KAPITLU 26
Għala Hu Diffiċli li Tagħmel it-Tajjeb
META Sawlu kien jagħmel affarijiet ħżiena, min kien jieħu pjaċir?— Satana x-Xitan. Imma anki l-mexxejja reliġjużi tal-Lhud ħadu pjaċir. Imbagħad meta Sawlu sar dixxiplu taʼ l-Għalliem il-Kbir u sar jismu Pawlu, dawk il-mexxejja reliġjużi bdew jobogħduh. Mela, qed tifhem għala huwa diffiċli għal dixxiplu taʼ Ġesù biex jagħmel it-tajjeb?—
X’kellu jbati Pawlu meta għamel it-tajjeb?
Darba waħda, il-qassis il-kbir li kien jismu Ananija ordna lin-nies biex lil Pawlu jagħtuh daqqa ġo wiċċu. Ananija saħansitra pprova jitfaʼ lil Pawlu fil-ħabs. Pawlu bata ħafna meta sar dixxiplu taʼ Ġesù. Per eżempju, xi nies ħżiena sawtu lil Pawlu u pprovaw joqtluh b’ġebel kbir.—Atti 23:1, 2; 2 Korintin 11:24, 25.
Ħafna nies se jipprovaw iġagħluna nagħmlu affarijiet li ma jogħġbux lil Alla. Mela rridu nistaqsu, Int kemm tħobb it-tajjeb? Tħobbu biżżejjed li se tagħmel it-tajjeb anki meta oħrajn jobogħduk talli tagħmel hekk? Irid ikollok il-kuraġġ biex tagħmel dan, hux veru?—
Forsi taħseb, ‘In-nies għala jobogħduna għax nagħmlu t-tajjeb? Mhux suppost jifirħu?’ Forsi hekk taħseb. Ħafna drabi n-nies kienu jħobbuh lil Ġesù talli kien jagħmel affarijiet tajbin. Darba minnhom, in-nies kollha tal-belt inġabru quddiem il-bieb tad-dar fejn kien qiegħed joqgħod. Dawn ġew għax Ġesù kien qiegħed ifejjaq lin-nies morda.—Marku 1:33.
Imma xi kultant in-nies ma kinux jieħdu pjaċir b’dak li kien jgħallem Ġesù. Għalkemm dejjem kien jgħallem it-tajjeb, xi wħud saru jobogħduh ħafna għax kien jgħid il-verità. Dan ġara darba waħda f’Nazaret, il-belt fejn kien trabba Ġesù. Hu daħal fis-sinagoga, post fejn il-Lhud kienu jiltaqgħu biex iqimu lil Alla.
Hemmhekk Ġesù għamel taħdita sabiħa ħafna minn fuq l-Iskrittura. Għall-ewwel in-nies ħadu pjaċir biha. Baqgħu skantati bil-kliem ħelu li ħareġ minn fommu. Bilkemm setgħu jemmnu li dan kien ir-raġel żagħżugħ li trabba fil-belt tagħhom stess.
Imma mbagħad Ġesù qal xi ħaġa oħra. Hu qalilhom dwar meta Alla kien wera attenzjoni speċjali lejn nies li ma kinux Lhud. Malli Ġesù qal dan, in-nies fis-sinagoga bdew jirrabjaw. Taf għala?— Ħasbu li Alla kien juri attenzjoni speċjali lejhom biss. Ħasbu li huma kienu aħjar minn nies oħra. Allura bdew jobogħdu lil Ġesù talli qal hekk. U taf xi pprovaw jagħmlulu?—
Il-Bibbja tgħid: ‘Huma qabdu lil Ġesù u kaxkruh barra l-belt. Ħaduh f’xifer muntanja u kienu se jitfgħuh għal isfel u joqtluh! Imma Ġesù ħarbilhom.’—Luqa 4:16-30.
Dawn in-nies għala qed jipprovaw joqtlu lil Ġesù?
Li kieku ġara hekk lilek, kont terġaʼ tmur lura tkellem lil dawk in-nies dwar Alla?— Trid il-kuraġġ, hux tassew?— Però, madwar sena wara, Ġesù reġaʼ mar f’Nazaret. Il-Bibbja tgħid: “Beda jgħallimhom fis-sinagoga tagħhom.” Ġesù ma waqafx jgħid il-verità għax beżaʼ min-nies li ma kinux iħobbu lil Alla.—Mattew 13:54.
F’ġurnata oħra, jum is-Sabat, Ġesù kien f’post fejn kien hemm raġel li kellu idu niexfa, jew immankata. Ġesù kellu l-qawwa mingħand Alla biex ifejjaq lil dak ir-raġel. Imma kien hemm xi rġiel hemmhekk li pprovaw jaqilgħu l-inkwiet lil Ġesù. X’kien se jagħmel l-Għalliem il-Kbir?— L-ewwel staqsiehom: ‘Jekk ikollkom nagħġa li taqaʼ f’ħofra kbira f’jum is-Sabat, toħorġuha minn hemm?’
Iva, kienu jagħmlu hekk għal nagħġa, anki f’jum is-Sabat, meta suppost kellhom jistrieħu. Għalhekk Ġesù qal: ‘Hu ħafna aħjar li tgħin raġel f’jum is-Sabat, peress li bniedem jiswa iktar minn nagħġa!’ Kemm deher ċar li Ġesù għandu jgħin lil dan ir-raġel billi jfejqu!
Ġesù qal lir-raġel biex joħroġ idu, u f’daqqa waħda din fieqet. Kemm feraħ dak ir-raġel! Imma xi ngħidu għall-irġiel l-oħra? Ferħu?— Le. Lil Ġesù bdew jobogħduh iktar minn qabel. Huma ħarġu ’l barra u ftiehmu bejniethom biex joqtluh!—Mattew 12:9-14.
Aħna hekk qegħdin illum. Nagħmlu x’nagħmlu, qatt ma nistgħu nikkuntentaw lil kulħadd. Allura rridu niddeċiedu lil min verament nixtiequ nikkuntentaw. Jekk nagħżlu lil Alla Ġeħova u lil Ibnu, Ġesù Kristu, allura rridu dejjem nagħmlu dak li jgħallmu huma. Imma jekk nagħmlu hekk, min se jobgħodna? Min se jfixkilna biex ma nagħmlux it-tajjeb?—
Satana x-Xitan. Imma min iktar?— Dawk li x-Xitan daħaq bihom u jġagħalhom jemmnu affarijiet ħżiena. Ġesù qal lill-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu: “Intom minn missierkom ix-Xitan, u tixtiequ tagħmlu x-xewqat taʼ missierkom.”—Ġwanni 8:44.
Hemm ħafna nies li x-Xitan jieħu pjaċir bihom. Ġesù jsejħilhom “id-dinja.” X’taħseb li hi “d-dinja” li jitkellem dwarha Ġesù?— Tajjeb, ejja niftħu Ġwanni kapitlu 15, vers 19, u naraw. Hemmhekk naqraw dan il-kliem taʼ Ġesù: “Kieku kontu parti mid-dinja, id-dinja kienet tkun ferħana b’dak li hu tagħha. Issa għax m’intomx parti mid-dinja, imma għażiltkom mid-dinja, minħabba f’hekk tobgħodkom id-dinja.”
Mela d-dinja li tobgħod lid-dixxipli taʼ Ġesù hija magħmula min-nies kollha li m’humiex dixxipli tiegħu. Id-dinja għala tobgħod lid-dixxipli taʼ Ġesù?— Aħseb ftit. Min hu l-ħakkiem taʼ din id-dinja?— Il-Bibbja tgħid: “Id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” Dan il-Ħażin hu Satana x-Xitan.—1 Ġwanni 5:19.
Tistaʼ tara issa għala hu daqshekk diffiċli li tagħmel it-tajjeb?— Satana u d-dinja tiegħu jfixkluna. Imma hemm raġuni oħra. Tiftakar x’inhi?— F’Kapitlu 23 taʼ dan il-ktieb tgħallimna li lkoll kemm aħna nitwieldu bid-dnub. Ma jkunx sabiħ meta d-dnub, ix-Xitan, u d-dinja tiegħu jkunu spiċċaw?—
Meta din id-dinja tgħaddi, x’se jiġrilhom dawk li jagħmlu t-tajjeb?
Il-Bibbja twiegħed: “Id-dinja tgħaddi.” Dan ifisser li dawk kollha li m’humiex dixxipli taʼ l-Għalliem il-Kbir mhux se jeżistu iktar. Mhux se jitħallew jgħixu għal dejjem. Taf min se jgħix għal dejjem?— Il-Bibbja tkompli tgħid: “Min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:17) Iva, dawk biss li jagħmlu t-tajjeb, li jagħmlu “r-rieda t’Alla,” se jgħixu għal dejjem fid-dinja l-ġdida t’Alla. Mela anki jekk ikun diffiċli, aħna rridu nagħmlu t-tajjeb, hux tassew?—
Ejja naqraw flimkien dawn l-iskritturi li juru għala mhux faċli li nagħmlu t-tajjeb: Mattew 7:13, 14; Luqa 13:23, 24; u Atti 14:21, 22.