Kif Għandna Nittrattaw lil Xi Ħadd Maqtugħ mis-Sħubija
Ftit hemm affarijiet li jistgħu jweġġgħuna iktar mill-uġigħ li nħossu meta xi qarib jew xi ħabib tal-qalb jitkeċċa mill-kongregazzjoni minħabba li ma nidimx minn dnubu. Il-mod kif inwieġbu għad-direzzjoni Biblika fuq din il-kwistjoni jistaʼ juri l-profondità taʼ mħabbitna għal Alla kif ukoll il-lealtà tagħna għall-arranġament tiegħu.a Ikkunsidra ftit mistoqsijiet li jitqajmu fuq dan is-suġġett.
Kif għandna nittrattaw lil xi ħadd maqtugħ mis-sħubija? Il-Bibbja tgħid: “Tibqgħux tagħmluha maʼ min jissejjaħ ħu iżda jkun żieni jew rgħib jew idolatra jew żeblieħi jew sakranazz jew imbroljun; lanqas biss għandkom tieklu maʼ bniedem bħal dan.” (1 Korintin 5:11) Inkwantu għal kulmin “ma jibqax fit-tagħlim tal-Kristu,” naqraw: “Tilqgħuh qatt fi djarkom u ssellmulux. Għax min isellimlu jieħu sehem fl-għemejjel mill-agħar tiegħu.” (2 Ġwanni 9-11) Aħna ma nitkellmux dwar affarijiet reliġjużi jew nissieħbu b’mod soċjali maʼ dawk maqtugħin mis-sħubija. It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Novembru, 1981, paġna 10, qal: “Sempliċi ‘X’għandna’ lil xi ħadd jistaʼ jkun l-ewwel pass li jiżviluppa f’konversazzjoni u forsi anki fi ħbiberija. Irridu aħna li nieħdu dak l-ewwel pass maʼ persuna mkeċċija mis-sħubija?”
Tassew hemm bżonn li b’mod strett nevitaw kull kuntatt maʼ dawn l-uħud? Iva, għal ħafna raġunijiet. L-ewwel, hija kwistjoni taʼ lealtà lejn Alla u l-Kelma tiegħu. Aħna nobdu lil Ġeħova mhux biss meta jkun faċli li nagħmlu dan, imma wkoll meta niffaċċjaw l-isfidi għall-ubbidjenza tagħna. L-imħabba għal Alla tqanqalna nobdu l-kmandamenti kollha tiegħu, filwaqt li nirrikonoxxu li hu ġust u kollu mħabba u li l-liġijiet tiegħu huma taʼ l-akbar ġid għalina. (Isaija 48:17; 1 Ġwanni 5:3) It-tieni, li nitbiegħdu minn wieħed li pprattika l-ħażen bla ma nidem jipproteġi lilna u lill-bqija tal-kongregazzjoni minn tinġis spiritwali u morali u jsalva r-reputazzjoni tajba tal-kongregazzjoni. (1 Korintin 5:6, 7) It-tielet, il-waqfa soda tagħna għal prinċipji Bibliċi tistaʼ tkun saħansitra taʼ benefiċċju għall-wieħed maqtugħ mis-sħubija. Billi nappoġġaw id-deċiżjoni tal-kumitat ġudizzjarju, aħna nistgħu mmissu qalb il-midneb li sa dakinhar ikun għadu ma wiġibx għall-isforzi taʼ l-anzjani biex jgħinuh. It-telfa tas-sħubija prezzjuża maʼ dawk li jħobb tistaʼ tgħinu jiġi “f’sensih,” jara s-serjetà tal-ħażen tiegħu, u jieħu passi biex jerġaʼ lura lejn Ġeħova.—Luqa 15:17.
Xi ngħidu jekk xi qarib jiġi maqtugħ mis-sħubija? F’każ bħal dan, ir-rabta mill-qrib bejn il-membri tal-familja tistaʼ toħloq prova kbira taʼ lealtà. Kif għandna nittrattaw lil xi qarib li ġie maqtugħ mis-sħubija? Hawn ma nistgħux insemmu kull sitwazzjoni li tistaʼ tinqalaʼ, iżda ejja nikkonċentraw fuq tnejn li huma bażiċi.
Xi drabi jistaʼ jagħti l-każ li l-membru tal-familja li ġie maqtugħ mis-sħubija jkun għadu joqgħod fl-istess dar bħala parti mill-familja immedjata. Ladarba l-qtugħ tiegħu mis-sħubija ma jtemmx ir-rabtiet tal-familja, attivitajiet u kuntatti normali tal-familja li jsiru minn jum għal jum jistgħu jitkomplew. Iżda, bl-imġiba tiegħu, l-individwu għażel li jwaqqaf ir-relazzjoni spiritwali bejnu u l-familja tiegħu li temmen. B’hekk, membri leali tal-familja ma jistgħux jibqgħu jkollhom sħubija spiritwali miegħu. Per eżempju, jekk il-wieħed maqtugħ mis-sħubija jkun preżenti, hu ma jipparteċipax mal-familja meta din tinġabar għall-istudju tal-Bibbja. Madankollu, jekk dak li ġie maqtugħ mis-sħubija huwa minorenni, il-ġenituri xorta għadhom responsabbli li jistruwixxuh u jiddixxiplinawh. Għalhekk, il-ġenituri bl-imħabba jistgħu jirranġaw biex jikkonduċu studju tal-Bibbja mat-tifel jew it-tifla.b—Proverbji 6:20-22; 29:17.
Xi drabi oħrajn, il-qarib maqtugħ mis-sħubija jistaʼ jkun li ma joqgħodx mal-familja immedjata u jkun jgħix f’dar differenti. Għalkemm f’xi okkażjoni rari kuntatt limitat jistaʼ jkun meħtieġ biex tiġi rranġata xi kwistjoni tal-familja, kull kuntatt bħal dan għandu jkun minn taʼ l-inqas. Membri leali taʼ familja Kristjana ma jfittxux skużi biex jikkuntattjaw xi qarib maqtugħ mis-sħubija li ma jgħixx id-dar. Anzi, lealtà lejn Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu tgħinhom jonoraw l-arranġament Skritturali tal-qtugħ mis-sħubija. Il-lealtà tagħhom hija għall-aħjar interessi taʼ min għamel il-ħażen u tistaʼ tgħinu jibbenefika mid-dixxiplina li rċieva.c—Ebrej 12:11.
[Noti taʼ taħt]
a Il-prinċipji Bibliċi dwar dan is-suġġett japplikaw bl-istess mod għal dawk li jiddiżassoċjaw ruħhom mill-kongregazzjoni.
b Għal iktar informazzjoni dwar tfal minorenni li ġew maqtugħin mis-sħubija u li għadhom jgħixu d-dar, ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 t’Ottubru, 2001, paġni 16-17, u tal-15 taʼ Frar, 1989, paġna 16.
c Għal iktar informazzjoni dwar kif tittratta maʼ xi qraba maqtugħin mis-sħubija, ara l-pariri Skritturali li hemm fit-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Lulju, 1988, paġni 12-16, u tal-15 taʼ Novembru, 1981, paġni 12-16.