ERSAQ QRIB LEJN ALLA
“Liema Hu l-Ewwel Kmandament Fosthom Kollha?”
Alla x’jeħtieġ minna? Hemm viżibilju taʼ regoli li rridu nsegwu? Fortunatament, ir-risposta hi le. Skont l-Iben t’Alla stess, Ġesù Kristu, dak li Alla jeħtieġ minna jistaʼ jinġabar f’kelma waħda.—Aqra Marku 12:28-31.
L-ewwel ikkunsidra l-kuntest tal-kliem taʼ Ġesù. Hu kien qed jgħallem fit-tempju fil-11 taʼ Nisan, ftit jiem qabel mewtu. L-għedewwa tiegħu pprovaw idaħħluh f’nassa billi staqsewh mistoqsijiet kontroversjali. Kull darba, hu ħalliehom bla kliem bit-tweġibiet tiegħu. Imbagħad lil Ġesù staqsewh din il-mistoqsija: “Liema hu l-ewwel kmandament fosthom kollha?”—Vers 28.
Din kienet mistoqsija diffiċli għal-Lhud. Kien hemm 600 liġi fil-Liġi Mosajka, u xi Lhud kienu jikkustinjaw dwar liema minnhom kienet l-ewwel, jew l-iktar importanti. Milli jidher, oħrajn kienu jisħqu li l-liġijiet kollha kellhom l-istess importanza u li kien ħażin li tqis xi liġijiet iktar importanti minn oħrajn. Ġesù kif kien se jwieġeb din il-mistoqsija?
Bi tweġiba, Ġesù ma semmiex kmandament wieħed imma tnejn. L-ewwel, hu qal: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.” (Vers 30; Dewteronomju 6:5) Għalkemm Ġesù semma l-qalb, il-moħħ, ir-ruħ, u s-saħħa separatament, kull waħda minn dawn ma tfissirx li hi kompletament differenti mill-oħra, imma kull waħda tirreferi għall-persuna ġewwinija.a B’hekk, l-imħabba għal Ġeħova għandha tinvolvi l-persuna kollha kemm hi, il-fakultajiet u r-riżorsi kollha tagħha. Xogħol taʼ referenza Biblika jispjega li dan ifisser li għandna nħobbu lil Alla kompletament u totalment. Għalhekk, jekk tħobb lil Alla b’dan il-mod se tagħmel l-aħjar li tistaʼ biex tgħix kull ġurnata b’tali mod li tikseb l-approvazzjoni tiegħu.—1 Ġwanni 5:3.
It-tieni, Ġesù qal: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Vers 31; Levitiku 19:18) L-imħabba għal Alla u l-imħabba għall-proxxmu jmorru id f’id. L-imħabba għall-proxxmu tiġi mill-imħabba tagħna għal Alla. (1 Ġwanni 4:20, 21) Jekk inħobbu l-proxxmu tagħna bħalna nfusna, se nittrattaw lil oħrajn kif irridu li huma jittrattaw lilna. (Mattew 7:12) Billi nagħmlu hekk, nuru li nħobbu lill-Alla li ħalaq lilna—u lilhom—fix-xbieha tiegħu.—Ġenesi 1:26.
Dak kollu li Ġeħova jeħtieġ mill-aduraturi tiegħu jistaʼ jinġabar f’kelma waħda: l-imħabba
Kemm huma importanti l-kmandamenti biex inħobbu lil Alla u lill-proxxmu? Ġesù qal: “M’hemm ebda kmandament ieħor akbar minn dawn.” (Vers 31) Fl-istess rakkont f’Mattew, Ġesù qal li l-kmandamenti l-oħra kollha jżommu fuq dawn it-tnejn.—Mattew 22:40.
Mhuwiex diffiċli li togħġob lil Alla. Dak kollu li hu jeħtieġ minna jistaʼ jinġabar f’kelma waħda: l-imħabba. Din dejjem kienet—u dejjem se tibqaʼ—il-qofol tal-qima vera. Imma l-imħabba mhijiex sempliċement sentiment jew xi ħaġa li tintwera bil-kliem biss, imma tintwera bl-azzjoni. (1 Ġwanni 3:18) Għala ma ssirx taf kif tistaʼ tikkultiva u turi l-imħabba tiegħek lejn Ġeħova, l-Alla li “hu mħabba”?—1 Ġwanni 4:8.
a Fil-Bibbja l-kelma ‘ruħ’ tirreferi għall-persuna kollha kemm hi. B’hekk ir-‘ruħ’ tistaʼ tinkludi l-‘qalb,’ il-‘moħħ,’ u s-‘saħħa.”