Kapitlu 16
Agħti Widen għall-Pariri, Aċċetta D-Dixxiplina
1. (a) Hemm xi ħadd minna li m’għandux bżonn pariri u dixxiplina? (b) Imma liema mistoqsijiet nagħmlu tajjeb li nikkunsidraw?
IL-BIĊĊA l-kbira minna faċilment naqblu maʼ l-iskrittura li tgħid: “Aħna lkoll nieħdu gambetta ħafna drabi.” (Ġak. 3:2) M’huwiex diffiċli li naħsbu dwar drabi fejn inqasna milli nkunu t-tip taʼ persuna li l-Kelma t’Alla tħeġġiġna nkunu u li nixtiequ nkunu. Għalhekk nirrikonoxxu li l-Bibbja għandha raġun meta tgħidilna: “Agħti widen għall-pariri u aċċetta d-dixxiplina, sabiex int tistaʼ ssir għaref fil-futur tiegħek.” (Prov. 19:20) Aħna nafu li għandna bżonn għajnuna bħal din. Mingħajr dubju għamilna tibdiliet f’ħajjietna biex inġibuhom f’linja maʼ dak li tgħallimna mill-Bibbja. Imma kif nirreaġixxu aħna jekk xi sieħeb Kristjan personalment jagħtina parir fuq xi kwistjoni partikulari fejn aħna aġixxejna mingħajr għaqal? Jew xi ngħidu jekk sempliċement joffri suġġeriment dwar kif nistgħu forsi nitjiebu f’xi attività?
2. (a) Għala għandna nuru apprezzament għal parir persunali? (b) Kif m’għandniex nirreaġixxu?
2 Minkejja r-reazzjonijiet immedjati u ġewwinija tagħna sforz in-natura umana u imperfetta, għandna sinċerament nesprimu apprezzament għall-parir u naħdmu biex napplikawh. Ir-riżultat taʼ li nagħmlu hekk jistaʼ jkun taʼ benefiċċju. (Eb. 12:11) Għandu mnejn, madankollu, li meta ngħatajna parir, ipprovajna niġġustifikaw lilna nfusna, billi nċekknu s-serjetà tas-sitwazzjoni jew inkella nitfgħu t-tort fuq ħaddieħor. Qatt irreaġixxejt int b’dak il-mod? Hekk kif nirriflettu fuq dik l-okkażjoni, inħossuna aħna offiżi minn dak li ta l-parir? Għandna aħna t-tendenza li naqbdu man-nuqqasijiet tal-wieħed li tana l-parir jew inwaħħlu fil-manjiera li biha ta l-parir, bħal li kieku dan b’xi mod skuża d-dgħjufija tagħna stess? Tistaʼ l-Bibbja tgħin lil dak li jkun biex jegħleb inklinazzjonijiet bħal dawn?
EŻEMPJI MNIŻŻLIN BĦALA TWISSIJA GĦALINA
3. (a) X’fiha l-Bibbja li jistaʼ jgħinna niżviluppaw il-ħarsa xierqa lejn il-pariri u d-dixxiplina? (b) Uża l-mistoqsijiet ipprovduti hawn fuq biex tanalizza r-reazzjonijiet taʼ Sawl u Użżija għall-pariri.
3 Barra li tipprovdi abbundanza taʼ twissijiet diretti fuq dan is-suġġett, il-Kelma t’Alla fiha esperjenzi taʼ ħajja attwali dwar individwi li ġew mogħtijin pariri. Taʼ spiss il-parir kien ukoll dixxiplina, fis-sens li dak li rċevieha kellu bżonn ibiddel l-attitudni jew il-kondotta tiegħu. Hekk kif tuża l-mistoqsijiet hawn taħt biex teżamina xi ftit minn dawn l-eżempji, se ssib li hemm ħafna minn fejn ilkoll kemm aħna nistgħu nibbenefikaw:
SAWL, BIN KIX: Kien naqas li jobdi lil Jehovah bis-sħiħ f’li meta kien qiegħed jiggwerra kontra Amalek, hu kien ħafirha lis-sultan u lill-aħjar fost l-annimali tagħhom. (1 Sam. 15:1-11)
Fir-risposta li ta Sawl għall-parir taʼ twiddib li ngħata minn Samwel, x’juri li hu kien qiegħed jipprova jċekken l-iżball? (Vs. 20) Għal fuq min ipprova jitfaʼ l-ħtija? (Vs. 21) Meta finalment ammetta l-iżball, liema skuża offra? (Vs. 24) Dwar liema ħaġa deher li kien l-iktar ikkonċernat saħansitra f’dan il-punt? (Vsi. 25, 30)
UŻŻIJA: Daħal fit-tempju taʼ Jehovah biex jaħraq l-inċens, avolja l-qassisin biss kienu awtorizzati jagħmlu dan. (2 Kron. 26:16-20)
Meta l-qassis ewlieni pprova jwaqqaf lis-Sultan Użżija, is-sultan għala rreaġixxa bir-rabja? (Qabbel vers 16.) X’kien ir-riżultat? (Vsi. 19-21)
4. (a) Kemm Sawl u kemm Użżija għala sabuha diffiċli biex jaċċettaw il-pariri? (b) Għala hija dik ukoll problema serja llum?
4 F’kull wieħed minn dawn il-każi, l-individwu għala sabha tant diffiċli li jiffaċċja l-bżonn tiegħu għal parir? Il-problema bażika kienet il-kburija, li wieħed ikollu stima żejda tiegħu nnifsu. Illum ħafna persuni jġibu ħafna niket fuqhom infushom minħabba din il-karatteristika. Billi jkunu laħqu dak li huma jikkunsidraw li huwa xi stat taʼ prestiġju, kemm jekk minħabba l-età u kemm minħabba l-pożizzjoni, ma jkunux lesti li jirċievu pariri persunali. Donnhom iħossu li dan jindika xi defiċjenza fihom jew li jtebbaʼ r-reputazzjoni tagħhom. Imma dik li tassew tindika d-dgħjufija hija l-kburija. Din m’hijiex xi ħaġa li wieħed jiskuża fih innifsu sempliċement għaliex id-difett huwa komuni. Din hija nassa li Satana juża biex iħawwad il-ħsieb taʼ persuna sabiex tirreżisti l-għajnuna taʼ mħabba pprovduta minn Jehovah permezz tal-Kelma tiegħu u l-organizzazzjoni viżibbli tiegħu. Jehovah iwissi: “Il-kburija hija qabel it-tisbita, u spirtu mkabbar qabel il-gambetta.”—Prov. 16:18; ara wkoll Rumani 12:3; Proverbji 16:5.
5. Uża l-mistoqsijiet li huma parti minn dan il-paragrafu biex tiddetermina liema lezzjonijiet wieħed jistaʼ jitgħallem mir-rakkonti dwar Mosè u David.
5 Mill-banda l-oħra, l-Iskrittura fiha eżempji mill-aħjar taʼ dawk li aċċettaw il-pariri. Lezzjonijiet taʼ valur wieħed jistaʼ jitgħallimhom ukoll minn dawn. Ikkunsidra:
MOSÈ: Ħatnu tah ftit pariri prattiċi dwar kif għandu jimmaniġġa l-piż tax-xogħol tqil tiegħu mingħajr ma jirrovina saħħtu. Mosè ta widen u applikahom minnufih. (Eżo. 18:13-24)
Għalkemm Mosè kellu awtorità kbira, għala kien daqshekk lest li jirċievi pariri f’lokhom? (Qabbel Numri 12:3.) Dik il-kwalità kemm hija importanti għalina? (Sof. 2:3)
DAVID: Kien ħati li kkommetta adulterju, imbagħad li ppjana biex jiġi maqtul ir-raġel tal-mara sabiex David ikun jistaʼ jiżżewwiġha u b’hekk jgħatti l-adulterju. Għaddew ix-xhur qabel ma Jehovah bagħat lil Natan biex iwiddeb lil David. (2 Sam. 11:2–12:12)
Irrabja David għat-twiddiba, ċekken hu l-iżball jew ipprova jitfaʼ l-ħtija fuq ħaddieħor? (2 Sam. 12:13; Salm 51:sopraskrizzjoni u vsi. 1-3) Kien il-fatt li Alla aċċetta l-indiema taʼ David ifisser li David u n-nies taʼ daru kienu meħlusin minn effetti ħżiena kkaġunati mill-kondotta żbaljata tiegħu? (2 Sam. 12:10, 11, 14; Eżo. 34:6, 7)
6. (a) David kif ħassu dwar dawk li tawh pariri f’lokhom? (b) Kif nistgħu aħna nibbenefikaw jekk minn jeddna naċċettaw pariri bħal dawn? (ċ) X’m’għandniex ninsew jekk niġu ddixxiplinati bl-aħrax?
6 Is-Sultan David kien jaf tajjeb il-benefiċċju taʼ li wieħed jagħti widen għal pariri f’lokhom, u kultant irringrazzja ’l Alla għal dak li permezz tiegħu dawn twasslu. (1 Sam. 25:32-35; ara wkoll Proverbji 9:8.) Aħna hekk? Jekk inhu hekk, se nkunu ssalvagwardjati kontra li ngħidu u nagħmlu ħafna affarijiet li jistgħu jikkaġunaw sogħba. Imma jekk aħna niġu f’ċirkostanzi li jwasslu għal li niġu ddixxiplinati bl-aħrax, bħalma kien David f’konnessjoni mad-dnub tiegħu maʼ Bat-xeba, jalla ma jaħarbilniex il-fatt li d-dixxiplina hija evidenza taʼ l-imħabba taʼ Jehovah, bil-benesseri etern tagħna in vista.—Prov. 3:11, 12; 4:13.
KWALITAJIET IMPREZZABBLI BIEX TIKKULTIVA
7. Liema kwalità wera Ġesù li persuni jridu jkollhom sabiex jidħlu fis-Saltna?
7 Biex ikollna relazzjoni tajba maʼ Jehovah u maʼ ħutna Kristjani, għandna bżonn niżviluppaw ċerti kwalitajiet persunali. Ġesù ġibed l-attenzjoni lejn waħda minn dawn meta poġġa tifel żgħir f’nofs id-dixxipli tiegħu u qal: “Jekk ma ddurux u ssiru bħal tfal żgħar, bl-ebda mod ma se tidħlu fis-saltna tas-smewwiet. Għalhekk, kulmin se jumilja lilu nnifsu bħal dan it-tifel żgħir hu dak li hu l-akbar fis-saltna tas-smewwiet.” (Matt. 18:3, 4) Dawk id-dixxipli kellhom bżonn jagħmlu bidliet. Kellhom jeħilsu mill-kburija tagħhom u jikkultivaw l-umiltà.
8. (a) Quddiem min għandna bżonn inkunu umlin, u għala? (b) Jekk aħna hekk, kif se nirrispondu għall-pariri?
8 L-appostlu Pietru iktar tard kiteb lill-Kristjani sħabu: “[I]lkoll kemm intom ħażżmu lilkom infuskom b’umiltà tal-moħħ lejn xulxin, għaliex Alla jopponi lill-imkabbrin, imma jagħti qalb tajba mhix mistħoqqa lill-umlin.” (1 Piet. 5:5) Aħna nafu li għandna bżonn inkunu umlin quddiem Alla, imma din l-Iskrittura qiegħda tgħid li għandna bżonn inkunu umlin, jew modesti fil-moħħ, ukoll fir-relazzjonijiet tagħna maʼ kredenti sħabna. Jekk aħna hekk, m’aħniex se nistkerrħu bi bluha s-suġġerimenti li jistgħu joffrulna. Se nkunu lesti li nitgħallmu minn xulxin. (Prov. 12:15) U jekk ħutna jħossu l-ħtieġa li jagħtuna parir korrettiv, imbagħad, billi nirrikonoxxu li Jehovah juża b’imħabba dan il-mezz biex isawwarna, m’aħniex se nirrifjutawh.—Salm 141:5.
9. (a) Liema kwalità importanti hija relatata mill-qrib maʼ l-umiltà? (b) Għala għandna nkunu kkonċernati dwar l-effett tal-kondotta tagħna fuq oħrajn?
9 Kwalità oħra, relatata mill-qrib maʼ l-umiltà, hija t-tħassib ġenwin għall-benesseri taʼ l-oħrajn. Ma nistgħux naħarbu mill-fatt li dak li nagħmlu aħna jeffettwa nies oħrajn. L-appostlu Pawlu ta parir lil Kristjani bikrin f’Korintu u f’Ruma biex juru tħassib dwar il-kuxjenza t’oħrajn. Ma kienx qiegħed jgħid li kellhom iwarrbu fil-ġenb il-preferenzi persunali kollha, imma tassew li ħeġġiġhom biex ma jagħmlu xejn li setaʼ jinkuraġġixxi lil ħaddieħor biex jagħmel dak li l-kuxjenza tiegħu qaltlu li kien żbaljat, u b’hekk iwasslu għar-rovina spiritwali tiegħu. Billi esprima biċ-ċar il-prinċipju ġenerali, Pawlu kiteb: “Ħalli kull wieħed jibqaʼ jfittex, mhux il-vantaġġ tiegħu stess, imma dak tal-persuna l-oħra. . . . Għalhekk, kemm jekk qegħdin tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu l-affarijiet kollha għall-glorja t’Alla. Ibqgħu lura milli ssiru kaġuni għal gambetta lil Lhud kif ukoll lil Griegi u lill-kongregazzjoni t’Alla.”—1 Kor. 10:24-33; 8:4-13; Rum. 14:13-23.
10. X’jistaʼ jindika jekk aħniex nagħmluha d-drawwa tagħna li napplikaw dak il-parir Skritturali?
10 Int persuna li tagħmilha d-drawwa tiegħek li tpoġġi l-benesseri taʼ nies oħrajn qabel il-preferenza persunali? Hemm ħafna modi kif dan jistaʼ jsir, imma ikkunsidra eżempju: Ġeneralment, l-ilbies u l-apparenza huma sempliċement affarijiet taʼ gosti persunali, sakemm inkunu modesti, puliti u nodfa. Imma li kieku kellek issir taf li, minħabba l-isfond tal-ħajja tan-nies fil-komunità tiegħek, il-mod tiegħek taʼ lbies jew apparenza jfixkel lil oħrajn milli jagħtu widen għall-messaġġ tas-Saltna, kont int tagħmel tibdiliet? Hija l-ħajja taʼ persuna oħra iktar importanti għalik milli togħġob lilek innifsek?
11. X’juri li huwa importanti li nikkultivaw dawn il-kwalitajiet jekk tassew irridu nkunu Kristjani?
11 Meta l-kwalitajiet diskussi hawn fuq isiru parti mill-personalità tagħna, dan jagħti evidenza li aħna qegħdin nibdew ikollna l-moħħ taʼ Kristu. F’li jkun umli, Ġesù stabbilixxa l-eżempju perfett. (Ġwn. 13:12-15; Fil. 2:5-8) F’li wera tħassib għal oħrajn, minflok ma sempliċement għoġob lilu nnifsu, hu stabbilixxa l-mudell li għandna nsegwu.—Rum. 15:2, 3.
TIĊĦADX ID-DIXXIPLINA TAʼ JEHOVAH
12. (a) Liema tibdiliet għandna bżonn nagħmlu lkoll sabiex ikollna personalità li togħġob lil Alla? (b) X’se jgħinna?
12 Minħabba li aħna lkoll midinbin, bidliet fl-attitudni tagħna, fil-kliem tagħna u fil-kondotta tagħna huma meħtiġin sabiex nirriflettu l-personalità t’Alla tagħna. Għandna bżonn nilbsu l-“personalità l-ġdida.” (Kol. 3:5-14; Titus 2:11-14) Il-pariri u d-dixxiplina jgħinuna biex nidentifikaw oqsma fejn hemm bżonn taʼ tibdiliet u mbagħad biex naraw kif se nagħmluhom.
13. (a) Jehovah b’liema mezzi pprovda pariri u dixxiplina għalina lkoll? (b) X’għandna nagħmlu bihom?
13 Is-sors bażiku taʼ dik l-istruzzjoni huwa l-Bibbja nfisha. (2 Tim. 3:16, 17) Imbagħad permezz taʼ letteratura Biblika u laqgħat ipprovduti mill-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah hu jgħinna naraw kif għandna napplikawha. Sejrin aħna nirrikonoxxu umilment il-bżonn persunali tagħna għaliha—saħansitra jekk smajnieha qabel—u kontinwament infittxu li nagħmlu titjib?
14. Jehovah liema għajnuna oħra jipprovdilna bħala individwi?
14 Jehovah ma jħalliniex nitħabtu waħedna maʼ kwistjonijiet li jistgħu jkunu problema speċjali għalina. Bi tħassib taʼ mħabba, hu jagħmel provvediment għal għajnuna persunali. Miljuni taʼ persuni bbenefikaw minn għajnuna bħal din permezz taʼ studji tal-Bibbja fid-djar. Il-ġenituri għandhom responsabbiltà speċjali li jiddixxiplinaw lit-tfal tagħhom sabiex jissalvagwardjawhom kontra kondotta li tistaʼ tikkaġuna ħafna wġigħ il-qalb iktar tard fil-ħajja. (Prov. 6:20-35; 15:5) Ġewwa l-kongregazzjoni, ukoll, dawk li għandhom kwalifiki spiritwali jġorru r-responsabbiltà li jużaw l-Iskrittura biex jaġġustaw lil oħrajn meta jagħrfu li hemm xi bżonn, imma li jagħmlu dan bi spirtu taʼ ħlewwa. (Gal. 6:1, 2) B’dawn il-modi Jehovah jagħtina pariri u jiddixxiplinana sabiex inkunu nistgħu nqimuh bħala poplu magħqud.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
● Jehovah kif jgħinna b’imħabba biex naraw fejn għandna bżonn personalment nagħmlu tibdiliet?
● Ħafna persuni għala għandhom diffikultà f’li jaċċettaw il-pariri? Dan kemm huwa serju?
● Liema kwalitajiet imprezzabbli se jgħinuna biex inkunu lesti li nirċievu l-pariri? Ġesù kif stabbilixxa l-eżempju f’dawn?