LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 4/15 pp. 27-31
  • Barkiet “fi żmien favorevoli u fi żmien taʼ inkwiet”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Barkiet “fi żmien favorevoli u fi żmien taʼ inkwiet”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • JIBDA ŻMIEN TAʼ INKWIET
  • L-​APPOĠĠ BI MĦABBA TAʼ ĠEĦOVA
  • ARRESTAT U MITFUGĦ IL-​ĦABS
  • BARKIET SAĦANSITRA FI ŻMIEN TAʼ INKWIET
  • REĠAʼ GĦANDNA ŻMIEN FAVOREVOLI
  • Jehovah Dejjem Jieħu Ħsiebna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Għażilt Karriera maʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Ġrajja Storika fil-Malawi—1,000 Sala tas-Saltna!
    Stenbaħ!—2012
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 4/15 pp. 27-31

BIJOGRAFIJA

Barkiet “fi żmien favorevoli u fi żmien taʼ inkwiet”

Kif rakkontata minn Trophim R. Nsomba

Trophim Nsomba

JIEN twelidt f’Marzu tal-​1930, fir-​raħal taʼ Namkumba, il-​Malawi, ġo familja li kienu qaddejja leali t’Alla. Fl-​1942, iddedikajt ruħi lil Ġeħova u tgħammidt f’waħda mix-​xmajjar sbieħ li għandna. Għal dawn l-​aħħar 70 sena, ipprovajt nagħmel dak li l-​appostlu Pawlu inkuraġġixxa lil Timotju biex jagħmel, jiġifieri li ‘jippriedka l-​kelma u jagħmel dan b’urġenza fi żmien favorevoli u fi żmien taʼ inkwiet.’—2 Timotju 4:2.

Fl-​1948, Nathan H. Knorr u Milton G. Henschel ġew il-​Malawi, u ż-​żjara tagħhom inkuraġġietni biex naqdi lil Ġeħova full-​time. Iktar tard, iltqajt maʼ Lidasi, oħt mill-​aħjar, li wkoll kellha l-​mira li taqdi lil Ġeħova full-​time. Fl-​1950 iżżewwiġna, u sal-​1953 kellna żewġt itfal. Għalkemm kellna ħafna responsabbiltajiet tal-​familja, iddeċidejna li nibda naqdi bħala pijunier regulari. Sentejn wara, ġejt mistieden biex naqdi bħala pijunier speċjali.

Assemblea fil-Malawi

L-assembleat saħħewna għal persekuzzjoni li kien se jkollna fil-futur

Ftit wara, kelli l-​privileġġ li naqdi bħala indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Minħabba li kelli appoġġ kbir minn Lidasi, stajt nieħu ħsieb il-​bżonnijiet kollha tal-​familja tagħna u stajt nibqaʼ fis-​servizz full-​time.a (Ara n-​nota taʼ taħt.) Minkejja dan, it-​tnejn li aħna ridna naqdu lil Ġeħova full-​time. Allura ppjanajna sew, u bil-​kooperazzjoni tal-​ħamest itfal tagħna, Lidasi setgħet tibda fis-​servizz full-​time fl-​1960.

Fl-​1962 ħadna pjaċir fil-​konvenzjoni bit-​tema “Ministri kuraġġużi.” Sena wara, Ħuna Henschel żar il-​Malawi għall-​konvenzjoni speċjali li saret viċin il-​belt taʼ Blantyre. Iktar minn 10,000 attendew dik il-​konvenzjoni. Meta naħseb dwar dawk il-​programmi speċjali, nirrealizza kemm dawn ippreparaw u saħħew l-​aħwa kollha fil-​Malawi għaż-​żmien taʼ inkwiet li kellna niffaċċjaw ftit wara.

JIBDA ŻMIEN TAʼ INKWIET

Pulizija qed isakkar il-grada tal-proprjetà tal-fergħa

Il-gvern ipprojbixxa x-xogħol tagħna u ħa taħt idejh il-proprjetà tal-fergħa

Fl-​1964, ix-​Xhieda ġew ippersegwitati minħabba li rrifjutaw li jipparteċipaw f’attivitajiet politiċi. Minħabba f’hekk, iktar minn 100 Sala tas-​Saltna u iktar minn 1,000 dar tal-​aħwa ġew meqrudin. Jien u Lidasi komplejna fl-​inkarigu tagħna sakemm il-​gvern ipprojbixxa lix-​Xhieda fl-​1967. Il-​gvern ħa taħt idejh il-​proprjetà tal-​fergħa, sforza lill-​missjunarji jitilqu mill-​pajjiż, u tefaʼ ħafna Xhieda fil-​ħabs, inkluż jien u Lidasi. Meta ġejna meħlusin mill-​ħabs, aħna komplejna bix-​xogħol tagħna imma qgħadna attenti ħafna kif nagħmlu dan.

Darba minnhom, f’Ottubru tal-​1972, membri taʼ grupp politiku estrem (Malawi Youth League) kienu ġejjin għalina. Imma wieħed mill-​membri tagħhom ġera iktar ’il quddiem mill-​oħrajn biex jgħidli ninħeba għax kien beħsiebhom joqtluni. Jien għedt lil marti u t-​tfal biex jinħbew fis-​siġar tal-​banana fil-​viċin. Imbagħad tlaqt u tlajt maʼ siġra kbira tal-​mangu. Minn hemmhekk, rajthom ikissru d-​dar tagħna u kulma kellna.

Dak li baqaʼ minn dar meqruda bin-nar

Minħabba li l-aħwa ma involvewx ruħhom fil-politika, id-djar tagħhom ġew maħruqa

Hekk kif il-​persekuzzjoni żdiedet, eluf taʼ Xhieda telqu mill-​Malawi. Aħna qgħadna ġo kamp tar-​refuġjati fil-​Możambik sa Ġunju tal-​1974. F’dak ix-​xahar, jien u Lidasi ġejna mitluba biex naqdu bħala pijunieri speċjali f’Dómue, il-​Możambik. Aħna komplejna naqdu bħala pijunieri sal-​1975 meta ġejna sforzati nitilqu mill-​Możambik u mmorru lura l-​Malawi, fejn ix-​Xhieda kienu għadhom qed jiġu ppersegwitati.

Wara li morna lura, ġejt inkarigat biex inżur il-​kongregazzjonijiet flimkien maʼ marti fil-​belt kapitali, Lilongwe. Minkejja l-​persekuzzjoni u d-​diffikultajiet kollha, żdied l-​ammont taʼ kongregazzjonijiet fl-​inħawi li konna qed inżuru.

L-​APPOĠĠ BI MĦABBA TAʼ ĠEĦOVA

Darba minnhom, wasalna f’raħal fejn kien hemm laqgħa politika għaddejja. Xi wħud saru jafu li konna Xhieda u ġegħluna npoġġu maʼ grupp politiku (Malawi Young Pioneers). Tlabna bil-​ħrara lil Ġeħova għall-​għajnuna u d-​direzzjoni. Meta spiċċat il-​laqgħa, bdew isawtuna. F’daqqa waħda, mara akbar minna fl-​età ġiet tiġri u tgħajjat: “Jekk jogħġobkom, ħalluhom bi kwiethom lil dawn! Dan ir-​raġel jiġi t-​tifel taʼ ħija. Ħalluh jitlaq!” L-​individwu li kien qed jieħu ħsieb il-​laqgħa qal: “Ħalluhom imorru!” Ma nafux għala din il-​mara qalet dak li qalet, għax din lanqas biss kienet tiġi minna. Aħna nemmnu li Ġeħova semaʼ talbna.

Biljett tal-partit politiku

Biljett tal-partit politiku

Fl-​1981, il-​membri taʼ dan il-​grupp politiku reġgħu sabuna. Din id-​darba ħadulna r-​roti, il-​bagalji, u l-​kotba, u kif ukoll dokumenti importanti dwar il-​kongregazzjonijiet li konna qed inżuru. Aħna ħrabna u ġrejna lejn id-​dar t’anzjan. Madankollu, aħna konna inkwetati dwar l-​informazzjoni li kien hemm fid-​dokumenti. Meta dawn il-​membri raw id-​dokumenti, sabu ittri li l-​aħwa kienu bagħtuli mill-​Malawi kollu. Dan beżżagħhom għax ħasbu li kont xi uffiċjal tal-​gvern importanti. Allura mill-​ewwel taw lura d-​dokumenti kollha lill-​anzjani lokali.

Darba minnhom, konna qed naqsmu xmara b’dgħajsa. Sid id-​dgħajsa kien mexxej politiku, u ried jara l-​biljetti tal-​partit politiku taʼ kull min kien fid-​dgħajsa.b (Ara n-​nota taʼ taħt.) Hekk kif kien qed joqrob lejna, induna b’ħalliel li l-​pulizija kienu qed ifittxu. Qamet konfużjoni sħiħa, u s-​sid waqaf milli jiċċekkja l-​biljetti tal-​partit politiku. Għal darb’oħra, ħassejna l-​appoġġ bi mħabba taʼ Ġeħova.

ARRESTAT U MITFUGĦ IL-​ĦABS

Fuq quddiem tal-gazzetta jiġi mħabbar li x-Xhieda taʼ Ġeħova ġew ipprojbiti fil-Malawi

Fi Frar tal-​1984, kont fi triqti lejn Lilongwe biex inwassal rapporti għall-​uffiċċju tal-​fergħa fiz-​Zambja. Pulizija waqqafni u fittixli fil-​basket. Hu sab xi letteratura Biblika, u allura ħadni l-​għassa tal-​pulizija u beda jsawwatni. Imbagħad, rabatni bi ħbula u tefagħni f’kamra maʼ priġunieri li kienu ħallelin.

L-​għada, il-​kap tal-​pulizija ħadni f’kamra oħra u riedni niffirma karta li kienet tgħid: “Jien, Trophim R. Nsomba, waqaft milli nkun Xhud taʼ Ġeħova biex ninħeles.” Jien irrifjutajt li niffirma, u għedtlu: “Jien mhux biss lest li nintrabat imma wkoll li mmut. Jien għadni Xhud taʼ Ġeħova.” Peress li rrabjajt lill-​kap, hu sabbat fuq il-​mejda b’tant qawwa li l-​pulizija li kien fil-​kamra taʼ ħdejna ġie jiġri biex jara x’kien ġara. Il-​kap qallu: “Dan ir-​raġel qed jirrifjuta li jiffirma li jieqaf jipprietka. Allura, ħallih jiffirma li hu wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u mbagħad nibagħtuh Lilongwe biex ikun marbut hemm.” Sadattant, marti ma kinitx taf fejn kont. Erbat ijiem wara, xi aħwa rġiel fl-​aħħar setgħu jgħidulha x’kien ġara minni.

Fl-​għassa taʼ Lilongwe, il-​pulizija ttrattawni tajjeb. Il-​kap tal-​pulizija qal: “Ħu dan il-​platt ross għax int ġejt marbut minħabba l-​Kelma t’Alla. In-​nies l-​oħra t’hawn huma ħallelin.” Imbagħad bagħatni l-​Ħabs taʼ Kachere, u żammewni hemm għal ħames xhur.

Il-​gwardjan taʼ dak il-​ħabs kien kuntent li ntbgħatt hemm għax riedni nkun il-​“qassis” tal-​ħabs. Hu neħħa l-​qassis li kien hemm qabli, u qallu: “Ma rridekx terġaʼ tgħallem il-​Kelma t’Alla hawn, għax lilek tefgħuk il-​ħabs minħabba li sraqt mill-​knisja tiegħek!” Allura kull ġimgħa għallimt il-​Bibbja f’forma taʼ laqgħat għall-​priġunieri.

Iktar tard, l-​affarijiet iggravaw. Uffiċjali tal-​ħabs interrogawni għax riedu jkunu jafu kemm hemm Xhieda fil-​Malawi. Ma wiġibthomx kif xtaqu huma, u allura sawtuni sakemm intlift minn sensija. Darb’oħra riedu jkunu jafu fejn huma l-​kwartieri ġenerali tagħna. Jien għedt, “Intom saqsejtuni mistoqsija sempliċi, u jien se nwiġibkom.” Għedtilhom li l-​kwartieri ġenerali tagħna huma deskritti fil-​Bibbja. Kienu sorpriżi u saqsew, “Fejn fil-​Bibbja?”

“F’​Isaija 43:12,” għedtilhom jien. Fittxewha u qrawha b’attenzjoni: “‘Intom ix-​xhieda tiegħi,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, ‘u jien Alla.’” Huma qraw din l-​iskrittura tliet darbiet. Imbagħad saqsew: “Kif jistaʼ jkun li l-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova jkunu hawn fil-​Bibbja u mhux fl-​Amerika?” Jien għedtilhom: “Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Amerika wkoll iqisu din l-​iskrittura bħala li tiddeskrivi l-​kwartieri ġenerali tagħhom.” Minħabba li ma ridtx ngħidilhom dak li riedu jisimgħu, intbgħatt fil-​Ħabs taʼ Dzaleka, fit-​Tramuntana taʼ Lilongwe.

BARKIET SAĦANSITRA FI ŻMIEN TAʼ INKWIET

Meta wasalt fil-​Ħabs taʼ Dzaleka f’Lulju tal-​1984, diġà kien hemm 81 Xhud. Dan il-​ħabs tant kien mimli bin-​nies li 300 priġunier kellhom jorqdu mal-​art imrekknin ħdejn xulxin. Maż-​żmien, ix-​Xhieda kollha setgħu jiltaqgħu fi gruppi żgħar biex jiddiskutu skrittura kuljum, u dan inkuraġġiena ħafna.

Xhieda taʼ Ġeħova lesti mill-Qorti

Aħwa qed jittieħdu l-ħabs wara li lestew mill-qorti

F’Ottubru tal-​1984, ilkoll kemm aħna kellna nidhru quddiem il-​qorti u ġejna kkundannati sentejn ħabs. Bħal qabel, erġajna spiċċajna maʼ priġunieri mhux Xhieda. Imma l-​gwardjan tal-​ħabs qal lil kulħadd: “Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jpejpux sigaretti. Allura għassiesa, iddejquhomx billi toqogħdu titolbuhom is-​sigaretti u tibagħtuhomx jiġbru biċċiet tal-​faħam biex tqabbdu s-​sigarett tagħkom. Huma n-​nies t’Alla! Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kollha għandu jingħatalhom żewġ ikliet kuljum, ladarba dawn mhumiex hawn minħabba xi kriminalità imma minħabba t-​twemmin li għandhom fuq il-​Bibbja.”

Kien hemm iktar benefiċċji minħabba l-​kondotta tajba tagħna. Meta t-​temp kien ikun imdallam jew bix-​xita, l-​għassiesa ma kinux iħallu l-​priġunieri joħorġu barra. Imma lilna kienu jħalluna noħorġu mill-​bini għax kienu jafdawna u kienu jafu li ma konniex se nipprovaw naħarbu. Pereżempju, darba konna qed naħdmu barra fl-​għelieqi u għassies beda jħossu ma jiflaħx sew. Allura ġarrejnieh lura l-​ħabs. Minħabba li komplejna nuru kondotta tajba, stajna naraw isem Ġeħova jiġi mfaħħar mill-​għassiesa.—1 Pietru 2:12.c (Ara n-​nota taʼ taħt.)

REĠAʼ GĦANDNA ŻMIEN FAVOREVOLI

Fil-​11 taʼ Mejju tal-​1985, ġejt meħlus mill-​Ħabs taʼ Dzaleka u kont ferħan lura mal-​familja tiegħi! Aħna nirringrazzjaw lil Ġeħova talli għenna nżommu l-​integrità lejh matul dawk iż-​żminijiet diffiċli. Aħna nħossuna bħall-​appostlu Pawlu meta kiteb: “Ma nixtiqukomx ma tkunux tafu bit-​tribulazzjoni li ġarrabna . . . Lanqas saħansitra minn ħajjitna ma konna ċerti. Fil-​fatt, ġo fina ħassejna li konna ngħatajna s-​sentenza tal-​mewt. Dan kien biex il-​fiduċja tagħna ma tkunx fina nfusna, imma fl-​Alla li jqajjem il-​mejtin. Minn ħaġa daqstant kbira bħalma hi l-​mewt ħelisna.”—2 Korintin 1:8-​10.

Trophim u Lidasi Nsomba quddiem Sala tas-Saltna

Ħuna Nsomba u martu, Lidasi, quddiem Sala tas-Saltna, fl-2004

Kultant kien qisu mhux se jirnexxilna nibqgħu ħajjin. Imma dejjem tlabna lil Ġeħova biex jagħtina kuraġġ, għerf, u umiltà ħalli nkomplu nġibu glorja lill-​ismu l-​kbir.

Ġeħova bierek is-​servizz tagħna għalih “fi żmien favorevoli u fi żmien taʼ inkwiet.” Illum, aħna kuntenti ħafna li għandna uffiċċju tal-​fergħa ġdid mill-​isbaħ f’Lilongwe u iktar minn 1,000 Sala tas-​Saltna ġdida fil-​Malawi! Dawn il-​barkiet minn Ġeħova tant huma sbieħ għalija u għal Lidasi li donnhom jidhru bħal ħolma!d—Ara n-​nota taʼ taħt.

a Aħwa rġiel li għandhom tfal żgħar fid-​dar m’għadhomx jiġu mistiedna biex jaqdu bħala indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet.

b Dan il-​biljett juri li l-​individwu jappoġġa l-​partit politiku li qed imexxi.

c Għal iktar informazzjoni dwar il-​persekuzzjoni fil-​Malawi, ara n-​1999 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 171-​223.

d Matul il-​preparamenti taʼ dan l-​artiklu, Ħuna Nsomba miet fl-​età taʼ 83 sena.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja