L-Aħħar tad-Dinja Jistaʼ Ma Jkunx Dak li Taħseb Int
MINBARRA li huma pessimisti għall-aħħar, id-deskrizzjonijiet tal-aħħar tad-dinja li għadna kif semmejna għandhom tliet affarijiet komuni bejniethom. L-ewwel, huma bbażati fuq l-ispekulazzjoni tan-nies, u l-bnedmin urew li xejn mhuma taʼ min joqgħod fuqhom meta jiġu biex jaqtgħu x’se jiġri fil-futur. It-tieni, il-fatt li l-bnedmin isalvaw, jekk isalvaw, ikun b’kumbinazzjoni. It-tielet, dawk li jsalvaw mill-aħħar tad-dinja se jkollhom sfida kbira biex jibqgħu ħajjin.
B’kuntrast, il-verżjoni tal-Bibbja dwar x’se jiġri fil-futur hi iktar raġunevoli. Skont il-Bibbja, bla dubju taʼ xejn, bidla kbira hi riesqa. Imma dawk kollha li jagħmlu r-rieda t’Alla għandhom garanzija li jsalvaw. Iżjed minn hekk, il-Bibbja ma tbassarx li d-dinja se tinxtewa u ssir irmied jew li se tiffriża bħal blokka silġ. Se titbiddel f’ġenna globali.
Iżda ħafna nies isibuha diffiċli biex jaċċettaw tbassir tal-Bibbja bħal dan. Ix-xettiċi jqisu t-tagħlim tal-Bibbja dwar tribulazzjoni kbira, Armageddon, millennju, u Ġenna tal-art bħala ħrafa. Saru diskussjonijiet, dibattiti, u interpretazzjonijiet fit-tul dwar dawn l-ideat mit-teologi. It-teoriji tagħhom ma jaqblux bejniethom. Rigward iż-żmien tat-tmiem, l-awtur Bruce A. Robinson jgħid: “Probabbilment saret iktar kitba teoloġika mhix ċara fuq dan is-suġġett milli fuq kwalunkwe twemmin ieħor fil-Kristjaneżmu.” X’kien ir-riżultat? Konfużjoni.
Però, l-Iskrittura hi ċara. Il-Bibbja hi l-messaġġ t’Alla, u hu ma jridniex inħossuna mħawdin dwar x’se jiġri fil-futur. Ikkunsidra xi mistoqsijiet komuni, u xi tgħid il-Bibbja stess dwarhom. Jekk tixtieq issir taf iktar, itlob għal kopja tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
L-art u r-razza umana se jinqerdu?
“Il-ġusti se jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.
Se jkun hemm bnedmin li jitilfu ħajjithom?
“Huma r-retti li se jgħammru fuq l-art, u dawk bla ħtija se jibqgħu fiha. Rigward in-nies mill-agħar, dawn se jitqaċċtu mill-art; u t-tradituri jinqalgħu minnha.”—Proverbji 2:21, 22.
Ħa azzjoni Alla kontra nies bla devozzjoni lejh fil-passat?
Alla “ma żammx lura milli jikkastiga dinja tal-qedem, imma lil Noè, predikatur tal-ġustizzja, żammu qawwi u sħiħ maʼ sebgħa oħrajn meta ġab dilluvju fuq dinja taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla; u billi għamel irmied il-bliet taʼ Sodoma u Gomorra, ikkundannahom, u b’hekk lill-bnedmin bla devozzjoni lejn Alla ħallielhom mudell taʼ dak li għandu jiġri.”—2 Pietru 2:5, 6.
Nistgħu nkunu nafu d-data tal-jum tal-ġudizzju t’Alla?
“Imma dak il-jum u s-siegħa ma jafhom ħadd, la l-anġli tas-smewwiet u lanqas l-Iben, ħlief il-Missier. Għax bħalma kienu jiem Noè, hekk tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem. Għax bħalma f’dawk il-jiem qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, irġiel jiżżewġu u nisa jingħataw fiż-żwieġ, sal-jum li Noè daħal fl-arka; u ma tawx kas sakemm ġie d-dilluvju u kinishom ilkoll, hekk tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem.”—Mattew 24:36-39.
Hemm xi indikazzjoni li t-tmiem hu fil-qrib?
“Fl-aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom. Għax in-nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, minfuħin bihom infushom, suppervi, midgħija, diżubbidjenti lejn il-ġenituri, ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-tajjeb, tradituri, rashom iebsa, imkabbrin, iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla, ikollhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma ma jurux bil-fatti l-qawwa tagħha.”—2 Timotju 3:1-5.
Il-futur kif se jkun għall-bnedmin fuq l-art?
Alla se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—Rivelazzjoni 21:4.
Għalkemm l-Iskrittura tagħtina biss ħjiel dwar il-futur, tassigurana li l-umanità mhijiex bla tama. Aħna ma nistgħux nifhmu kemm il-futur se jkun meraviljuż. Dan tistaʼ tkun ċert minnu u tistaʼ tkun fiduċjuż li Alla Ġeħova għandu l-abbiltà li jwettaq dak li wiegħed.
[Kumment f’paġna 9]
Alla se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom”