Ittra Mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna
Għeżież Aħwa:
Lill-kongregazzjoni fi Żmirna, Ġesù qalilha: “Tibżax mit-tbatija li dalwaqt se tgħaddi minnha.” (Riv. 2:10) L-inkuraġġiment li tahom biex ma jibżgħux jgħodd għalina wkoll li ngħixu “f’jum il-Mulej.” (Riv. 1:10) Bħalissa qed ngħixu fi żmien ‘diffiċli u perikoluż,’ u aħna niġu vera inkuraġġiti meta naraw lil kull wieħed u waħda minnkom turu fidi u kuraġġ biex tibqgħu leali lejn Ġeħova!—2 Tim. 3:1-5.
Imma kif nistgħu nibqgħu leali u b’kuraġġ qatt ma “nitbiegħdu minn Alla għax nibżgħu”? (Lhud 10:39) Dan mhux dejjem ikun faċli għax oħrajn jaf jiħduha kontrina jew anke jippersegwitawna. Però, dejjem għandna għażla li b’kuraġġ nissapportjaw lil Ġeħova u nagħmlu dak li hu jgħid li hu tajjeb, anki jekk għandna karattru mistħi u m’aħniex daqshekk kuraġġużi. X’jistaʼ jgħinna?
Il-Kelma t’Alla tistaʼ tgħinek tkun iktar kuraġġuż. Hi mimlija b’eżempji mill-isbaħ taʼ rġiel u nisa li wrew kuraġġ. Dan il-ktieb ġie ppreparat biex jgħinna nistudjaw x’għamlu dawn il-karattri u naħsbu dwar l-eżempju tagħhom. Hekk kif taqra dawn l-istejjer, itlob lil Ġeħova biex jgħinek tara kif l-eżempju tagħhom jistaʼ jgħinek fil-problemi tiegħek u minn dak li għaddej minnu bħalissa jew li jaf tiffaċċja fil-futur. Aħseb kif Ġeħova jistaʼ jgħinek tkun kuraġġuż. Ukoll, aħseb kif il-kuraġġ li wrew dawn l-irġiel u n-nisa leali jistaʼ jgħinek f’dawn l-affarijiet:
Agħmel bidliet skont dak li jrid Ġeħova. (Ġak. 3:17) Aħseb fl-eżempju taʼ Ġonatan. Jistaʼ jkun li ħaseb li hu se jkun ir-re wara missieru Sawl. Imma mbagħad Ġeħova għażel lil David, li kien ħafna iżgħar minn Ġonatan. Ġonatan aċċetta d-deċiżjoni taʼ Ġeħova u ssapportjaha. Hu kien vera leali lejn Ġeħova u wera kuraġġ kbir.
Iddefendi l-prinċipji ġusti taʼ Ġeħova. (Lhud 11:32-34) Ħananija, Misael, u Għażarija kienu lesti li jmutu f’forn tan-nar iħeġġeġ biex jibqgħu leali lejn Ġeħova minflok ma jqimu lix-xbieha.
Għid lil oħrajn il-verità dwar Ġeħova u Ġesù. (Mat. 22:16) Aħseb f’Sawl taʼ Tarsu. In-nies kienu ħasbu li kien se jgħinhom jippersegwitaw lid-dixxipli taʼ Ġesù, imma hu nbidel u b’kuraġġ qal lin-nies il-verità dwar Ġesù.
Aħna nittamaw li dan il-ktieb jgħinek biex ikollok iktar fidi u kuraġġ. (Slm. 27:14) Jalla Ġeħova jbierkek hekk kif tgħin lill-familja tiegħek u dawk fil-kongregazzjoni jiddefendu b’kuraġġ is-Saltna t’Alla!
Ħutkom,
Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova