-​dar taċ-​Ċiniżi, tal-​Malays Musulmani, u tad-​Dayak indiġeni—nies li l-​biċċa l-​kbira minnhom jgħixu fuq ix-​xmajjar u li xi darba kienu kaċċaturi feroċi li kienu jġemmgħu l-​irjus tal-​għedewwa tagħhom.

Biex nilħqu l-​komunitajiet Dayak li kienu fl-​imwarrab, ġeneralment konna nivvjaġġaw bid-​dgħajsa jew bil-​kenura fi xmajjar mhux imħassrin li kellhom il-​ġungla maż-​żewġ naħat. Kien ikun hemm xi kukkudrilli enormi jixxemmxu fuq ix-​xtut, xi xadini jħarsu lejna mis-​siġar, u xi għasafar jiddandnu bir-​rix kulurit tagħhom. Iva, is-​servizz missjunarju hemmhekk kien avventura!

Il-​biċċa l-​kbira mill-​familji Dayak kienu jgħixu fi djar fuq pilastri mibnijin b’materjali tal-​ġungla. Xi djar kienu żgħar; oħrajn kienu djar twal li fihom kienu jgħixu għadd taʼ familji. Ħafna nies qatt ma kienu raw lil xi ħadd mill-​Ewropa, u allura n-​nies kienu kurjużi dwar Josef. It-​tfal kienu jiġru madwar ir-​raħal jgħajtu, “Isqof! Isqof!” Imbagħad kulħadd kien jinġabar biex jara x’għandu xi jgħid il-​ministru l-​abjad. Josef kien jitkellem permezz taʼ interpreti lokali li kienu Xhieda u li mbagħad kienu jirranġaw biex jikkonduċu studji tal-​Bibbja mal-​ħafna wħud interessati.

Ġejna Assenjati l-​Papwa Ginea Ġdida

Minħabba pressjoni li kienet qed tiżdied minn opponenti reliġjużi, il-​gvern tal-​Indoneżja pprojbixxa lix-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Diċembru tal-​1976. Minħabba f’hekk, jien u Josef ġejna assenjati l-​Papwa Ginea Ġdida.

Wara li wasalna f’Port Moresby, il-​belt kapitali, lestejna kors taʼ xahrejn tal-​Hiri Motu, lingwa lokali. Imbagħad morna ngħixu f’Daru, gżira żgħira ħafna fi provinċja remota fil-​Punent. Hemmhekk iltqajt maʼ Eunice, mara mibruma, b’saħħitha, u dħulija, li snienha kienu ħomor fl-​iswed minħabba li kienet ilha snin sħaħ tomgħod il-​betel nut. Meta Eunice saret taf li Alla jrid lill-​qaddejja tiegħu jkunu nodfa fiżikament kif ukoll moralment u spiritwalment, qatgħet il-​vizzju tagħha u saret Kristjana leali. (2 Korintin 7:1) Kull darba li rajna individwi umli bħal dawn japplikaw il-​verità Biblika, iktar sirna napprezzaw il-​kliem taʼ Salm 34:8: “Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb.”

Maż-​żmien, Josef reġaʼ sar indokratur li jivvjaġġa, u żorna kważi kull parti tal-​Papwa Ginea Ġdida, ġens taʼ xi 820 lingwa. Sabiex inkunu nistgħu nkellmu lil iktar nies, żidna lingwa oħra maʼ dawk li konna diġà nafu—it-​Tok Pisin, lingwa lokali li n-​nies kienu jużaw biex jiftiehmu bejniethom. Biex nilħqu diversi bliet u rħula, konna nivvjaġġaw bil-​mixi, bil-​karozza, bil-​kenura, u b’ajruplani żgħar u ssaportejna sħana tikwi, nemus, u attakki regulari tal-​malarja.

Imbagħad, fl-​1985, aċċettajna inkarigu missjunarju ieħor—għall-​Gżejjer Solomon, lejn in-​naħa tal-​Lvant tal-​Papwa Ginea Ġdida. Hemmhekk ħdimna fl-​uffiċċji tal-​fergħa lokali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, u wkoll ivvjaġġajna madwar l-​arċipelagu biex ninkuraġġixxu lil kongregazzjonijiet u nattendu assembleat Kristjani. Għal darb’oħra, kellna nitgħallmu lingwa oħra—din id-​darba l-​Piġin tal-​Gżejjer Solomon. Imma kemm kien taʼ ferħ li nitkellmu maʼ dawn in-​nies li tant kienu jħobbu l-​Bibbja!

L-​Iktar Vjaġġ Diffiċli Tiegħi

Fl-​2001, il-​projbizzjoni fuq ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Indoneżja tneħħiet, u jien u Josef morna lura Ġakarta. Madankollu, ftit wara, l-​għażiż żewġi ntqallu li għandu melanoma malinna, forma aggressiva taʼ kanċer tal-​ġilda. Ivvjaġġajna lejn il-​Ġermanja, il-​pajjiż fejn twieled Josef, għall-​kura. Imma b’dispjaċir, fl-​2005, fit-​33 anniversarju taż-​żwieġ tagħna, hu raqad fil-​mewt, u issa qed jistenna rxoxt għall-​ħajja fil-​Ġenna tal-​art f’dinja ġdida. (Ġwanni 11:11-​14) Kellu 62 sena u kien qattaʼ 40 sena fil-​ministeru full-​time.

Jien bqajt Ġakarta, fejn għadni naqdi bħala missjunarja. Lil żewġi nimmissjah ħafna. Imma l-​fatt li ngħin lil oħrajn jitgħallmu l-​veritajiet prezzjużi li jinsabu fil-​Kelma t’Alla jgħinni nkampa, għax il-​ministeru jagħtini ħafna sodisfazzjon u skop f’ħajti. Iva, nistaʼ ngħid bla dubju taʼ xejn li Ġeħova tani ħajja interessanti u premjanti għall-​aħħar.

[Nota taʼ taħt]

a Illum, il-​popolazzjoni taʼ Java taqbeż il-​120 miljun.

[Mappa f’paġna 11]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

INDONEŻJA

Java

ĠAKARTA

Cirebon

Sumatra

Padang

Lake Toba

Borneo

PAPWA GINEA ĠDIDA

PORT MORESBY

Daru

GŻEJJER SOLOMON

[Stampa f’paġna 12]

Herawati maʼ studenti tal-​Bibbja fil-​Gżejjer Solomon

[Stampa f’paġna 12]

Maʼ Josef fl-​Olanda, ftit qabel ma miet fl-​2005

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja