LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 3/15 pp. 19-23
  • Ġeħova—Il-Post Fejn Ngħammru Aħna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova—Il-Post Fejn Ngħammru Aħna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĠEĦOVA—‘POST FEJN GĦAMMRU’ L-​QADDEJJA TIEGĦU TAL-​QEDEM
  • ĠEĦOVA—“POST FEJN NGĦAMMRU” AĦNA LLUM
  • IL-​“POST FEJN NGĦAMMRU” HEKK KIF JOQROB IT-​TMIEM
  • Ġakobb Apprezza l-Valuri Spiritwali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Ġeħova —“L-Alla li Jagħti l-Paċi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • ‘Hu l-Alla tal-Ħajjin’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Ġakobb u Għesaw jagħmlu paċi
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 3/15 pp. 19-23

Ġeħova—Il-​Post Fejn Ngħammru Aħna

“O Ġeħova, int kont għalina post fejn ngħammru minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.” —SALM 90:1.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Ġeħova kif wera li kien ‘post fejn jgħammru’ l-​irġiel leali tal-​qedem?

  • X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju t’Abraham?

  • Kif nistgħu nuru li Ġeħova hu l-​“post fejn ngħammru”?

1, 2. Il-​qaddejja t’Alla kif ħassewhom dwar is-​sistema dinjija, u f’liema sens għandhom dar?

TĦOSSOK sigur u komdu f’din id-​dinja mill-​agħar, bħalma tħossok f’darek? Jekk le, int tħossok bħalma ħassewhom qaddejja oħrajn taʼ Ġeħova. Matul iż-​żminijiet, dawk li verament ħabbew lil Ġeħova ħassewhom bħal stranġieri, jew barranin, f’din is-​sistema dinjija. Pereżempju, waqt li marru minn post għall-​ieħor fl-​art taʼ Kangħan, il-​qaddejja leali t’Alla “stqarrew pubblikament li kienu stranġieri u residenti temporanji.”—Ebr. 11:13.

2 Bl-​istess mod, is-​segwaċi midlukin taʼ Kristu, li ‘għandhom iċ-​ċittadinanza tagħhom fis-​smewwiet,’ iqisu lilhom infushom bħala “barranin u residenti temporanji” fis-​sistema preżenti. (Flp. 3:20; 1 Pt. 2:11) In-​“nagħaġ oħrajn” taʼ Kristu wkoll “m’humiex parti mid-​dinja, bħalma [Ġesù ma kienx] parti mid-​dinja.” (Ġw. 10:16; 17:16) Madankollu, in-​nies t’Alla għandhom “dar.” Fil-​fatt, aħna ngawdu l-​protezzjoni tal-​iktar dar sigura u taʼ mħabba li wieħed jistaʼ jimmaġina, dar li tingħaraf permezz tal-​għajnejn tal-​fidi. Mosè kiteb: “O Ġeħova, int kont għalina post fejn ngħammru minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.” (Salm 90:1) Ġeħova kif ta prova li kien ‘post fejn jgħammru’ l-​qaddejja leali tiegħu fi żmien il-​qedem? Kif inhu ‘post fejn jgħammru’ n-​nies tiegħu llum? U kif se jagħti prova li jkun l-​uniku post fejn ngħammru fil-​futur?

ĠEĦOVA—‘POST FEJN GĦAMMRU’ L-​QADDEJJA TIEGĦU TAL-​QEDEM

3. Maʼ xiex jitqabbel Ġeħova f’Salm 90:1, u għala?

3 Kultant, il-​Bibbja tqabbel lil Ġeħova m’affarijiet li nistgħu naraw sabiex inkunu nistgħu nifhmu aħjar il-​personalità tiegħu. Pereżempju, Salm 90:1 iqabbel lil Ġeħova maʼ “post fejn ngħammru,” jew dar. Meta naħsbu f’dar, inġibu quddiem għajnejna post fejn hemm l-​imħabba, il-​paċi, u l-​protezzjoni. Ġeħova għala jitqabbel maʼ dar? Il-​Bibbja tgħid li Ġeħova hu mħabba. (1 Ġw. 4:8) Tgħid ukoll li hu l-​Alla tal-​paċi u li jipproteġi lill-​qaddejja tiegħu. (Salm 4:8) Bħala eżempju, ejja nikkunsidraw kif Ġeħova kien bħal dar għall-​patrijarki, jiġifieri l-​qaddejja leali tiegħu bħal Abraham, Iżakk, u Ġakobb.

4, 5. Alla kif wera li kien ‘post fejn jgħammar’ għal Abraham?

4 Nistgħu biss nimmaġinaw kif ħassu Abraham meta Ġeħova qallu: “Itlaq minn artek u minn qrabatek . . . u mur fl-​art li se nurik.” Jekk Abraham ħass xi ansjetà, bla dubju li din għosfrot bil-​kliem li Ġeħova qallu wara: “Nagħmel ġens kbir minnek u nbierkek u nagħmel ismek kbir . . . U nbierek lil min ibierkek, u nisħet lil min jisħtek.”—Ġen. 12:1-​3.

5 B’dan il-​kliem, Ġeħova wiegħed li jsir post sigur fejn jgħammar għal Abraham u d-​dixxendenti tiegħu. (Ġen. 26:1-​6) Ġeħova wettaq il-​wegħda tiegħu. Pereżempju, hu ma ħalliex li l-​Fargħun tal-​Eġittu u li s-​Sultan Abimelek taʼ Gerar jisirqu lil Sara u joqtlu lil Abraham. Hu pproteġa lil Iżakk u Rebekka bl-​istess mod. (Ġen. 12:14-​20; 20:1-​14; 26:6-​11) Naqraw: “[Ġeħova] ma ħalla lil ebda bniedem jimbroljahom, imma minħabba fihom hu widdeb lis-​slaten, u qal: ‘Tmissux lill-​midlukin tiegħi, u tagħmlux deni lill-​profeti tiegħi.’”—Salm 105:14, 15.

“Mhux se nitilqek”

6. Iżakk x’qallu jagħmel lil Ġakobb, u kif għandu mnejn ħassu Ġakobb?

6 Dawn il-​profeti inkludew lin-​neputi t’Abraham, Ġakobb. Meta wasal iż-​żmien biex Ġakobb jiżżewweġ mara, Iżakk, missieru, qallu: “Tiħux mara mill-​bniet taʼ Kangħan. Qum, mur il-​Fiddien-​aram fid-​dar taʼ Betwel, missier ommok, u minn hemmhekk ħu mara għalik mill-​bniet taʼ Laban.” (Ġen. 28:1, 2) Fil-​pront, Ġakobb obda lil Iżakk. Hu ħalla s-​sigurtà taʼ familtu f’Kangħan u vvjaġġa mijiet taʼ kilometri lejn l-​inħawi taʼ Ħaran, aktarx waħdu. (Ġen. 28:10) Forsi beda jaħseb: ‘Kemm se ndum ma niġi lura? Se jieħu pjaċir jarani zijuwi u jagħtini mara li għandha l-​biżaʼ t’Alla?’ Jekk Ġakobb kien qed jinkwieta b’dan il-​mod, l-​inkwiet tiegħu żgur li għosfor meta wasal Luż, xi 100 kilometru bogħod minn Bir-​xeba. X’ġara f’Luż?

7. Alla kif serraħ moħħ Ġakobb permezz taʼ ħolma?

7 F’Luż, Ġeħova deher f’ħolma lil Ġakobb u qallu: “Ara, jien miegħek u se nħarsek fit-​triq kollha li sejjer fiha u se nġibek lura lejn din l-​art, għax mhux se nitilqek sakemm inkun fil-​fatt wettaqt kulma għedtlek.” (Ġen. 28:15) Min jaf kemm dan il-​kliem inkuraġġanti farraġ lil Ġakobb u serraħlu moħħu! Tistaʼ ġġibu quddiem għajnejk wara din il-​ġrajja, ħerqan biex jara kif Alla kien se jwettaq kelmtu? Jekk ħallejt darek, forsi biex taqdi f’pajjiż barrani, x’aktarx li tifhem l-​emozzjonijiet taʼ Ġakobb. Iżda, bla dubju, int rajt b’għajnejk stess kemm Ġeħova ħa ħsiebek.

8, 9. B’liema modi Ġeħova wera li kien ‘post fejn jgħammar’ għal Ġakobb, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?

8 Meta Ġakobb wasal Ħaran, zijuh Laban laqgħu bil-​ferħ u iktar tard tah lil Lea u lil Rakele b’nisa tiegħu. Iżda maż-​żmien, Laban ipprova jieħu vantaġġ minn Ġakobb billi biddillu ħlasu għaxar darbiet. (Ġen. 31:41, 42) Madankollu, Ġakobb issaporta dawn l-​inġustizzji u kien fiduċjuż li Ġeħova kien se jkompli jieħu ħsiebu—u hekk għamel! Tabilħaqq, sa meta Alla qal lil Ġakobb biex imur lura Kangħan, il-​patrijarka kellu “mrieħel kbar ħafna, qaddejja nisa u rġiel, iġmla, u ħmir.” (Ġen. 30:43) B’apprezzament profond, Ġakobb talab: “Jien ma jistħoqqulix il-​qalb tajba bl-​imħabba kollha u l-​fedeltà kollha li int urejt mal-​qaddej tiegħek, għax meta qsamt dan il-​Ġordan kelli biss il-​ħatar tiegħi u issa sirt żewġ kampijiet.”—Ġen. 32:10.

9 Dawn l-​eżempji juru kemm kien minnu l-​kliem taʼ Mosè: “O Ġeħova, int kont għalina post fejn ngħammru minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni”! (Salm 90:1) Dan il-​kliem bl-​istess mod japplika llum għaliex Ġeħova, li “ma jinbidilx u m’huwiex bħal dell li jiċċaqlaq,” jibqaʼ jkun post taʼ sigurtà u mħabba fejn jgħammru l-​uħud leali tiegħu. (Ġak. 1:17) Ejja naraw kif.

ĠEĦOVA—“POST FEJN NGĦAMMRU” AĦNA LLUM

10. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jkompli jkun post sigur fejn jgħammru l-​qaddejja tiegħu?

10 Immaġina din is-​sitwazzjoni: Tinsab il-​qorti biex tixhed kontra organizzazzjoni kriminali globali. Il-​mexxej tagħha hu giddieb u qattiel intelliġenti, setgħan, u kiefer ħafna. Kif kont se tħossok fi tmiem il-​ġurnata meta toħroġ mill-​qorti? Protett? Xejn affattu! Tabilħaqq, kien ikollok raġuni tajba biex titlob għal protezzjoni. Dan kollu juri s-​sitwazzjoni tal-​qaddejja taʼ Ġeħova, li bil-​qlubija jagħtu xhieda dwar Ġeħova u bla biżaʼ jikxfu lill-​ikbar għadu krudil tiegħu, Satana! (Aqra Rivelazzjoni 12:17.) Imma rnexxielu Satana jagħlaq ħalq il-​poplu t’Alla? Le! Fil-​fatt, aħna nkomplu mexjin ’il quddiem spiritwalment—realtà li jistaʼ jkollha spjegazzjoni waħda biss: Ġeħova għadu l-​kenn tagħna, “post fejn ngħammru” aħna, speċjalment matul dawn l-​aħħar jiem. (Aqra Isaija 54:14, 17.) Madankollu, Ġeħova ma jistax ikun post sigur fejn ngħammru jekk inħallu lil Satana jħajjarna nitbiegħdu mill-​post fejn ngħammru.

L-​anġli t’Alla jappoġġaw u jipproteġu lill-​qaddejja tiegħu

11. Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu mill-​patrijarki?

11 Għal darb’oħra, ejja nitgħallmu lezzjoni mill-​patrijarki. Għalkemm kienu jgħixu fl-​art taʼ Kangħan, huma baqgħu separati min-​nies tal-​pajjiż u bagħdu l-​ħajja immorali li kienu jgħixu dawn in-​nies. (Ġen. 27:46) Huma kienu rġiel taʼ prinċipju li ma ddependewx minn lista twila t’affarijiet taʼ x’kellhom jew x’ma kellhomx jagħmlu. Kienu jafu dak li Ġeħova jħobb u jobgħod. Għalhekk, għamlu dak kollu li setgħu biex ma jsirux parti mid-​dinja. X’eżempju mill-​aħjar ħallewlna! Tistinka int biex timita lill-​patrijarki leali fl-​għażla tiegħek tal-​ħbieb u d-​divertiment? B’sogħba, xi wħud fil-​kongregazzjoni Kristjana juru li, għall-​inqas sa ċertu punt, huma jħossuhom komdi fid-​dinja taʼ Satana. Anke jekk tħossok xi ftit b’dan il-​mod, itlob dwar din il-​ħaġa. Ftakar, din id-​dinja hi taʼ Satana. Bħalu, hi egoista u ma jimpurtahiex minna.—2 Kor. 4:4; Efes. 2:1, 2.

12. (a) Ġeħova kif jipprovdi għall-​qaddejja tiegħu? (b) Kif tħossok int dwar dawn il-​provvedimenti?

12 Sabiex inżommu sod kontra t-​tnassis taʼ Satana, jeħtieġ li nieħdu vantaġġ sħiħ mill-​provvedimenti spiritwali li Ġeħova jagħti lill-​qaddejja tiegħu, lil dawk li jagħmluh il-​post fejn jgħammru. Dawn il-​provvedimenti jinkludu l-​laqgħat Kristjani, il-​qima tal-​familja, u l-​“irġiel bħala għotjiet”—ir-​rgħajja maħturin minn Alla biex ifarrġuna u jappoġġawna hekk kif nissieltu mal-​isfidi tal-​ħajja. (Efes. 4:8-​12) Ħuna George Gangas, li kien membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna għal snin sħaħ, kiteb: “Meta nkun fost [il-​poplu t’Alla] nħossni bħallikieku qiegħed id-​dar maʼ familti, f’ġenna spiritwali.” Tħossok bħalu?

13. Liema lezzjoni importanti nistgħu nisiltu minn Ebrej 11:13?

13 Kwalità oħra tal-​patrijarki taʼ min jimitaha hi li m’għandniex nibżgħu nkunu differenti min-​nies taʼ madwarna. Bħalma rajna fl-​ewwel paragrafu, huma “stqarrew pubblikament li kienu stranġieri u residenti temporanji f’dik l-​art.” (Ebr. 11:13) Determinat int biex turi li int differenti? Ngħiduha kif inhi, mhuwiex dejjem faċli li nagħmlu dan. Imma bl-​għajnuna t’Alla u bl-​appoġġ mingħand sħabek il-​Kristjani tistaʼ tirnexxi. Ftakar, m’intix waħdek. Dawk kollha li jridu jaqdu lil Ġeħova għandhom ġlieda x’jiffaċċjaw. (Efes. 6:12) Xorta waħda, hija ġlieda li nistgħu nirbħu jekk nafdaw f’Ġeħova u nagħmluh il-​post sigur fejn ngħammru.

14. Abraham liema “belt” stenna?

14 Dan ukoll huwa importanti: Imita lil Abraham billi żżomm għajnejk fuq il-​premju. (2 Kor. 4:18) L-​appostlu Pawlu kiteb li Abraham “kien qed jistenna l-​belt li għandha sisien taʼ veru, li l-​bennej tagħha u dak li għamilha hu Alla.” (Ebr. 11:10) Dik il-​“belt” hija s-​Saltna Messjanika. M’għandniex xi ngħidu, Abraham kellu jistenna din il-​“belt.” F’ċertu sens, aħna le. Din qed taħkem issa fis-​sema. Iżjed minn hekk, il-​profeziji tal-​Bibbja juru ċar li dalwaqt se jkollha kontroll sħiħ tad-​dinja. Hija din is-​Saltna reali għalik? Teffettwalek hi l-​attitudni tiegħek lejn il-​ħajja, kif tqis din id-​dinja, u l-​prijoritajiet tiegħek?—Aqra t-​2 Pietru 3:11, 12.

IL-​“POST FEJN NGĦAMMRU” HEKK KIF JOQROB IT-​TMIEM

15. Liema futur hemm jistenna lil dawk li jafdaw f’din id-​dinja?

15 Il-​problemi f’din id-​dinja se jmorru għall-​agħar qabel it-​tmiem. (Mt. 24:7, 8) L-​affarijiet żgur li se jmorru għall-​agħar matul it-​tribulazzjoni l-​kbira. Madwar id-​dinja, se jkun hemm qerda u konfużjoni, u n-​nies se jkunu mwerwrin. (Ħab. 3:16, 17) Iddisprati għall-​aħħar, huma bħallikieku se jfittxu kenn “fl-​għerien u fil-​blat tal-​muntanji.” (Riv. 6:15-​17) Imma l-​ebda għar mhu se jipproteġihom, lanqas mhu se jipproteġihom xi negozju jew organizzazzjoni politika kbira.

16. Kif għandna nqisu l-​kongregazzjoni Kristjana, u għala?

16 Madankollu, fit-​tribulazzjoni l-​kbira n-​nies taʼ Ġeħova se jkomplu jgawdu s-​sigurtà tal-​‘post fejn jgħammru,’ Alla Ġeħova. Bħall-​profeta Ħabakkuk, huma ‘se jifirħu b’Ġeħova.’ Huma ‘se jithennew bl-​Alla tas-​salvazzjoni tagħhom.’ (Ħab. 3:18) B’liema modi Ġeħova se juri li jkun ‘post fejn ngħammru’ matul dak iż-​żmien diffiċli? Ikollna nistennew u naraw. Imma nistgħu nkunu ċerti minn dan: Bħall-​Iżraelin fi żmien l-​Eżodu, il-​“folla kbira” se tibqaʼ organizzata, dejjem għassa għad-​direzzjoni divina. (Riv. 7:9; aqra Eżodu 13:18.) Din id-​direzzjoni se tiġi b’mod teokratiku, probabbilment permezz tal-​arranġament tal-​kongregazzjoni. Isaija 26:20 isemmi “l-​kmamar taʼ ġewwa” li se jipproteġu lill-​poplu t’Alla. Dawn jistgħu jirreferu għall-​kongregazzjonijiet madwar id-​dinja. (Aqra Isaija 26:20.) Tapprezza int il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni? Taġixxi fil-​pront għad-​direzzjoni li Ġeħova jipprovdi permezz tal-​arranġament tal-​kongregazzjoni?—Ebr. 13:17.

17. B’liema mod Ġeħova hu ‘post fejn jgħammru’ anke l-​qaddejja leali tiegħu li mietu?

17 Anke dawk li forsi jmutu leali qabel tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira jibqgħu siguri maʼ Ġeħova, il-​‘post fejn jgħammru.’ Kif? Ħafna wara li mietu l-​patrijarki leali, Ġeħova qal lil Mosè: “Jien l-​Alla . . . t’Abraham, l-​Alla taʼ Iżakk, u l-​Alla taʼ Ġakobb.” (Eżo. 3:6) Wara li kkwota dan il-​kliem, Ġesù kompla jgħid: “Hu mhux Alla tal-​mejtin, imma tal-​ħajjin, għax kollha ħajjin għalih.” (Lq. 20:38) Iva, għal Ġeħova, l-​uħud leali li mietu huma daqslikieku ħajjin; l-​irxoxt tagħhom hu ċertezza.—Ekk. 7:1.

18. Fid-​dinja l-​ġdida, Ġeħova kif se juri li jkun ‘post fejn jgħammar’ il-​poplu tiegħu b’mod speċjali?

18 Fid-​dinja l-​ġdida li tinsab fil-​qrib, Ġeħova se jsir ‘post fejn jgħammar’ il-​poplu tiegħu b’mod speċjali. Rivelazzjoni 21:3 jgħid: “Ara! It-​tinda t’Alla hi mal-​bnedmin, u hu jgħammar magħhom.” Ġeħova se juża lil Ġesù Kristu biex jaħkem għal fuq l-​art għall-​ewwel elf sena. Fi tmiem l-​elf sena, Ġesù se jagħti s-​Saltna lura lil Missieru, wara li jkun wettaq bis-​sħiħ l-​iskop t’Alla għall-​art. (1 Kor. 15:28) Minn hemm ’il quddiem, il-​bnedmin perfetti ma jkollhomx iżjed bżonn lil Ġesù bħala interċessur; Ġeħova se jkun magħhom. Xi prospett meraviljuż għandna quddiemna! Mela, sadanittant, ejja nistinkaw biex nimitaw lill-​ġenerazzjonijiet leali tal-​passat billi nagħmlu lil Ġeħova l-​“post fejn ngħammru.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja