KONT TAF?
L-esekuzzjoni tal-kriminali għala inkludiet il-ksur taʼ riġlejhom?
Dwar l-esekuzzjoni taʼ Ġesù u żewġ kriminali fuq iz-zokk tat-tortura, ir-rakkont tal-Evanġelju jgħid: “Il-Lhud talbu lil Pilatu biex jiksrulhom riġlejhom u jitneħħew l-iġsma.”—Ġwanni 19:31.
Il-liġi Lhudija kienet tgħid li l-ġisem taʼ kriminal imdendel fuq zokk wara l-esekuzzjoni “m’għandux jibqaʼ l-lejl kollu mdendel maz-zokk.” (Dewteronomju 21:22, 23) Milli jidher, il-Lhud applikaw l-istess regola għal dawk li kienu jinqatlu fuq zokk mir-Rumani. F’dan il-każ, il-ksur tar-riġlejn tal-kriminali kien se jħaffef il-mewt tagħhom u jippermetti li jiġu midfunin qabel ma jibda s-Sabat fi nżul ix-xemx.
Waqt ħafna esekuzzjonijiet bħal dawn, raġel ikkundannat kien jissammar maʼ zokk bi msiemer li kienu jinfdulu jdejh u saqajh. Meta z-zokk kien jitwaqqaf, ir-raġel kien jitħalla mdendel b’uġigħ insapportabbli, bil-piż tiegħu kollu fuq dawk l-imsiemer. Sabiex jieħu n-nifs, dak li jkun kien ikollu jqum u jimbotta ’l fuq fuq il-musmar jew l-imsiemer imdaħħlin f’saqajh. Madankollu, jekk l-għadam taʼ saqajh kien jitkissirlu, kien ikun impossibbli għalih li jagħmel dan. Il-mewt minħabba qtugħ taʼ nifs—jekk mhux minħabba telf taʼ demm—malajr kienet tiġi.
Kif kienu jintużaw l-iżbandoli fil-gwerer tal-qedem?
L-iżbandola kienet l-arma li David uża biex joqtol lill-ġgant Gulija. Milli jidher, David tgħallem juża din l-arma fi tfulitu meta kien ragħaj.—1 Samwel 17:40-50.
Skultura li turi gwerriera Assirjani jattakkaw belt fortifikata Lhudija
L-iżbandola tidher kemm fl-arti Eġizzjana u kemm f’dik Assirjana taʼ żminijiet Bibliċi. L-arma kienet tikkonsisti f’but miftuħ tal-ġilda jew tad-drapp b’żewġ ċineg jew ħbula rqaq imwaħħlin miegħu. F’dan il-but, il-gwerrier kien ipoġġi ġebla lixxa jew tonda b’dijametru taʼ 5 sa 7.5 ċentimetri u li kienet tiżen forsi 250 gramma. Imbagħad kien idawwar l-iżbandola fuq rasu u jitlaq waħda miċ-ċineg, u b’hekk il-ġebla ttir b’saħħa u eżattezza kbira.
Instab numru kbir minn dan il-ġebel użat fi gwerer tal-qedem fi skavazzjonijiet fil-Lvant Nofsani. Gwerriera tas-sengħa għandhom mnejn tefgħu ġebel b’veloċità taʼ 160 sa 240 kilometru fis-siegħa. L-istudjużi ma jaqblux dwar jekk l-iżbandola kinitx twassal daqs il-qaws, imma żbandola żgur li setgħet kienet qattiela daqsu.—Imħallfin 20:16.