12 KALEB
Hu Baqaʼ Leali Lejn Alla
FIŻ-ŻMIEN meta Mosè ħarab mill-Eġittu, koppja Iżraelija li kienu lsiera kellhom tarbija u semmewha Kaleb. Kaleb trabba bħala lsir, imma mbagħad ġie meħlus. Meta Kaleb kellu madwar 40 sena, Mosè reġaʼ mar l-Eġittu għax Ġeħova kien bagħtu biex jeħles il-poplu tiegħu, l-Iżraelin. Ġeħova kien bagħat l-Għaxar Kastigi, fired il-Baħar l-Aħmar, u ħeles lill-poplu tiegħu mill-Eġittu. Min jaf kif ħassu Kaleb meta ra l-qawwa taʼ Ġeħova f’dawn l-affarijiet.
Kaleb qatt ma nesa dawn il-ġrajjiet inkuraġġanti. Hu baqaʼ leali lejn Ġeħova anki meta ħafna Iżraelin tilfu l-fiduċja fih u ftit xhur wara rribellaw meta kienu fejn il-Muntanja Sinaj. Ftit wara dan, Mosè ta inkarigu importanti lil Kaleb. Hu kellu jmur bħala spija flimkien maʼ Ġożwè u għaxar kapijiet oħra.
It-12-il raġel b’kuraġġ marru f’Kangħan u għamlu 40 ġurnata hemmhekk biex jitkixxfu dwar il-bliet, in-nies, u x’affarijiet kienet tipproduċi l-art. Huma ħadu lura magħhom xi frott, inkluż għanqud għeneb. Dan tant kien kbir li kellhom iġorruh tnejn min-nies. Imma meta l-għaxar spiji qalu lill-Iżraelin dwar dak li kienu raw, x’aktarx Kaleb kien iddiżappuntat meta semaʼ dak li qalu. Il-Bibbja tgħid: “Lill-Iżraelin baqgħu jagħtuhom rapport ħażin.” Huma bdew igergru li l-Kangħanin kienu ġganti. Saħansitra qalu li kienu t-tfal tan-Nefilim, imma dan ma kienx jagħmel sens għaliex in-Nefilim kienu nqerdu fid-Dulluvju. L-Iżraelin kollha ħassewhom skuraġġiti, u xi wħud anki riedu jagħmlu mexxej ġdid biex jerġaʼ jiħodhom lura l-Eġittu.
Kaleb u Ġożwè ma tilfux il-fiduċja tagħhom f’Ġeħova. Huma pprovaw jinkuraġġixxu lil dawk li ħassewhom skuraġġiti billi qalulhom: “Għandna lil Ġeħova magħna. Tibżgħux minnhom.” Imma dan il-kliem irrabja ħafna lil dawk l-Iżraelin li ma kellhomx fidi f’Ġeħova. Tant hu hekk, li lil Kaleb u lil Ġożwè riedu jwaddbulhom il-ġebel sakemm joqtluhom!
Ġeħova vera kien imweġġaʼ. Wara dak kollu li kien għamel biex jeħlishom minn taħt idejn l-Eġizzjani, li kien poplu b’saħħtu, l-Iżraelin malajr tilfu l-fidi tagħhom fih. Madankollu, Alla nnota l-kuraġġ u l-fidi taʼ Kaleb u Ġożwè. Ġeħova qal: “Il-qaddej tiegħi Kaleb kellu attitudni differenti u baqaʼ miexi warajja b’qalbu kollha.” Ġeħova ddeċieda li l-Iżraelin kollha li ma wrewx fidi kellhom imutu fid-deżert.a Imma Kaleb u Ġożwè kienu se jkunu fost dawk il-ftit li Ġeħova kien se jħallihom jidħlu fl-Art Imwiegħda.
Kaleb baqaʼ leali lejn Ġeħova minkejja li l-Iżraelin ma baqgħux leali u riedu jweġġgħuh
Matul l-40 sena li l-Iżraelin kienu fid-deżert, Kaleb kompla juri fidi u kuraġġ. Hu kien leali u baqaʼ jissapportja lil Mosè. Apparti minn hekk, meta Ġeħova qal lil Ġożwè biex imexxi lill-Iżraelin mix-Xmara Ġordan għall-Art Imwiegħda wara li kien miet Mosè, Kaleb issapportja lil Ġożwè. Ukoll, meta Kaleb kiber fl-età wera li kien kuraġġuż billi ġġieled kontra l-għedewwa t’Alla f’Kangħan.
Sitt snin wara li l-poplu t’Alla qasam ix-Xmara Ġordan, huma kienu diġà rebħu ħafna mill-Art Imwiegħda. Fl-aħħar, Kaleb setaʼ jagħżel fejn xtaq jgħix mal-familja tiegħu. Hu għażel Ħebron, l-istess post fejn l-għaxar spiji qalu li ħadd ma setaʼ jgħix hemm minħabba l-ġganti li kien hemm. Għalkemm Kaleb kellu 85 sena, hu baqaʼ juri fidi f’Ġeħova u qal: “Ġeħova żgur se jkun miegħi, u jien inkeċċihom bħalma wiegħed Ġeħova.” U hekk ġara. Kaleb rebaħ il-belt u beda jgħix hemm mal-familja tiegħu. Wara, l-Bibbja tgħid: “Ma kienx hemm gwerer fl-art.”
Ħafna snin qabel, Mosè kien qal lil Kaleb: “Int imxejt wara Ġeħova l-Alla tiegħi b’qalbek kollha.” Nistgħu nkunu ċerti li Kaleb baqaʼ jagħmel hekk sakemm miet u żgur li se jerġaʼ jagħmel hekk meta Ġeħova jqajmu fil-Ġenna tal-art!
Aqra l-istorja mill-Bibbja:
Biex tiddiskuti:
Kaleb kif wera kuraġġ?
Fittex Iktar
1. L-għeneb li kien hemm fl-Art Imwiegħda, vera kien kbir kif jiddeskrivi Numri 13:23? (w06 6/15 16 ¶1-2)
2. L-Art Imwiegħda vera kien fiha ħafna “ħalib u għasel” bħalma ddeskrivewha Kaleb u Ġożwè? (Num. 14:8; w11 3/1 15-wcgr) A
Institute of Archaeology/Hebrew University © Tel Rehov Excavations
Stampa A: Bejtiet tan-naħal magħmulin mit-tafal f’Iżrael, li jmorru lura għal madwar 3,000 sena ilu
3. Meta Mosè minn Kades bagħat it-12-il spija, l-Iżraelin kemm kienu qrib l-Art Imwiegħda? (w04 10/15 17 ¶11-12) B
Stampa B
4. Ġeħova kif ippremja lil Kaleb talli wera l-fidi u l-kuraġġ? (w06 10/1 18 ¶11)
Aħseb Fuq Dak li Tistaʼ Titgħallem
Għalkemm Kaleb wera l-fidi, hu xorta kellu jgħix fid-deżert mal-kumplament tal-Iżraelin. Minkejja dan, hu b’umiltà baqaʼ jafda f’Ġeħova. F’liema sitwazzjonijiet nistgħu nimitaw lil Kaleb?
L-eżempju taʼ Kaleb kif jgħinna biex ma ‘mmorrux wara l-folla’? (Eżo. 23:2) Ċ
Stampa Ċ
Int kif tistaʼ turi l-kuraġġ li wera Kaleb?
Ħu l-Ħin Biex Taħseb Dwar Dawn il-Mistoqsijiet
Din l-istorja x’tgħallimni dwar Ġeħova?
Din l-istorja kif inhi marbuta mal-iskop taʼ Ġeħova?
Meta Ġeħova jirxoxta lil Kaleb, x’nixtieq nistaqsih?
Tgħallem Iktar
Ara kif il-kuraġġ li kellu Kaleb ġie minħabba l-fidi li kellu.
“Kuraġġużi Permezz tal-Fidi u l-Biżaʼ minn Alla” (w06 10/1 16-19 ¶1-12)
Kaleb li kellu 85 sena għala qal: “Jien imxejt wara Ġeħova l-Alla tiegħi b’qalbi kollha”? (Ġoż. 14:8)
a Id-deċiżjoni li ħa Ġeħova ma kinitx tinkludi l-Leviti jew Iżraelin oħrajn li kellhom inqas minn 20 sena dak iż-żmien.—Num. 14:29.