Dak li Jgħidu l-Ġenituri
Hekk kif uliedek jikbru, kif tistaʼ tgħinhom jitgħallmu l-valur tal-ubbidjenza? Kif tistaʼ tgħallimhom abbiltajiet prattiċi hekk kif ikomplu jikbru biex isiru adulti? Innota x’qalu xi ġenituri minn madwar id-dinja.
L-ABBILTAJIET SOĊJALI U DOMESTIĊI
“Meta nieklu flimkien u niddiskutu l-ġurnata tagħna, kull wild jitgħallem kif jagħti widen. Meta jarawna nagħtu widen bil-paċenzja, dan ikabbar ir-rispett tagħhom lejn xulxin u lejhom infushom.”—Richard, il-Britannja.
“Iqanqlilna qalbna meta naraw lil uliedna jittrattaw lil xulxin bir-rispett u jirranġaw id-differenzi taʼ bejniethom mingħajr l-għajnuna tagħna. Ukoll, huma kunfidenti meta jikkomunikaw mal-adulti.”—John, l-Afrika t’Isfel.
“M’iniex perfetta, u kultant bla ħsieb inweġġa’ s-sentimenti taʼ wliedi. Meta jiġri dan, ikun importanti ferm għalija li nitlob apoloġija għall-iżball tiegħi.”—Janelle, l-Awstralja.
“Aħna nħarrġu lil uliedna biex jagħmlu xi faċendi fid-dar. Il-fatt li ngħallmuhom jaħdmu għall-benefiċċju taʼ oħrajn jgħin lill-familja timxi ħarir u bil-paċi u jagħti sens taʼ sodisfazzjon lil uliedna.”—Clive, l-Awstralja.
“Mhuwiex faċli, imma hu vitali li tgħallimhom kif jifhmu, jirrispettaw, u jaħfru lil xulxin.”—Yuko, il-Ġappun.
L-IĠJENE U S-SAĦĦA
“Meta wliedna kienu żgħar għallimniehom jinħaslu waħedhom u għamilnihielhom pjaċevoli billi użajna sapun magħmul forma taʼ figurini, xampù b’karattru taʼ cartoon fuq il-flixkun, u sponoż forma t’annimali żgħar.”—Edgar, il-Messiku.
“Meta konna ngħixu fejn ma kienx hemm ilma tal-vit, jien xorta dejjem kont nagħmel ċert li jkun hemm sapun u ftit ilma f’post konvenjenti sabiex stajna naħslu jdejna qabel ma nidħlu d-dar.”—Endurance, in-Niġerja.
“Lit-tfal nagħtuhom ikliet sustanzjużi kuljum, u nispjegawlhom għala dieta bilanċjata hi essenzjali. It-tfal ikunu kurjużi dwar id-diversi ingredjenti li jkun hemm f’riċetti differenti, u għalhekk inqabbadhom jgħinuni nipprepara l-ikel. Il-ħin li nqattgħu flimkien nagħmlu dan jinkuraġġixxi wkoll il-komunikazzjoni.”—Sandra, il-Britannja.
“L-eżerċizzju hu importanti, u bħala ġenituri, aħna nipprovaw nagħtu eżempju tajjeb. It-tfal jieħdu pjaċir meta niġġoggjaw, ngħumu, nilagħbu t-tennis jew il-baskitbol, jew insuqu r-roti flimkien bħala familja. Huma jitgħallmu li l-eżerċizzju mhuwiex biss importanti imma wkoll pjaċevoli.”—Keren, l-Awstralja.
“It-tfal l-iktar li għandhom bżonn hu ħin mal-ġenituri tagħhom. Xejn iktar ma jistaʼ jiħodlu postu—la l-flus, la r-rigali, u lanqas il-vaganzi. Naħdem filgħodu biss meta t-tfal ikunu l-iskola. Imbagħad waranofsinhar inkun nistaʼ niddedikalhom il-ħin tiegħi.”—Romina, l-Italja.
ID-DIXXIPLINA
“Sibna li m’hemmx metodu wieħed taʼ dixxiplina li hu l-aqwa wieħed; jiddependi miċ-ċirkustanzi. Kultant id-dixxiplina tinvolvi konversazzjoni sinċiera u serja u drabi oħrajn tinvolvi li ċċaħħad lit-tifel milli jagħmel xi ħaġa li jħobb jagħmilha.” —Ogbiti, in-Niġerja.
“Lit-tfal inqabbduhom jirripetu l-istruzzjonijiet tagħna biex inkunu ċerti li jifhmuhom. Imbagħad nagħmlu dak li għedna li se nagħmlu. Jekk irridu li wliedna jkunu semmiegħa li jagħmlu kif ngħidulhom, ikollna nagħmlu l-parti tagħna billi nisforzaw il-konsegwenzi jekk ma jobdux.”—Clive, l-Awstralja.
“Sibtu effettiv li nitbaxxa meta nikkoreġi lil uliedi sabiex inkun livell m’għajnejhom. Dan jgħinni nikseb l-attenzjoni sħiħa tagħhom. Jippermettilhom ukoll jiffokaw fuq l-espressjoni taʼ wiċċi, li tistaʼ tagħtihom messaġġ daqs kliemi.”—Jennifer, l-Awstralja.
“Nipprovaw ma ngħidux lil uliedna, ‘Intom qatt ma tagħtuna widen,’ anki meta jkun jidher li l-akkuża hi ġustifikata. Ukoll, ma nċanfrux lil uliedna quddiem xulxin. Aħna jew inkellmuhom minn taħt l-ilsien jew niħduhom fil-ġenb sabiex inkunu nistgħu nkellmuhom privatament.”—Rudi, il-Możambik.
“It-tfal jistgħu jiġu influwenzati faċilment, u jħobbu jimitaw lil ħaddieħor. Minħabba dan, għandna bżonn naġixxu kontra l-influwenza korrotta taʼ sħabhom tal-iskola, tal-mezzi taʼ komunikazzjoni, u tal-ambjent soċjali u ngħinu lil uliedna jiżviluppaw morali tajbin li huma bbażati fuq prinċipji siewja. Bażi morali tajba tgħinhom jgħidu le għal kwalunkwe ħaġa li hi taʼ ħsara.”—Grégoire, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.
“Id-dixxiplina jeħtieġ li tkun soda, ġusta, u konsistenti. It-tfal iridu jifhmu l-konsegwenza taʼ li jagħmlu l-ħażin u jkunu jafu li int tagħmel dak li tgħid li se tagħmel.”—Owen, l-Ingilterra.
[Kummenti f’paġna 14]
“Iddejquhomx lil uliedkom, sabiex ma jaqtgħux qalbhom.”—Kolossin 3:21
[Kaxxa/Stampa f’paġna 15]
NILTAQGĦU MAʼ FAMILJA
Qed Tirnexxi Bħala Omm Waħedha
Intervista maʼ Lucinda Forster
X’inhu l-iktar taʼ sfida għalik bħala omm waħedha?
Li sempliċement tkun ġenitur hu diffiċli, imma bħala omm waħedha, jien insibha speċjalment taʼ sfida li nimmaniġġa l-ħin u l-enerġija tiegħi. Hemm bżonn il-ħin biex tnaqqax il-prinċipji u l-valuri u biex xorta jkollna opportunità nirrilassaw u nidħqu flimkien. Spiss ikolli nissagrifika l-ħin taʼ mistrieħ tiegħi biex nagħmel il-faċendi tad-dar.
Kif iżżomm komunikazzjoni tajba mal-bniet tiegħek?
Wara divorzju, it-tfal jistgħu jħossuhom inċerti u rrabjati. Insib li meta jqumu l-problemi, kuntatt bl-għajnejn u ton tal-leħen kalm huma essenzjali. Nistenna sakemm inkunu kalmi, u mbagħad nipprova nesprimi t-tħassib tiegħi mingħajr ma nkabbar il-problema. Nitlob l-opinjonijiet tagħhom, nismaʼ b’attenzjoni kbira, u nuri li nistma tassew is-sentimenti tagħhom. Nuri interess fl-edukazzjoni tagħhom u nfaħħarhom għal dak li jagħmlu. Aħna dejjem nieklu flimkien madwar il-mejda f’ambjent kalm u rilassat. Ukoll, jien il-ħin kollu ngħidilhom kemm inħobbhom.
Kif tiddixxiplinahom?
It-tfal jeħtieġu regoli speċifiċi u ċari, u l-konsistenza hi essenzjali. Nipprova nkun qalbi tajba imma soda. Ikolli nirraġuna maʼ wliedi u nispjega għala ċerta mġiba hi ħażina. Nistaqsihom ukoll ħafna mistoqsijiet dwar x’jaħsbu u xi jħossu qabel ma niddixxiplinahom, biex niddetermina għala ġabu ruħhom b’dak il-mod. Jekk inkun żbaljajt—pereżempju, jekk inkun fhimt ħażin xi sitwazzjoni—niskuża ruħi.
Lil uliedek kif tgħallimhom jirrispettaw lil ħaddieħor?
Infakkarhom dwar dak li għallem Ġesù—biex jittrattaw lil oħrajn bħalma jixtiequ li jiġu trattati huma. (Luqa 6:31) Ninkuraġġixxi lill-bniet tiegħi biex kemm jistaʼ jkun isolvu l-problemi bejniethom stess, u ngħallimhom il-valur taʼ li jwieġbu bi ħlewwa u b’qalb tajba meta jkunu mdejqin.
X’tagħmlu biex tirrilassaw?
Mhux dejjem naffordjaw li mmorru vaganza, u għalhekk infittxu fil-gazzetti għal attivitajiet li ma jiswewx ħafna flus. Immorru pikniks jew għal xi mixja biex naraw il-pjanti jikbru fis-serer. Inħawlu ħxejjex aromatiċi fil-ġnien tagħna u nieħdu gost nagħżlu l-ħxejjex tagħna stess għat-tisjir. Ir-rikreazzjoni hi importanti, anki jekk biss inqattgħu l-ħin f’xi park lokali.
Liema ferħ u premjijiet esperjenzajt?
Li ngħixu f’dar fejn hemm ġenitur wieħed hu diffiċli għalina, imma rsaqna eqreb lejn xulxin, u tgħallimna napprezzaw il-barkiet li għandna. Nieħu pjaċir nara kif qed tiżviluppa l-personalità taʼ kull waħda mill-bniet tiegħi. Taʼ din l-età huma jridu jqattgħu xi ħin miegħi, u jien ngħożżha l-kumpanija tagħhom. Huma jinnotaw meta nkun hienja u meta jkolli qalbi sewda u kultant sempliċement jgħannquni magħhom biex jassigurawni. L-espressjonijiet taʼ mħabbithom jagħtuni ferħ kbir. L-iktar importanti, ħassejna l-imħabba taʼ Ħallieq li jimpurtah minna u li għenna ngħaddu minn ħafna sitwazzjonijiet diffiċli. Il-Bibbja tatni s-saħħa biex nibqaʼ nipprova nkun omm tajba.—Isaija 41:13.
[Stampa]
Lucinda mal-bniet tagħha, Brie u Shae