Nirranġaw Tilwim fi Kwistjonijiet tan-Negozju
Bħalma hu dokumentat fl-1 Korintin 6:1-8, l-appostlu Pawlu ddiskuta dwar kawżi fil-qrati fost l-aħwa fit-twemmin. Hu esprima l-biżaʼ tiegħu minħabba li xi Kristjani f’Korintu ‘ażżardaw imorru l-qorti quddiem bnedmin inġusti.’ (Vers 1) Pawlu ta raġunijiet validi għala l-Kristjani m’għandhomx itellgħu lil xulxin il-qorti imma minflok jaslu għal ftehim billi jsegwu l-gwida provduta lill-kongregazzjonijiet. Ejja nikkunsidraw ftit mir-raġunijiet għala ngħata dan il-parir imnebbaħ u mbagħad nikkunsidraw xi sitwazzjonijiet li fihom dan il-parir imnebbaħ ma japplikax speċifikament.
Jekk għandna xi tilwima dwar in-negozju maʼ sieħeb taʼ l-istess twemmin, l-ewwelnett għandna naraw li nittrattaw il-kwistjoni bil-mod li jrid Ġeħova u mhux kif irridu aħna. (Proverbji 14:12) Bħalma wera Ġesù, qabel ma n-nuqqas taʼ qbil isir kwistjoni serja, l-aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li nirranġawha fil-pront. (Mattew 5:23-26) B’sogħba, iżda, xi Kristjani jibdew jargumentaw iżżejjed, saħansitra jitilgħu l-qorti. Pawlu qal: “Dan ifisser telfa sħiħa għalikom li qed tiftħu kawżi l-qorti kontra xulxin.” Għala? Raġuni fundamentali hi li aġir bħal dan jistaʼ jpoġġi f’dell ikrah ir-reputazzjoni tal-kongregazzjoni u l-Alla li nqimu. Għalhekk, aħna nieħdu bis-serjetà l-mistoqsija taʼ Pawlu: “Għax ma tħallux min jonqoskom?”—Vers 7.
Ukoll, Pawlu rraġuna li lill-kongregazzjoni Alla taha arranġament mill-aħjar biex jiġi rranġat ħafna tilwim. L-anzjani huma rġiel Kristjani li saru għorrief bl-għarfien tagħhom taʼ veritajiet Skritturali, u Pawlu jgħid li huma ‘kapaċi jiġġudikaw bejn ħuthom’ meta jiġu għal “kwistjonijiet taʼ din il-ħajja.” (Versi 3-5) Ġesù wera li tilwim li jinvolvi xi ħażen serju, bħall-malafama u l-frodi, għandu jiġi rranġat skond proċedura bi tliet passi: l-ewwel, billi jsir sforz biex il-kwistjoni tiġi rranġata fil-privat bejn dawk involuti; it-tieni, jinġieb xhud jew tnejn jekk ifalli l-ewwel pass; u t-tielet, jekk ifalli l-pass taʼ qabel dan, il-kwistjoni tittieħed għand il-kongregazzjoni kif rappreżentata mill-anzjani.—Mattew 18:15-17.
M’għandniex xi ngħidu, l-anzjani Kristjani m’humiex neċessarjament avukati jew negozjanti u m’għandhomx għalfejn jaġixxu bħala tali. Ma jagħmlux kundizzjonijiet biex jissetiljaw kwistjonijiet tan-negozju bejn l-aħwa. Minflok, jipprovaw jgħinu lil kulmin ikun involut biex japplika l-Iskrittura u jasal għal qbil f’riżoluzzjoni paċifika. F’każi komplikati, forsi jkunu jixtiequ jieħdu parir mingħand l-indokratur tas-circuit jew mill-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Madankollu, jeżistu sitwazzjonijiet li m’humiex neċessarjament koperti bil-parir taʼ Pawlu. X’inhuma xi ftit minnhom?
F’ċerti każi, kawża tistaʼ tkun sempliċement formalità jew ħtieġa legali biex din tispiċċa b’mod paċifiku u bla egoiżmu. Per eżempju, kawża tistaʼ tkun l-unika proċedura disponibbli biex jinkiseb digriet tad-divorzju, biex tiġi akkwistata l-kustodja tat-tfal, biex jiġi determinat il-ħlas tal-manteniment, biex ikun hemm kumpens mill-assigurazzjoni, biex wieħed ikun imniżżel fost il-kredituri f’każ taʼ falliment finanzjarju, u biex wieħed jistabbilixxi uffiċjalment li testment huwa ġenwin u għalhekk validu. Hemm ukoll każi li fihom ħu għandu mnejn iħoss il-bżonn li jiftaħ kontro kawża biex jipproteġi lilu nnifsu f’kawża li nfetħet kontrih.a
Jekk kawżi bħal dawn isiru mingħajr spirtu taʼ ġlied, jistgħu ma jmorrux kontra dak li kien intenzjonat bil-parir imnebbaħ taʼ Pawlu.b Minkejja dan, il-prijorità taʼ Kristjan għandha tkun it-taqdis taʼ l-isem taʼ Ġeħova flimkien mal-paċi u l-unità tal-kongregazzjoni. Fuq kollox, is-segwaċi taʼ Kristu jintgħarfu mill-imħabba tagħhom, u “l-imħabba . . . ma tfittixx l-interessi tagħha.”—1 Korintin 13:4, 5; Ġwanni 13:34, 35.
[Noti taʼ taħt]
a F’xi każi rari, Kristjan għandu mnejn jikkommetti xi att kriminali serju kontra Kristjan ieħor—bħal xi stupru, assalt, qtil, jew xi serqa kbira. F’każi bħal dawn, ikun att Kristjan li wieħed jirrapporta l-kwistjoni lill-awtoritajiet, anki jekk meta jagħmel dan forsi jirriżulta f’każ fil-qorti jew f’ġuri kriminali.
b Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 t’April, 1997, paġni 17-22 u The Watchtower tal-15 t’Ottubru, 1991, paġni 25-8.