KAPITLU 23
Ġesù jwettaq għemejjel kbar f’Kafarnahum
MATTEW 8:14-17 MARKU 1:21-34 LUQA 4:31-41
ĠESÙ JKEĊĊI DEMONJU
IL-KUNJATA TAʼ PIETRU TIĠI MFEJQA
Ġesù stieden erbaʼ dixxipli—Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni—biex ikunu sajjieda tal-bnedmin. Issa, fis-Sabat, kollha jmorru f’sinagoga lokali f’Kafarnahum. Ġesù jgħallem fis-sinagoga, u għal darb’oħra n-nies jistagħġbu bil-mod kif jgħallem. Hu jagħmel dan bħal wieħed li għandu l-awtorità u mhux bħall-iskribi.
F’dan is-Sabat, hemm preżenti raġel maħkum minn demonju. Fis-sinagoga stess, ir-raġel jgħajjat b’leħen għoli: “X’għandna x’naqsmu miegħek, Ġesù n-Nazzarenu? Ġejt biex teqridna? Jien naf eżatt min int, il-Qaddis t’Alla.” Ġesù jċanfar lid-demonju li qed jikkontrolla lir-raġel billi jgħidlu: “Iskot, u oħroġ minnu!”—Marku 1:24, 25.
Għal dan, l-ispirtu mill-agħar jitfaʼ lir-raġel mal-art, iqabbdu aċċessjoni, u jibda jgħajjat kemm jiflaħ. Imma d-demonju joħroġ mir-raġel ‘bla ma jweġġgħu.’ (Luqa 4:35) In-nies imdawrin miegħu fis-sinagoga ma jistgħux jemmnu lil għajnejhom! “Dan x’inhu?” jistaqsu huma. “Hu jordna b’awtorità saħansitra lill-ispirti mhux nodfa, u dawn jobduh.” (Marku 1:27) Kif nistgħu nobsru, l-aħbar dwar din il-ġrajja impressjonanti tinfirex mal-Galilija kollha.
Ġesù u d-dixxipli tiegħu jitilqu mis-sinagoga u jmorru d-dar taʼ Xmun, jew Pietru. Hemmhekk, il-kunjata taʼ Pietru hi marida ħafna b’deni qawwi. Huma jitolbu lil Ġesù biex jgħinha. Allura Ġesù jersaq lejha, jaqbdilha idha, u jqajjimha. Hi mill-ewwel tfiq u tibda taqdi lil Ġesù u lid-dixxipli li hemm miegħu, forsi billi tħejjilhom xi ikla.
Xħin tkun nieżla x-xemx jiġu nies minn kullimkien id-dar taʼ Pietru bil-morda tagħhom. F’kemm ilna ngħidu donnu hemm il-belt kollha miġbura quddiem il-bieb. Għala? Għax qed ifittxu fejqan. Infatti, ‘dawk kollha li għandhom nies morda b’mard differenti jġibuhomlu. U hu jfejjaqhom billi jqiegħed idejh fuq kull wieħed minnhom.’ (Luqa 4:40) Iva, hi x’inhi l-marda tagħhom, Ġesù jgħinhom, sewwasew kif kien imbassar. (Isaija 53:4) Saħansitra jeħles lil dawk li huma maħkumin mid-demonji. Hekk kif joħorġu l-ispirti mill-agħar, huma jgħajtu: “Int l-Iben t’Alla.” (Luqa 4:41) Imma Ġesù jċanfarhom u ma jħallihomx jitkellmu iktar. Huma jafu li Ġesù hu l-Kristu, u hu ma jridx li jagħmlu tabirruħhom li qed jaqdu lill-Alla l-veru.