17 ĠAGĦEL
“Hi l-Iktar Imbierka Fost in-Nisa”
SISERA kien kap taʼ armata b’saħħitha, imma hu ħarab lejn il-wied taʼ Ġeżragħel u ħalla lis-suldati tiegħu jmutu. Kienet diffiċli għal Sisera biex jemmen li l-armata b’saħħitha tiegħu, b’900 karru tal-gwerra, ġiet megħluba mill-Iżraelin li ma kellhomx karrijiet u armi tajbin daqs tagħhom. Għalhekk, ipprova jsib post fejn jistaħba. Hu ġera lejn it-tinda taʼ Ħeber il-Keni.
Is-soltu, il-Kenin kienu jappoġġjaw lill-Iżraelin. Il-ħbiberija li kellhom kienet tmur lura għal żmien Mosè, għax il-mara taʼ Mosè kienet tiġi mill-Kenin. Dawn in-nies kienu jgħixu fl-art taʼ Iżrael, imma Ħeber kien differenti mill-Kenin l-oħra. Hu kien jappoġġja lil Ġabin ir-re tal-Kangħanin u mhux lill-Iżraelin. Allura, peress li Sisera kien il-kap tal-armata tar-Re Ġabin, ħaseb li jekk imur jistaħba fit-tined taʼ Ħeber kienu se jipproteġuh. Imma wisq probabbli hu ma immaġinax li l-mara taʼ Ħeber, Ġagħel, ma kinitx se tappoġġjah.
Dak il-ħin kien hemm Ġagħel fit-tined imma Ħeber ma kienx qiegħed hemm. Meta rat lil Sisera ġej, kellha tiddeċiedi malajr x’għandha tagħmel. Hi kienet taf x’tip taʼ persuna hu Sisera u kemm kien kattiv. Ġagħel forsi ma kinitx taf x’qalet il-profetessa taʼ Ġeħova, Debora, li Sisera kellu jinqatel minn mara. Imma milli jidher, Ġagħel kienet taf x’riedha tagħmel Ġeħova. Kif nafu dan?
Iktar tard, Ġeħova ggwida lil Debora biex tikteb għanja dwar kif Barak rebaħ lill-armata taʼ Sisera. F’dik l-għanja qalet: “Ġagħel mart Ħeber il-Keni hi l-iktar imbierka fost in-nisa; hi l-iktar imbierka fost in-nisa li jgħixu fit-tined.” Mela, Ġagħel ma kinitx xi mara giddieba jew mara kattiva bħalma jiddeskrivuha xi kritiċi. Minflok, hi kienet mara determinata u kuraġġuża li kienet lesta biex tiġġieled fil-gwerra taʼ Ġeħova. Bħalma għamlet Raħab, Ġagħel għażlet li żżomm man-naħa taʼ Ġeħova u mhux mal-għedewwa tiegħu. Hi kienet taf li Sisera kien wieħed mill-għedewwa taʼ Alla u li Ġeħova riedu jinqatel. Għalhekk, irrealizzat li kellha l-opportunità biex tagħmel dak li ried Ġeħova. Imma kif kienet se tagħmel dan?
Peress li Sisera kien suldat b’saħħtu u t’esperjenza, Ġagħel kienet taf li ma kellhiex biżżejjed saħħa biex tiġġieled kontrih. Ġagħel stidnitu fit-tinda tagħha biex jixrob xi ħaġa u jistrieħ. Għalhekk, Sisera daħal, imtedd, u mbagħad għattietu b’kutra. Meta talabha l-ilma, hi tatu l-ħalib. Hu qalilha biex toqgħod fid-daħla tat-tinda u jekk jiġi xi ħadd u jistaqsiha jekk kienx hemm raġel, hu riedha tigdeb u tgħidlu le. Imbagħad raqad fil-fond.
Alla għażel mara biex toqtol gwerrier kattiv
Ġagħel indunat li issa kien iċ-ċans biex toqtol lil Sisera. Għalhekk, qabdet musmar tat-tinda u martell tqil, magħmulin mill-injam u li x’aktarx kienet tużahom taʼ spiss, imbagħad, bil-mod il-mod resqet lejn il-gwerrier u niżlet għarkopptejha ħdejn rasu biex toqtlu. Kieku dak il-ħin Ġagħel ħadet żball, Sisera kien iqum u joqtolha b’mod krudili, imma hi ma ħadet l-ebda żball. Mingħajr ma qagħdet taħsibha, sammret il-musmar fil-ġenb taʼ rasu u b’hekk miet!
Mal-ħin, l-Imħallef Barak ġie jfittex lil Sisera. Ġagħel ħarġet barra biex tiltaqaʼ miegħu u qaltlu, “Ejja ħa nurik ir-raġel li qed tfittex.” Hekk kif daħal fit-tinda, hu ra li l-profezija li qalet Debora kienet twettqet: “Ġeħova se jagħti lil Sisera f’idejn mara.”
Barak u Debora kantaw għanja biex jiċċelebraw ir-rebħa tal-Iżraelin u fiha faħħru lil Ġagħel. Wara dan, Ġagħel ma reġgħetx issemmiet fil-Bibbja. Però, avolja għaddew iktar minn 3,200 sena, xorta għadna nitgħallmu mill-eżempju tal-għaġeb tagħha. Illum, in-nies t’Alla ma jiġġildux fi gwerer, la bl-armi u lanqas b’xi għodod oħra. Iżda aħna qed niġġieldu kontra l-influwenza taʼ Satana, id-demonji, u din id-dinja ħażina. U llum, iktar minn qatt qabel, għandna bżonn il-kuraġġ li wriet Ġagħel.
Aqra l-istorja mill-Bibbja:
Biex tiddiskuti:
Ġagħel kif uriet kuraġġ?
Fittex Iktar
1. X’affarijiet simili hemm bejn il-gwerra li ġġieled Sisera u l-gwerra t’Armageddon? U x’nitgħallmu minnhom? (w19.09 8-9 ¶3-6)
2. Ir-raġel taʼ Ġagħel, Ħeber, kien jissapportja lill-Kangħanin, l-għedewwa tal-Iżraelin. Imma Ħeber kif kien jiġi mill-Iżraelin? (it “Ħeber” Nru. 2-wcgr)
3. Ir-rebħa li kellhom l-Iżraelin fuq Sisera u Ġabin kif saħħet il-fidi tan-nies t’Alla ħafna snin wara? (w08 10/15 14-15 ¶12-15)
4. X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Debora faħħret lil Ġagħel? (Imħ. 5:24; w15 8/1 15 ¶3-wcgr) A
Stampa A
Stampa A
Aħseb Fuq Dak li Tistaʼ Titgħallem
Oħt li r-raġel tagħha mhux fil-verità meta jaf għandha bżonn turi kuraġġ bħalma wriet Ġagħel?
Ġagħel ma kinitx profetessa bħal Debora u lanqas suldat bħal Barak. Imma hi xorta għamlet kulma setgħet. Kif nistgħu nimitaw l-attitudni tagħha minkejja xi limitazzjonijiet li jistaʼ jkollna? B
Stampa B
B’liema modi oħra tistaʼ timita l-kuraġġ li wriet Ġagħel?
Ħu l-Ħin Biex Taħseb Dwar Dawn il-Mistoqsijiet
Din l-istorja x’tgħallimni dwar Ġeħova?
Din l-istorja kif inhi marbuta mal-iskop taʼ Ġeħova?
Meta Ġeħova jirxoxta lil Ġagħel x’nixtieq nistaqsiha?
Tgħallem Iktar
F’dan il-vidjow, innota kif l-eżempju taʼ Ġagħel immotiva żagħżugħa biex tagħti xhieda.
Imita lil Dawk Kuraġġużi u Mhux lill-Beżżiegħa!—Lil Ġagħel u Mhux lin-Nies taʼ Meroż (1:40)
Ġagħel hi waħda mill-ħafna nisa li minnhom nistgħu nitgħallmu ħafna lezzjonijiet importanti. Aqra dwar ftit minnhom.
“Nisa fil-Bibbja—X’Nistgħu Nitgħallmu Minnhom?” (ijwbq artiklu 161)