It-Tislim lill-Bandiera, il-Votazzjoni, u s-Servizz Ċivili
lt-tislim lill-bandiera. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu illi li tmil quddiem bandiera jew li ssellmilha, spiss flimkien maʼ xi innu, huwa att taʼ qima li jattribwixxi salvazzjoni lill-Istat jew lill-mexxejja tiegħu u mhux lil Alla. (Isaija 43:11; 1 Korintin 10:14; 1 Ġwanni 5:21) Wieħed minn dawn il-mexxejja kien is-Sultan Nebukadnessar taʼ Babilonja tal-qedem. Sabiex jimpressjona lin-nies bil-maestà u ż-żelu reliġjuż tiegħu, dan il-monarka setgħan bena xbieha immensa u ġiegħel lis-sudditi tiegħu jmilu quddiemha waqt li kienet qed tindaqq il-mużika, bħal xi innu. Madankollu, tliet Ebrej—Sidrak, Mesak, u Għabednego—irrifjutaw li jmilu quddiem ix-xbieha, saħansitra b’kastig tal-mewt.—Danjel, kapitlu 3.
Fi żmienna, “il-bandiera hija s-simbolu ewlieni tal-fidi u l-oġġett fundamentali għall-qima tan-nazzjonaliżmu,” qal Carlton Hayes, kittieb taʼ l-istorja. “L-irġiel ineħħu l-kpiepel tagħhom hi u għaddejja l-bandiera; u b’tifħir lill-bandiera l-poeti jiktbu l-poeżiji u t-tfal ikantaw l-innijiet.” Hu kompla jgħid li hemm ukoll il-“ġranet imqaddsin” bħall-Erbgħa taʼ Lulju fl-Istati Uniti, kif ukoll “il-qaddisin u l-eroj” fin-nazzjonaliżmu, flimkien mat-“tempji,” jew in-niċeċ tiegħu. F’ċerimonja pubblika fil-Brażil, is-superjur taʼ l-armata stqarr: “Il-bandiera tingħata rispett kbir u tiġi meqjuma . . . l-istess bħalma tiġi meqjuma l-Patrija.” Iva, “il-bandiera, bħas-salib, hija sagra,” qalet darba The Encyclopedia Americana.
Din l-enċiklopedija li għadna kif semmejna stqarret dan l-aħħar li l-innijiet nazzjonali “huma espressjonijiet t’emozzjoni patrijottika u spiss jinkludu xi invokazzjoni għal gwida u protezzjoni divina għall-poplu jew il-mexxejja tiegħu.” Għalhekk, il-qaddejja taʼ Ġeħova huma raġunevoli meta jqisu ċerimonji patrijottiċi li jinvolvu t-tislim lill-bandiera u innijiet nazzjonali bħala li huma reliġjużi. Fil-fatt, il-ktieb The American Character fil-kummenti tiegħu dwar it-tfal tax-Xhieda taʼ Ġeħova li fl-iskejjel taʼ l-Istati Uniti jirrifjutaw li jagħtu qima lill-bandiera jew li jaħilfu l-lealtà tagħhom qal: “Li dawn ir-ritwali taʼ kuljum huma reliġjużi sa fl-aħħar ġie rikonoxxut mill-Qorti Suprema f’serje taʼ każi.”
Filwaqt li ma jiħdux sehem f’ċerimonji li huma jqisuhom li m’humiex Skritturali, in-nies taʼ Ġeħova żgur li jirrispettaw id-dritt t’oħrajn li jagħmlu dan. Huma wkoll jirrispettaw il-bnadar nazzjonali bħala simboli u jirrikonoxxu l-gvernijiet bi drittijiet leġittimi bħala l-“awtoritajiet superjuri” li jaqdu bħala ‘l-ministri t’Alla.’ (Rumani 13:1-4) Għalhekk, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jagħtu kas it-twissija biex jitolbu “għas-slaten u għal kulmin għandu pożizzjoni għolja.” Madankollu, il-motiv tagħna hu “sabiex inkomplu ngħaddu ħajja kalma u kwieta bid-devozzjoni sħiħa lejn Alla u bis-serjetà kollha.”—1 Timotju 2:2.
Il-votazzjoni f’elezzjonijiet politiċi. Il-Kristjani veri jirrispettaw id-dritt t’oħrajn biex jivvotaw. Huma ma jipprotestawx kontra l-elezzjonijiet u jikkooperaw m’awtoritajiet eletti. Madankollu, b’mod sod jibqgħu newtrali f’affarijiet politiċi tal-pajjiżi. (Mattew 22:21; 1 Pietru 3:16) X’għandu jagħmel Kristjan f’pajjiż fejn il-votazzjoni hija obbligatorja jew f’sitwazzjoni li fiha l-emozzjonijiet isiru intensi kontra dawk li ma jmorrux fil-post tal-votazzjoni? Meta niftakru li Sidrak, Mesak, u Għabednego marru sal-pjanura taʼ Dura, Kristjan f’ċirkustanzi simili għandu mnejn jiddeċiedi li jmur sal-post tal-votazzjoni jekk tippermettilu l-kuxjenza tiegħu. Madankollu, se jieħu ħsieb li ma jiksirx in-newtralità tiegħu. Hu għandu jqis dawn is-sitt prinċipji li ġejjin:
1. Is-segwaċi taʼ Ġesù ‘m’humiex parti mid-dinja.’—Ġwanni 15:19.
2. Il-Kristjani jirrappreżentaw lil Kristu u lil Saltnatu.—Ġwanni 18:36; 2 Korintin 5:20.
3. Il-kongregazzjoni Kristjana hija magħquda fit-twemmin u l-membri tagħha huma marbutin flimkien bi mħabba bħal taʼ Kristu.—1 Korintin 1:10; Kolossin 3:14.
4. Dawk li permezz tal-vot tagħhom itellgħu lil xi uffiċjal iġorru r-responsabbiltà għal dak li jagħmel.—Innota l-prinċipji li hemm fil-kliem taʼ l-1 Samwel 8:5, 10-18 u l-1 Timotju 5:22.
5. Ġeħova qies ix-xewqa taʼ Israel għal ħakkiem uman bħala sinjal li kienu warrbu Lilu.—1 Samwel 8:7.
6. Il-Kristjani għandhom ikollhom il-libertà tal-kelma meta jitkellmu dwar il-gvern tas-Saltna t’Alla maʼ nies taʼ kull konvinzjoni politika.—Mattew 24:14; 28:19, 20; Ebrej 10:35.
Servizz ċivili. F’xi pajjiżi, l-Istat jirrikjedi li dawk li ma jaċċettawx is-servizz militari jagħmlu xi forma taʼ servizz ċivili għal xi żmien. Meta niġu ffaċċjati b’deċiżjoni taʼ din il-kwalità għandna nitolbu dwarha, forsi niddiskutuha maʼ xi sieħeb Kristjan matur, u mbagħad nużaw il-kuxjenza tagħna biex nieħdu deċiżjoni bbażata fuq dak li tgħallimna dwar is-suġġett.—Proverbji 2:1-5; Filippin 4:5.
Il-Kelma t’Alla tgħidilna biex inkunu “ubbidjenti lejn il-gvernijiet u l-awtoritajiet bħala ħakkiema, lesti għal kull għemil tajjeb, . . . raġunevoli.” (Titu 3:1, 2) B’dan f’moħħna, forsi nistaqsu lilna nfusna l-mistoqsijiet li ġejjin: ‘Jekk naċċetta x-xogħol ċivili li pproponewli se nkun jien qed nikkomprometti n-newtralità Kristjana tiegħi jew se nkun qed niġi mġiegħel ninvolvi ruħi fir-reliġjon falza?’ (Mikea 4:3, 5; 2 Korintin 6:16, 17) ‘Se jkun diffiċli għalija li nwettaq id-dmirijiet Kristjani tiegħi jekk nagħmel dan ix-xogħol jew jistaʼ jżommni wkoll milli nwettaqhom?’ (Mattew 28:19, 20; Efesin 6:4; Ebrej 10:24, 25) ‘Min-naħa l-oħra, l-involviment tiegħi f’dan ix-xogħol se jippermettili nżid maʼ l-attivitajiet spiritwali tiegħi, forsi li naħdem full-time fil-ministeru?’—Ebrej 6:11, 12.
Jekk Kristjan, b’mod kuxjenzjuż, jikkonkludi li jistaʼ jagħti servizz ċivili minflok ma jmur il-ħabs, sħabu l-Kristjani għandhom jirrispettaw id-deċiżjoni tiegħu. (Rumani 14:10) Madankollu, jekk iħoss li ma jistax jagħti dan is-servizz, oħrajn għandhom jirrispettaw din il-pożizzjoni wkoll.—1 Korintin 10:29; 2 Korintin 1:24.