LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 12/15 pp. 3-5
  • Ġeħova Pproteġiehom fid-Dellijiet tal-Muntanji

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova Pproteġiehom fid-Dellijiet tal-Muntanji
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • FIL-​MOGĦDIJIET TAL-​KUNTRABANDISTI
  • “ĦAJKS” PERIKOLUŻI
  • LEZZJONI GĦALINA
  • ‘Int Aktar Maestuż mill-Muntanji’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Qabel u Wara—Minn Fama Ħażina għal Reputazzjoni Tajba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Tistmaha Int il-Letteratura Tagħna?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2002
  • Noffru l-Letteratura f’Territorju Fejn Hemm Iktar minn Lingwa Waħda
    Il-Ministeru tas-Saltna—2003
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 12/15 pp. 3-5

Ġeħova Pproteġiehom fid-​Dellijiet tal-​Muntanji

HEKK kif il-​mara toħroġ mill-​bieb mas-​sebħ filgħodu, tinnota pakkett fuq l-​għatba tal-​bieb. Tiġbru u tħares madwarha, imma m’hemm ħadd fit-​triq. Xi ħadd mhux magħruf ħallieh hemm matul il-​lejl. Tiftaħ ftit il-​pakkett u minnufih tidħol ġewwa u tagħlaq il-​bieb. Mhux taʼ b’xejn! Il-​pakkett fih letteratura Biblika pprojbita! Waqt li tgħannaq il-​pakkett, hi tgħid talba f’qalbha ħalli tirringrazzja lil Ġeħova għall-​ikel prezzjuż spiritwali.

Xeni bħal dawn seħħew fil-​Ġermanja matul is-​snin 30. Wara li fl-​1933 telgħu n-​Nazi fil-​gvern, ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Ġeħova ġie pprojbit f’ħafna partijiet tal-​pajjiż. “Konna konvinti li x-​xandir dwar Ġeħova u ismu ma setax jiġi mwaqqaf minn xi liġi tal-​bniedem,” jgħid Richard Rudolph, li issa għandu iktar minn 100 sena.a “Il-​letteratura Biblika kienet importanti għall-​istudju u l-​ministeru tagħna. Madankollu, minħabba li l-​letteratura kienet ipprojbita, ma baqgħetx aktar faċli biex tinkiseb. Bdejna nitħassbu kif se jitkompla x-​xogħol.” Richard ma damx ma tgħallem li setaʼ jgħin biex jagħmel dan ix-​xogħol b’mod mhux tas-​soltu. Kien se jsir fid-​dellijiet tal-​muntanji.—Mħ. 9:36.

FIL-​MOGĦDIJIET TAL-​KUNTRABANDISTI

Imxi lejn in-​Nofsinhar mill-​Baħar tat-​Tramuntana u segwi x-​Xmara Elbe (jew, Labe). Eventwalment tispiċċa fuq il-​Muntanji Giant (Krkonoše), li fil-​preżent huma fuq il-​fruntiera taʼ bejn ir-​Repubblika Ċeka u l-​Polonja. Għalkemm il-​muntanji huma għoljin biss xi 1,600 metru, xorta waħda ssejħu gżira artika f’nofs l-​Ewropa. Sa 3 metri borra jiksu l-​qċaċet tal-​muntanji għal xi sitt xhur. Dawk li ma jiħdux bis-​serjetà t-​temp imprevedibbli jistgħu jinqabdu fi ċpar oħxon li f’ħakka t’għajn jiksi l-​qċaċet.

Matul is-​sekli, dan il-​grupp taʼ muntanji fforma fruntiera naturali bejn il-​provinċji, is-​saltniet, u l-​istati. L-​art perikoluża kienet diffiċli biex tiġi mgħassa, u allura fil-​passat, ħafna nies f’dawn l-​akkwati daħħlu affarijiet b’kuntrabandu minn fuq dawn il-​muntanji. Fis-​snin 30, meta l-​Muntanji Giant kienu jisseparaw iċ-​Ċekoslovakkja u l-​Ġermanja, ix-​Xhieda determinati bdew jużaw il-​mogħdijiet abbandunati mill-​kuntrabandisti. Għal liema raġuni? Sabiex jittrasportaw letteratura prezzjuża Biblika minn fejn kienet iktar faċli biex tinkiseb. Iż-​żagħżugħ Richard kien wieħed minn dawn ix-​Xhieda.

Aħwa rġiel u nisa lebsin taʼ ħajkers ġarrew letteratura minn fuq il-​Muntanji Giant għal ġol-​Ġermanja

“ĦAJKS” PERIKOLUŻI

“Kull tmiem il-​ġimgħa, fi gruppi taʼ xi sebaʼ aħwa rġiel żgħażagħ lebsin taʼ ħajkers, irħejnielha għal fuq il-​muntanji,” jiftakar Richard. “Min-​naħa tal-​Ġermanja, kien jiħdilna xi tliet sigħat biex naqsmu l-​muntanji u naslu Špindlerův Mlýn”—post turistiku xi 17-​il kilometru ’l bogħod, fuq in-​naħa taċ-​Ċekoslovakkja. Dak iż-​żmien kien hemm ħafna Ġermaniżi jgħixu f’dawk l-​inħawi. Wieħed minnhom kien bidwi li kien jaqbel li jikkoopera maʼ ħutna. Dan uża vagun, li jinġibed miż-​żwiemel u li normalment kien jintuża biex jittrasporta t-​turisti, biex jiġbor kaxex tal-​letteratura minn raħal fil-​viċin, li kienu jintbagħtu bit-​trejn minn Praga. Hu kien jieħu l-​kaxex fir-​razzett tiegħu u jaħbihom fejn jinżamm it-​tiben biex jistennew lil min kellu jieħu l-​letteratura għan-​naħa tal-​Ġermanja.

Richard ikompli jgħid: “Wara li konna naslu r-​razzett, konna nimlew il-​barżakki li kienu disinjati b’mod partikulari għal ħafna toqol. Kull wieħed minna kien iġorr xi 50 kilogramm.” Biex ma jinqabdux, kienu jimxu fid-​dawl tal-​qamar, jibdew minn inżul ix-​xemx u jaslu d-​dar qabel tlugħ ix-​xemx. Ernst Wiesner, li f’dak iż-​żmien kien indokratur tas-​circuit, iddeskriva xi affarijiet oħra li kienu jagħmlu biex ma jinqabdux: “Żewġ aħwa rġiel kienu jitilqu qabel l-​oħrajn, u kull meta kienu jiltaqgħu maʼ xi ħadd minnufih kienu jagħmlu sinjal bit-​torċijiet tagħhom. Dan kien sinjal għall-​aħwa li kellhom barżakki tqal u li kienu qed isegwuhom xi 100 metru warajhom sabiex jinħbew fis-​siġar tul it-​triq. Dan kellhom jagħmluh sakemm iż-​żewġ aħwa rġiel li kienu quddiemhom kienu jiġu lura u jagħtuhom ċerta password, li kienet tinbidel kull ġimgħa.” Però, il-​pulizija Ġermaniżi bl-​uniformi blu ma kinux l-​uniku periklu.

“Lejla minnhom kelli naħdem iktar mis-​soltu,” jiftakar Richard, “allura tlaqt lejn iċ-​Ċekoslovakkja iktar tard minn ħuti. Kien id-​dlam u ċ-​ċpar, u kont qed nitriegħed hekk kif imxejt fix-​xita inġazzata. Intlift fis-​siġar żgħar, u ma stajtx insib triqti lura għal diversi sigħat. Ħafna ħajkers hekk mietu. Kien biss meta ħuti kienu ġejjin lura kmieni filgħodu li ltqajt magħhom.”

Għal xi tliet snin, il-​grupp żgħir t’aħwa kuraġġużi kienu jmorru kull ġimgħa lejn il-​muntanji. Fix-​xitwa, ittrasferew it-​tagħbijiet prezzjużi tagħhom bl-​iskis jew bl-​islitti. Kultant, grupp taʼ mhux iktar minn 20 ħu kienu jaqsmu l-​fruntiera matul il-​jum, minn mogħdijiet li jintużaw minn min ikun qed jiħħajkja. Biex żgur jagħtu l-​impressjoni li qegħdin hemm sempliċement għal ħajk, marru magħhom xi aħwa nisa. Xi wħud min-​nisa mxew quddiem u waddbu l-​kpiepel fl-​arja meta ssuspettaw li kien hemm xi periklu.

Qċaċet miksijin bil-​borra għamluha diffiċli biex l-​aħwa jaqsmu l-​Muntanji Giant

X’kien jiġri wara li dawn l-​aħwa kienu jaslu lura mill-​vjaġġi taʼ billejl? Kien hemm arranġamenti biex jagħmlu ċert li l-​letteratura tkun imqassma mill-​ewwel. Kif? Il-​pubblikazzjonijiet kienu jiġu ppakkjati biex jidhru bħas-​sapun u jittieħdu lejn l-​istazzjon tat-​trejn f’Hirschberg. Il-​pakketti kienu jintbagħtu f’diversi postijiet fil-​Ġermanja, fejn l-​aħwa kienu jħalluhom, b’mod li ma jagħtix fil-​għajn, lil sħabhom fit-​twemmin bħalma hu deskritt fil-​bidu. Kien hemm ħafna aħwa involuti f’dan ix-​xogħol, u għalhekk anki jekk jinqabad wieħed minnhom kienu se jinqabdu oħrajn ukoll u setaʼ jkun hemm konsegwenzi serji ħafna. Fil-​fatt, darba minnhom b’mod mhux mistenni hekk ġara!

Fl-​1936, inkixef maħżen tal-​letteratura f’Berlin. Fost l-​affarijiet li nstabu hemmhekk kien hemm tliet pakketti li ntbagħtu minn xi ħadd mhux magħruf f’Hirschberg. Il-​pulizija analizzaw il-​kitba biex jidentifikaw lil membru importanti tal-​grupp kuntrabandist u arrestawh. Ftit wara, ġew arrestati żewġ suspettati oħrajn, inkluż Richard Rudolph. Minħabba li l-​aħwa aċċettaw ir-​responsabbiltà kollha, għal xi żmien, oħrajn setgħu jkomplu bil-​vjaġġi li baqgħu jsiru iktar perikolużi.

LEZZJONI GĦALINA

Il-​pubblikazzjonijiet li waslu f’barżakki minn fuq il-​Muntanji Giant irrappreżentaw ammont importanti taʼ letteratura Biblika għax-​Xhieda Ġermaniżi. Iżda l-​Muntanji Giant ma kinux l-​uniċi rotot li ntużaw. Sal-​1939, meta l-​armata Ġermaniża okkupat iċ-​Ċekoslovakkja, rotot simili eżistew tul il-​fruntiera taʼ dan il-​pajjiż. F’pajjiżi oħra li għandhom il-​fruntiera mal-​Ġermanja, bħal Franza, l-​Olanda, u l-​Iżvizzera, Xhieda fuq iż-​żewġ bnadi rriskjaw ħajjithom biex jagħtu ikel spiritwali lil sħabhom fit-​twemmin li kienu qed jiġu ppersegwitati.

Il-​maġġorparti minna llum għandna letteratura Biblika fi kwantità meħtieġa u f’diversi forom. Kemm jekk tikseb pubblikazzjoni ġdida mis-​Sala tas-​Saltna u kemm jekk tniżżilha mill-​Websajt jw.org/mt, għax ma taħsibx x’kien involut sakemm waslet għandek? Probabbilment ma kienx daqshekk drammatiku bħal li taqsam il-​qċaċet tal-​muntanji miksijin bil-​borra f’nofsillejl, imma żgur li jirrikjedi xogħol iebes minn ħafna minn sħabek fit-​twemmin li qed jaqduk b’mod mhux egoist.

a Hu qeda fil-​Kongregazzjoni taʼ Hirschberg f’Silesja. Il-​belt taʼ Hirschberg issa jisimha Jelenia Góra fin-​naħa tal-​Lbiċ tal-​Polonja.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja