LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 9/15 pp. 12-16
  • Agħmel it-Tfakkiriet ta’ Ġeħova l-Ferħ ta’ Qalbek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Agħmel it-Tfakkiriet ta’ Ġeħova l-Ferħ ta’ Qalbek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • SAĦĦAĦ IL-​FIDUĊJA TIEGĦEK BIT-​TALB
  • IMMEDITA FUQ IT-​TFAKKIRIET T’ALLA
  • SAĦĦAĦ IL-​FIDUĊJA TIEGĦEK B’ATTI TAʼ QIMA
  • It-Tfakkiriet ta’ Ġeħova Huma ta’ Min Jafdahom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Tħobbhom Ħafna Int it-Tfakkiriet taʼ Jehovah?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Saħħaħ il-Fiduċja Tiegħek f’Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Dejjem afda f’Ġeħova!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 9/15 pp. 12-16

Agħmel it-​Tfakkiriet taʼ Ġeħova l-​Ferħ taʼ Qalbek

“It-​tfakkiriet tiegħek jien għamilthom tiegħi għal dejjem.” —SALM 119:111.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Għala għandna nkunu ferħanin li nobdu l-​kmandi taʼ Ġeħova?

  • X’nistgħu nagħmlu biex insaħħu l-​fiduċja tagħna f’Ġeħova?

  • Għala hu importanti li nibqgħu beżlin fis-​servizz t’Alla?

1. (a) In-​nies b’liema modi jwieġbu għat-​tfakkiriet, u għala? (b) Bniedem kburi kif jirreaġixxi għall-​pariri?

IN-​NIES iwieġbu għad-​direzzjoni b’mod differenti. Pereżempju, xi wħud għandhom mnejn jaċċettaw xi tfakkira mingħand xi ħadd li għandu l-​awtorità imma forsi jiċħduha mingħand xi ħadd tal-​età tagħhom jew xi ħadd li għandu inqas awtorità. Meta xi wħud jingħataw dixxiplina jew parir, forsi jħossuhom imnikktin, dipressi, jew imbarazzati. Imma oħrajn forsi jħossuhom motivati u kunfidenti u jkunu jridu jsiru aħjar. In-​nies għala jirreaġixxu b’mod tant differenti? Raġuni waħda hi l-​kburija. Meta xi ħadd kburi jingħata parir, hu jaħseb li ma japplikax għalih, allura jiċħdu u ma jibbenefikax mill-​istruzzjoni li setaʼ ngħata.—Prov. 16:18.

2. Il-​Kristjani veri għala japprezzaw il-​pariri mill-​Kelma t’Alla?

2 Mill-​banda l-​oħra, il-​Kristjani veri japprezzaw pariri t’għajnuna, speċjalment meta jkunu bbażati fuq il-​Kelma t’Alla. It-​tfakkiriet taʼ Ġeħova jgħinuna naraw il-​periklu taʼ kondotta ħażina. Pereżempju, jgħinuna nevitaw affarijiet li jagħmlulna l-​ħsara, bħall-​materjaliżmu, l-​immoralità sesswali, u l-​abbuż tad-​drogi u l-​alkoħol. (Prov. 20:1; 2 Kor. 7:1; 1 Tess. 4:3-​5; 1 Tim. 6:6-​11) Iktar minn hekk, aħna nifirħu bil-​‘kundizzjoni tajba tal-​qalb’ li tiġi meta nobdu t-​tfakkiriet t’Alla.—Is. 65:14.

3. Liema attitudni tas-​salmista għandna nimitaw?

3 Biex inżommu r-​relazzjoni prezzjuża tagħna maʼ Missierna tas-​sema, għandna nkomplu napplikaw l-​istruzzjonijiet għaqlin taʼ Ġeħova f’ħajjitna. Għandna nimitaw l-​attitudni tas-​salmista li kiteb: “It-​tfakkiriet tiegħek jien għamilthom tiegħi għal dejjem, għax huma l-​ferħ taʼ qalbi.” (Salm 119:111) Nitgħaxxqu aħna b’mod simili bil-​kmandamenti taʼ Ġeħova, jew kultant inqisuhom taʼ piż? Anki jekk kultant insibuha diffiċli biex naċċettaw xi parir li ningħataw, m’għandniex għax niddispraw. Nistgħu nikkultivaw fiduċja soda fl-​għerf superjuri t’Alla. Ejja nikkunsidraw tliet modi.

SAĦĦAĦ IL-​FIDUĊJA TIEGĦEK BIT-​TALB

4. X’kienet ħaġa waħda li qatt ma nbidlet fil-​ħajja taʼ David?

4 Il-​ħajja tas-​Sultan David ma kinitx kollha ward u żahar, minkejja dan kien hemm xi ħaġa li qatt ma nbidlet—il-​fiduċja sħiħa li kellu fil-​Ħallieq tiegħu. Hu qal: “Lilek, O Ġeħova, nitlob u noffri ruħi. O Alla tiegħi, fik poġġejt il-​fiduċja tiegħi.” (Salm 25:1, 2) X’għen lil David jiżviluppa fiduċja bħal din f’Missieru tas-​sema?

5, 6. X’tgħidilna l-​Kelma t’Alla dwar ir-​relazzjoni li David kellu maʼ Ġeħova?

5 Ħafna nies jitolbu lil Alla meta jkunu għaddejjin minn problemi serji biss. Xi ngħidu jekk l-​unika darba li tismaʼ mingħand xi ħabib jew qarib tkun meta jkollu bżonn il-​flus jew xi pjaċir mingħandek? Maż-​żmien, forsi tibda taħseb jekk dan il-​ħabib iħobbokx verament. Iżda David ma kienx hekk. Ir-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova wriet kemm kellu fidi fl-​Alla tiegħu u mħabba għalih matul ħajtu—fi żminijiet tajbin u fi żminijiet ħżiena.—Salm 40:8.

6 Innota l-​kliem taʼ David taʼ tifħir u radd il-​ħajr lil Ġeħova: “O Ġeħova Mulej tagħna, kemm hu maestuż ismek fl-​art kollha, int li d-​dinjità tiegħek imsemmija ’l fuq mis-​smewwiet!” (Salm 8:1) Tistaʼ tara minn kliem David x’relazzjoni mill-​qrib kellu maʼ Missieru tas-​sema? David tant baqaʼ impressjonat bil-​kobor u l-​glorja taʼ Ġeħova li tqanqal ifaħħar lil Ġeħova “l-​jum kollu.”—Salm 35:28.

7. Kif nibbenefikaw meta nersqu lejn Alla fit-​talb?

7 Bħal David, aħna għandna bżonn nikkomunikaw maʼ Ġeħova regolarment sabiex insaħħu l-​fiduċja fih. Il-​Bibbja tgħid: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” (Ġak. 4:8) Li nersqu qrib Alla fit-​talb huwa wkoll mod importanti kif niksbu l-​ispirtu qaddis.—Aqra l-​1 Ġwanni 3:22.

8. Għala għandna nevitaw li nużaw l-​istess kliem jew espressjonijiet kull darba li nitolbu?

8 Meta titlob, għandek it-​tendenza li tirripeti frażijiet jew tuża l-​istess espressjonijiet darba wara l-​oħra? Jekk iva, qabel ma tgħid it-​talba, ħu ftit minuti biex taħseb dwar dak li tixtieq tgħid. Biex nagħtu tixbiha: Kieku tgħid l-​istess affarijiet darba wara l-​oħra lill-​ħabib tiegħek kull darba li tarah, kif se jħossu? Forsi ma jkunx irid jibqaʼ jagħtik widen. M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova qatt mhu se jiċħad talba sinċiera taʼ wieħed mill-​qaddejja leali tiegħu. Imma għandna nipprovaw nevitaw li nirripetu l-​istess affarijiet kull darba li nitolbu.

9, 10. (a) X’nistgħu ninkludu fit-​talb tagħna? (b) X’jistaʼ jgħinna noffru talb mill-​qalb?

9 Ovvjament, it-​talb tagħna ma jistax ikun superfiċjali jekk irridu nersqu qrib lejn Alla. Iktar ma niftħu qalbna maʼ Ġeħova, iktar se nkunu qrib tiegħu u iktar se nafdaw fih. Iżda x’għandna ninkludu fit-​talb tagħna? Il-​Kelma t’Alla tgħid: “F’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.” (Flp. 4:6) Il-​fatt hu li kwalunkwe ħaġa li teffettwa r-​relazzjoni tagħna m’Alla jew il-​ħajja tagħna bħala wħud mill-​qaddejja tiegħu hi suġġett xieraq għat-​talb.

10 Nistgħu nitgħallmu ħafna mit-​talb taʼ rġiel u nisa leali tal-​passat. (1 Sam. 1:10, 11; Atti 4:24-​31) Pereżempju, il-​ktieb tas-​Salmi fih ġabra taʼ talb u għanjiet mill-​qalb lil Ġeħova. Kull sentiment uman, minn agunija għal ferħ kbir, jidher f’dan it-​talb u għanjiet. Studju taʼ dan it-​talb jistaʼ jgħinna nagħmlu talbna iktar sinifikanti.

IMMEDITA FUQ IT-​TFAKKIRIET T’ALLA

11. Għala għandna bżonn nimmeditaw fuq pariri Bibliċi?

11 David iddikjara: “It-​tfakkira taʼ Ġeħova taʼ min jafdaha, u tagħti l-​għerf lil min hu bla esperjenza.” (Salm 19:7) Iva, anki jekk m’għandniex esperjenza, nistgħu nsiru għorrief billi nobdu l-​kmandamenti t’Alla. Imma hemm xi pariri fil-​Bibbja li għandna nimmeditaw fuqhom jekk irridu nibqgħu leali f’kull sitwazzjoni tal-​ħajja. Pereżempju, jekk nimmeditaw fuq prinċipji Bibliċi nistgħu niġu megħjunin nibqgħu leali meta niġu ttantati nagħmlu xi ħaġa ħażina l-​iskola jew ix-​xogħol. Nistgħu niġu megħjunin ukoll nobdu l-​liġijiet t’Alla dwar id-​demm u n-​newtralità Kristjana u napplikaw il-​prinċipji Bibliċi meta nagħżlu l-​ilbies. Il-​meditazzjoni fuq il-​pariri t’Alla se tgħinna nippreparaw għal sitwazzjonijiet bħal dawn. Imbagħad inkunu nistgħu niddeċiedu x’se nagħmlu qabel ma tinqalaʼ s-​sitwazzjoni. Preparazzjoni bħal din tistaʼ tgħinna nevitaw żbalji taʼ wġigħ.—Prov. 15:28.

12. Li naħsbu dwar liema mistoqsijiet jistaʼ jgħinna nżommu t-​tfakkiriet t’Alla?

12 Hekk kif nistennew biex jitwettqu l-​wegħdi t’Alla, turi l-​ħajja tagħna li qed nibqgħu mqajmin spiritwalment? Pereżempju, nemmnu verament li Babilonja l-​Kbira dalwaqt se tinqered? Għadhom il-​barkiet futuri, bħall-​ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna, reali għalina daqskemm kienu meta l-​ewwel tgħallimna dwarhom? Żammejna ż-​żelu tagħna għall-​ministeru b’saħħtu, jew qed inpoġġu x-​xewqat tagħna l-​ewwel f’ħajjitna? Xi ngħidu għat-​tama tal-​irxoxt, it-​taqdis taʼ isem Ġeħova, u d-​dritt tiegħu li jkun is-​Sovran? Għadhom dawn kwistjonijiet vitali għalina? Meditazzjoni fuq mistoqsijiet bħal dawn tistaʼ tgħinna nagħmlu kif qal is-​salmista, inżommu t-​tfakkiriet t’Alla “għal dejjem.”—Salm 119:111.

13. Il-​Kristjani tal-​ewwel seklu għala sabuha diffiċli biex jifhmu ċerti affarijiet? Agħti eżempju.

13 Xi affarijiet imsemmijin fil-​Bibbja forsi ma nifhmuhomx bis-​sħiħ issa għax Ġeħova għażel li ma jispjegahomx għalissa. Ġesù qal lill-​appostli tiegħu darba wara l-​oħra li kien se jkollu jbati u jinqatel. (Aqra Mattew 12:40; 16:21.) Imma l-​appostli ma fehmux x’ried ifisser. Kien biss wara li Ġesù ġie rxoxtat, deher lid-​dixxipli tiegħu, u għenhom jifhmu l-​profeziji dwar il-​Kristu li fehmu dak li qal. (Lq. 24:44-​46; Atti 1:3) U kien biss wara li s-​segwaċi taʼ Kristu rċivew l-​ispirtu qaddis f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. li fehmu li s-​Saltna t’Alla kienet se taħkem mis-​sema.—Atti 1:6-​8.

14. Liema eżempju tajjeb ħallewlna ħutna fil-​bidu tas-​seklu 20?

14 B’mod simili, fil-​bidu tas-​seklu 20, il-​Kristjani veri kellhom stennijiet żbaljati dwar x’kien se jiġri matul “l-​aħħar jiem.” (2 Tim. 3:1) Pereżempju, fl-​1914, xi wħud ħasbu li dalwaqt kienu se jittieħdu fis-​sema, imma dan ma seħħx. Dawn il-​Kristjani komplew jistudjaw l-​Iskrittura u għarfu li l-​ewwel kellu jsir xogħol kbir taʼ ppritkar. (Mk. 13:10) Għaldaqstant, fl-​1922, J. F. Rutherford, li dak iż-​żmien kien qed jieħu t-​tmexxija fix-​xogħol tal-​ippritkar, qal lil dawk miġburin fil-​konvenzjoni internazzjonali f’Cedar Point, Ohio, l-​Istati Uniti tal-​Amerika: “Araw, is-​Sultan jirrenja! Intom l-​aġenti pubbliċitarji tiegħu. Għalhekk, irreklamaw, irreklamaw, irreklamaw, is-​Sultan u s-​saltna tiegħu.” Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, il-​qaddejja taʼ Ġeħova kienu magħrufin għall-​ippritkar tal-​“aħbar tajba tas-​saltna.”—Mt. 4:23; 24:14.

15. Kif nibbenefikaw billi nimmeditaw fuq il-​mod kif Alla ttratta mal-​poplu tiegħu?

15 Billi nimmeditaw fuq il-​mod meraviljuż kif Ġeħova ttratta mal-​poplu tiegħu, kemm fil-​passat kif ukoll fil-​preżent, aħna niksbu fiduċja akbar fl-​abbiltà li għandu li jwettaq ir-​rieda u l-​iskop tiegħu fil-​futur. Fl-​istess ħin, it-​tfakkiriet t’Alla jgħinuna nżommu ċar f’moħħna u qalbna l-​profeziji tiegħu li għad iridu jitwettqu. Nistgħu nkunu ċerti li billi nagħmlu hekk se niġu megħjunin inkabbru l-​fiduċja fil-​wegħdi tiegħu.

SAĦĦAĦ IL-​FIDUĊJA TIEGĦEK B’ATTI TAʼ QIMA

16. Liema barkiet ingawdu meta nibqgħu attivi fil-​ministeru?

16 Alla tagħna, Ġeħova, hu Alla dinamiku, Alla t’azzjoni. “Min għandu enerġija daqsek, O Jah?” saqsa s-​salmista. Hu kompla jgħid: “Idek b’saħħitha, lemintek fl-​għoli.” (Salm 89:8, 13) Minħabba li hu Alla t’azzjoni, Ġeħova japprezza u jbierek l-​isforz li nagħmlu fis-​servizz tiegħu. Hu jara li l-​qaddejja tiegħu—irġiel jew nisa, kbar jew żgħar—ma joqogħdux b’idejhom fuq żaqqhom u jieklu “ħobż l-​għażż.” (Prov. 31:27) Bħall-​Ħallieq tagħna, aħna nibqgħu beżlin f’attivitajiet teokratiċi. Meta nagħmlu l-​aħjar tagħna fis-​servizz t’Alla, dan jagħmilna wkoll ferħanin u jogħġob lil Ġeħova.—Aqra Salm 62:12.

17, 18. Il-​fiduċja tagħna f’Ġeħova kif tissaħħaħ meta nsegwu d-​direzzjonijiet tiegħu? Agħti eżempju.

17 L-​atti taʼ fidi b’liema mod jgħinuna nsaħħu l-​fiduċja f’Ġeħova? Aħseb dwar x’ġara meta l-​Iżraelin kienu se jidħlu fl-​Art Imwiegħda. Ġeħova kien idderieġa lill-​qassisin li kienu qed iġorru l-​arka tal-​patt biex jimmarċjaw dritt għal ġox-​Xmara Ġordan. Imma hekk kif in-​nies waslu qrib ix-​xmara, raw li l-​ilmijiet kienu għoljin u kienu għaddejjin b’ħeffa minħabba x-​xita tar-​rebbiegħa. X’kienu se jagħmlu l-​Iżraelin? Jikkampjaw ħdejn ix-​xmara u jistennew ġimgħat sħaħ jew saħansitra iktar biex l-​ilmijiet jonqsu? Le, huma fdaw kompletament f’Ġeħova u segwew id-​direzzjonijiet tiegħu. X’kien ir-​riżultat? Ir-​rakkont jgħid: “Hekk kif saqajn il-​qassisin messew l-​ilma, ix-​xmara waqfet, . . . u l-​qassisin qagħdu bilwieqfa f’nofs il-​qiegħ niexef tax-​xmara ħdejn Ġeriko waqt li kulħadd qasam għan-​naħa l-​oħra.” (Ġoż. 3:12-​17, Contemporary English Version) Immaġina kemm kienu ferħanin l-​Iżraelin meta dawk l-​ilmijiet li kienu għaddejjin b’ħeffa rawhom jieqfu! Tabilħaqq, il-​fidi tal-​Iżraelin f’Ġeħova ssaħħet għax fdaw fid-​direzzjonijiet tiegħu.

Se turi int li tafda f’Ġeħova bħalma għamlu l-​Iżraelin fi żmien Ġożwè? (Ara paragrafi 17, 18)

18 Veru, Ġeħova ma jwettaqx mirakli bħal dawn għall-​poplu tiegħu llum, imma hu jbierek l-​atti taʼ fidi tagħhom. Il-​forza attiva t’Alla tagħtihom il-​qawwa biex iwettqu x-​xogħol inkarigat lilhom taʼ li jippritkaw il-​messaġġ tas-​Saltna mad-​dinja kollha. U Ġesù Kristu, ix-​Xhud ewlieni taʼ Ġeħova, wiegħed lid-​dixxipli tiegħu li kien se jappoġġahom f’dan ix-​xogħol importanti. Hu qalilhom: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha. . . . Jien magħkom il-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.” (Mt. 28:19, 20) Ħafna Xhieda li forsi jħossuhom mistħijin jew eċċitati biex jitkellmu m’oħrajn jgħidu li l-​ispirtu qaddis t’Alla jagħtihom il-​kuraġġ biex jitkellmu maʼ stranġieri fil-​ministeru.—Aqra Salm 119:46; 2 Korintin 4:7.

19. Anki jekk ma nistgħux nagħmlu kemm nixtiequ fis-​servizz t’Alla, minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

19 Xi aħwa ma jistgħux jagħmlu kemm jixtiequ fis-​servizz t’Alla minħabba mard jew età avanzata. Però, jistgħu jkunu ċerti li “l-​Missier taʼ kull ħniena tenera u l-​Alla taʼ kull faraġ” jifhem iċ-​ċirkustanzi tagħhom. (2 Kor. 1:3) Hu jgħożż dak kollu li nistgħu nagħmlu fis-​servizz tiegħu. U lkoll kemm aħna rridu niftakru li s-​salvazzjoni tagħna tiddependi l-​aktar fuq il-​fidi tagħna fis-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa.—Ebr. 10:39.

20, 21. Liema huma xi modi li bihom nuru li nafdaw f’Ġeħova?

20 Il-​qima tagħna tinvolvi li nużaw il-​ħin, l-​enerġija, u l-​affarijiet materjali tagħna kemm nistgħu fis-​servizz t’Alla. Iva, aħna b’qalbna kollha rridu ‘nagħmlu x-​xogħol taʼ evanġelizzatur.’ (2 Tim. 4:5) Il-​fatt hu li aħna ferħanin nagħmlu dan, għax jgħin lil oħrajn “jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.” (1 Tim. 2:4) B’mod ċar, li nonoraw u nfaħħru lil Ġeħova jagħmilna għonja spiritwalment. (Prov. 10:22) U jgħinna jkollna fiduċja sħiħa fil-​Ħallieq tagħna, jiġri x’jiġri.—Rum. 8:35-​39.

21 Bħalma ddiskutejna, li nafdaw f’Ġeħova għal direzzjoni għaqlija ma jiġix awtomatikament; irridu naħdmu biex ikollna din il-​fiduċja. Allura, strieħ fuq Ġeħova bit-​talb. Immedita fuq kif Ġeħova wettaq il-​wegħdi tiegħu fil-​passat u kif se jagħmel l-​istess fil-​futur. U kompli saħħaħ il-​fiduċja tiegħek f’Ġeħova b’atti taʼ qima. Tabilħaqq, it-​tfakkiriet taʼ Ġeħova se jibqgħu għal dejjem. U jekk tagħti kas dawn it-​tfakkiriet, int tistaʼ tgħix għal dejjem!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja