Numri
3 Issa dawn kienu l-ġenerazzjonijiet t’Aron u taʼ Mosè dakinhar li Ġeħova kellem lil Mosè fuq il-Muntanja Sinaj.+ 2 U dawn kienu l-ismijiet taʼ wlied Aron: Nadab, l-ewwel imwieled, u Abiħu,+ Elegħażar+ u Itamar.+ 3 Dawn kienu l-ismijiet taʼ wlied Aron, il-qassisin midlukin li f’idhom kienet ngħatat is-setgħa biex jaqdu bħala qassisin.+ 4 Iżda Nadab u Abiħu mietu quddiem Ġeħova meta offrew nar projbit+ quddiem Ġeħova fix-xagħri tas-Sinaj; u ma kellhomx ulied. Imma Elegħażar+ u Itamar+ komplew jaqdu bħala qassisin flimkien maʼ missierhom Aron.
5 U Ġeħova kellem lil Mosè u qallu: 6 “Ġib ħdejk it-tribù taʼ Levi,+ u ġegħelhom jieqfu quddiem Aron, il-qassis, u jridu jaqduh.+ 7 U jridu jħarsu l-obbligu tagħhom lejh u l-obbligu tagħhom lejn il-ġemgħa kollha quddiem it-tinda tal-laqgħa meta jwettqu s-servizz tat-tabernaklu. 8 U jridu jieħdu ħsieb l-għodod+ kollha tat-tinda tal-laqgħa, saħansitra l-obbligu taʼ wlied Israel meta jwettqu s-servizz tat-tabernaklu.+ 9 U agħti l-Leviti lil Aron u lil uliedu. Huma l-uħud mogħtijin,* mogħtijin lilu minn fost ulied Israel.+ 10 U għandek taħtar lil Aron u lil uliedu, u dawn iridu jieħdu ħsieb is-saċerdozju+ tagħhom; u kwalunkwe individwu mhux awtorizzat* li jersaq qrib għandu jingħata l-mewt.”+
11 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 12 “U jien, ara, nieħu l-Leviti minn fost ulied Israel minflok l-ewwel imweldin+ kollha taʼ wlied Israel li jiftħu l-ġuf; u l-Leviti jsiru tiegħi. 13 Għax kull l-ewwel imwieled hu tiegħi.+ Dakinhar li lqatt lil kull l-ewwel imwieled fl-art taʼ l-Eġittu+ qaddist għalija nnifsi lil kull l-ewwel imwieled f’Israel minn bniedem sa bhima.+ Għandhom isiru tiegħi. Jien Ġeħova.”
14 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè fix-xagħri tas-Sinaj+ u jgħidlu: 15 “Irreġistra lil ulied Levi skond dar missirijiethom, skond il-familji tagħhom. Għandek tirreġistra lil kull wieħed tas-sess maskil minn xahar ’il fuq.”+ 16 U Mosè beda jirreġistrahom skond l-ordni taʼ Ġeħova, sewwasew bħalma kien ġie kmandat. 17 U dawn kienu wlied Levi+ skond ismijiethom: Gerson, Keħat, u Merari.+
18 Issa dawn kienu l-ismijiet taʼ wlied Gerson skond il-familji tagħhom: Libni u Simgħi.+
19 U wlied Keħat+ skond il-familji tagħhom kienu Għamram u Isħar,+ Ħebron u Użżijel.
20 U wlied Merari+ skond il-familji tagħhom kienu Maħli+ u Musi.+
Dawn kienu l-familji tal-Leviti skond dar missirijiethom.
21 Minn Gerson kien hemm il-familja tal-Libnin+ u l-familja tas-Simgħin.+ Dawn kienu l-familji tal-Gersonin. 22 Dawk li ġew reġistrati minn fosthom kienu skond l-għadd taʼ dawk kollha tas-sess maskil minn xahar ’il fuq,+ u dawn kienu sebat elef u ħames mija.+ 23 Il-familji tal-Gersonin kienu wara t-tabernaklu.+ Kienu kkampjati lejn il-punent. 24 U l-kap ewlieni tal-familja min-naħa tal-missier għall-Gersonin kien Eljasaf, bin Lagħel. 25 U l-obbligu taʼ wlied Gerson+ fit-tinda tal-laqgħa kien li jieħdu ħsieb it-tabernaklu u t-tinda,+ l-għata tagħha+ u l-purtiera+ tad-daħla tat-tinda tal-laqgħa, 26 u l-purtieri+ tal-bitħa u l-purtiera+ tad-daħla tal-bitħa li hi dawramejt mat-tabernaklu u l-artal, u l-ħbula tat-tined tiegħu,+ għas-servizz kollu tiegħu.
27 U minn Keħat kien hemm il-familja taʼ l-Għamramin u l-familja taʼ l-Isħarin u l-familja tal-Ħebronin u l-familja taʼ l-Użżijelin. Dawn kienu l-familji tal-Keħatin.+ 28 Fost l-għadd taʼ dawk kollha tas-sess maskil minn xahar ’il fuq kien hemm tmint elef u sitt mija li kellhom l-obbligu li jieħdu ħsieb il-post qaddis.+ 29 Il-familji taʼ wlied Keħat kienu kkampjati fuq in-naħa tat-tabernaklu lejn in-nofsinhar.+ 30 U l-kap ewlieni tal-familja min-naħa tal-missier għall-familji tal-Keħatin kien Elisafan, bin Użżijel.+ 31 U huma kellhom l-obbligu+ li jieħdu ħsieb l-Arka+ u l-mejda+ u l-gandlier+ u l-artali+ u l-għodod+ tal-post qaddis li kellhom jaqdu bihom u l-purtiera tad-daħla,+ u s-servizz kollu tiegħu.
32 U l-kap ewlieni fuq il-kapijiet ewlenin tal-Leviti kien Elegħażar,+ bin Aron, il-qassis, li kien jindokra lil dawk li kellhom l-obbligu li jieħdu ħsieb il-post qaddis.
33 Minn Merari kien hemm il-familja tal-Maħlin+ u l-familja tal-Musin.+ Dawn kienu l-familji taʼ Merari.+ 34 U dawk reġistrati minn fosthom skond l-għadd taʼ dawk kollha tas-sess maskil minn xahar ’il fuq kienu sitt elef u mitejn.+ 35 U l-kap ewlieni tal-familja min-naħa tal-missier għall-familji taʼ Merari kien Surjel, bin Abiħajl. Dawn kienu kkampjati fuq in-naħa tat-tabernaklu lejn it-tramuntana.+ 36 U wlied Merari kellhom l-obbligu li jindokraw it-twavel* tal-qafas+ tat-tabernaklu u t-traversi,+ il-kolonni,+ il-pedestalli bl-ingast, l-għodod kollha,+ u s-servizz kollu tiegħu,+ 37 u l-pilastri+ tal-bitħa dawramejt u l-pedestalli bl-ingast,+ l-imsiemer tat-tined, u l-ħbula tat-tined tagħhom.
38 U dawk li kkampjaw quddiem it-tabernaklu lejn il-lvant, quddiem it-tinda tal-laqgħa lejn tlugħ ix-xemx, kienu Mosè u Aron u wliedu, dawk li kellhom l-obbligu li jieħdu ħsieb is-santwarju,+ bħala l-obbligu għal ulied Israel. U kwalunkwe individwu mhux awtorizzat li jersaq qrib kellu jingħata l-mewt.+
39 L-uħud reġistrati kollha tal-Leviti li Mosè u Aron irreġistraw skond l-ordni taʼ Ġeħova, skond il-familji tagħhom, dawk kollha tas-sess maskil minn xahar ’il fuq, kienu tnejn u għoxrin elf.
40 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Irreġistra lil dawk kollha tas-sess maskil li twieldu l-ewwel fost ulied Israel minn xahar ’il fuq,+ u ħu l-għadd taʼ ismijiethom. 41 U ħu l-Leviti għalija—jien Ġeħova—minflok dawk kollha li twieldu l-ewwel fost ulied Israel,+ u l-annimali domestiċi tal-Leviti minflok dawk kollha li twieldu l-ewwel fost l-annimali domestiċi taʼ wlied Israel.”+ 42 U Mosè rreġistra lil dawk kollha li twieldu l-ewwel fost ulied Israel, sewwasew bħalma kien ikkmandah Ġeħova. 43 U dawk kollha tas-sess maskil li twieldu l-ewwel, minn xahar ’il fuq, skond l-għadd taʼ l-ismijiet taʼ l-uħud reġistrati tagħhom kienu tnejn u għoxrin elf, mitejn u tlieta u sebgħin.
44 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 45 “Ħu l-Leviti minflok dawk kollha li twieldu l-ewwel fost ulied Israel, u l-annimali domestiċi tal-Leviti minflok l-annimali domestiċi tagħhom; u l-Leviti jsiru tiegħi.+ Jien Ġeħova. 46 U bħala l-prezz tal-fidwa+ għall-mitejn u tlieta u sebgħin ruħ li twieldu l-ewwel fost ulied Israel, li huma iżjed fl-għadd milli huma l-Leviti,+ 47 ħu ħames xwiekel għal kull individwu.+ Għandek tieħu skond ix-xekel tal-post qaddis. Xekel hu għoxrin gera.+ 48 U l-flus agħtihom lil Aron u lil uliedu bħala l-prezz tal-fidwa għal dawk li huma iżjed fl-għadd minnhom.” 49 Għalhekk, Mosè ħa l-flus tal-prezz tal-ħelsien mingħand dawk li kien hemm iżjed mill-prezz tal-fidwa tal-Leviti. 50 Mingħand dawk li twieldu l-ewwel fost ulied Israel ħadhom il-flus, elf, tliet mija u ħamsa u sittin xekel, skond ix-xekel tal-post qaddis. 51 Imbagħad Mosè ta l-flus tal-prezz tal-fidwa lil Aron u lil uliedu skond l-ordni taʼ Ġeħova, sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.