Ġeremija
35 Il-kelma li ġiet għand Ġeremija mingħand Ġeħova fi żmien Ġeħojakim+ bin Ġosija, is-sultan taʼ Ġuda, tgħid: 2 “Mur f’dar ir-Rekabin,+ u kellimhom u daħħalhom fid-dar taʼ Ġeħova, f’waħda mill-kmamar taʼ l-ikel; u agħtihom jixorbu l-inbid.”
3 Għalhekk, ħadt lil Ġagħżanija, bin Ġeremija, bin Ħabassinija, u lil ħutu, u wliedu kollha, u dawk kollha taʼ dar ir-Rekabin, 4 u daħħalthom fid-dar taʼ Ġeħova, fil-kamra taʼ l-ikel+ taʼ wlied Ħanan bin Igdalija, bniedem taʼ l-Alla l-veru. Din kienet maġenb il-kamra taʼ l-ikel tal-prinċpijiet li kienet fuq il-kamra taʼ l-ikel taʼ Magħseja bin Sallum,+ l-għassies tal-bieb. 5 Imbagħad qegħedt tazzi u kwies mimlijin bl-inbid quddiem ulied id-dar tar-Rekabin u għedtilhom: “Ixorbu l-inbid.”
6 Imma huma qalu: “M’aħniex se nixorbu nbid, għax Ġonadab bin Rekab+ missierna kien tana l-kmand u qalilna, ‘Tixorbux inbid, la intom u lanqas uliedkom, għal dejjem.*+ 7 U tibnux djar, u tiżirgħux żerriegħa; tħawlux għelieqi bid-dwieli u lanqas m’għandu jkollkom waħda. Imma għammru fit-tined ħajjitkom kollha, sabiex ikollkom għomor twil fuq wiċċ l-art fejn qed tgħixu bħala barranin.’+ 8 Għalhekk, aħna bqajna nobdu minn leħen Ġeħonadab bin Rekab missierna f’kulma kkmandana,+ billi ma nixorbux inbid tul ħajjitna, aħna, in-nisa tagħna, u wliedna subien u bniet,+ 9 u billi ma nibnux djar biex ngħammru fihom, u ma jkollniex oqsma tad-dwieli jew għelieqi jew żrieragħ. 10 U bqajna ngħammru fit-tined u nobdu u nagħmlu kulma kkmandana Ġonadab+ missierna.+ 11 Imma kien meta Nebukadressar, is-sultan taʼ Babilonja, telaʼ kontra l-pajjiż,+ li għedna, ‘Ejjew ħa nidħlu Ġerusalemm minħabba l-qawwa militari tal-Kaldin u minħabba l-qawwa militari tas-Sirjani, u ngħammru f’Ġerusalemm.’”+
12 U l-kelma taʼ Ġeħova ġiet għand Ġeremija, tgħid: 13 “Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel, ‘Mur, u għid lin-nies taʼ Ġuda u lill-abitanti taʼ Ġerusalemm: “Ma ġejtux intom imwissijin darba wara l-oħra biex tobdu kliemi?”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. 14 “Ġeħonadab bin Rekab+ kien ikkmanda lil uliedu biex ma jixorbux inbid, u dawn obdewh, u ma xorbux sal-ġurnata taʼ llum, għax obdew il-kmand taʼ missierhom.+ U lilkom jien kellimtkom, iva, kont inbakkar fil-għodu biex inkellimkom,+ imma intom m’obdejtunix.+ 15 U bqajt nibagħtilkom lill-qaddejja kollha tiegħi l-profeti,+ kont inbakkar fil-għodu biex nibgħathom, u ngħidilkom, ‘Duru lura, jekk jogħġobkom, kull wieħed minn triqtu l-ħażina,+ u rranġaw l-għemejjel tagħkom,+ u timxux wara allat oħrajn biex taqduhom.+ U tibqgħu tgħixu fuq l-art li tajt lilkom u lil missirijietkom.’+ Imma intom ma mejjiltux widnitkom, u lanqas smajtu minni.+ 16 Ulied Ġeħonadab bin Rekab+ wettqu l-kmand li kien tahom missierhom;+ imma dan il-poplu ma semax minni.”’”+
17 “Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova, l-Alla taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel, ‘Ara, se nġib fuq Ġuda u fuq l-abitanti kollha taʼ Ġerusalemm il-gwaj kollu li ddikjarajt kontrihom,+ talli kellimthom u ma semgħux, u bqajt insejħilhom u ma wiġbux.’”+
18 U lil dawk taʼ dar ir-Rekabin Ġeremija qalilhom: “Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel, ‘Talli obdejtu l-kmand taʼ Ġeħonadab+ missierkom u bqajtu tħarsu l-kmandi tiegħu kollha u tagħmlu kulma ordnalkom,+ 19 hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel: “Ma jonqos qatt li kuljum ikun hemm raġel wieqaf+ quddiemi biex jaqdini minn Ġonadab bin Rekab.”’”+