Galatin
6 Ħuti, anki jekk bniedem jagħmel xi pass falz+ qabel ma jinduna, intom li għandkom kwalifiki spiritwali+ pprovaw aġġustawh mill-ġdid bi spirtu taʼ ħlewwa,+ waqt li kull wieħed minnkom joqgħod attent għalih innifsu,+ minħabba l-biżaʼ li hu wkoll jiġi ttantat.+ 2 Komplu ġorru t-toqol+ taʼ xulxin, u b’hekk twettqu l-liġi tal-Kristu.+ 3 Għax jekk xi ħadd jaħseb li hu xi ħaġa meta m’hu xejn,+ iqarraq bih innifsu. 4 Imma kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu,+ u mbagħad ikollu għalxiex jifraħ b’dak li jagħmel hu stess, u ma jqabbilx+ ruħu maʼ ħaddieħor. 5 Għax kull wieħed iġorr it-tagħbija tiegħu.+
6 Iktar minn hekk, kulmin qed jiġi mgħallem il-kelma bil-fomm+ ħa jieħu sehem+ fl-affarijiet tajbin kollha maʼ dak li jagħtih dan it-tagħlim.+
7 Titqarrqux:+ Alla ma jidħaq bih ħadd.+ Għax dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad;+ 8 għax min jiżraʼ għal laħmu jaħsad it-taħsir minn laħmu,+ imma min jiżraʼ għall-ispirtu+ jaħsad il-ħajja taʼ dejjem mill-ispirtu.+ 9 Għalhekk, ħa ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb,+ għax meta jasal iż-żmien naħsdu jekk ma negħjewx.+ 10 Mela, allura, dment li għandna ż-żmien favorevoli għal dan,+ ħa nagħmlu t-tajjeb maʼ kulħadd, imma speċjalment maʼ min jiġi minna fil-fidi.+
11 Araw b’liema ittri kbar ktibtilkom b’idi stess.+
12 Dawk kollha li jridu jingħoġbu fil-laħam jipprovaw iġegħlukom tiġu ċirkonċiżi,+ sempliċement biex ma jiġux persegwitati minħabba z-zokk tat-tortura tal-Kristu,+ Ġesù. 13 Għax lanqas saħansitra dawk li qed jiġu ċirkonċiżi ma jżommu l-Liġi,+ imma jridukom tiġu ċirkonċiżi biex ikollhom għalfejn jiftaħru b’laħamkom. 14 Jalla qatt ma jiġri li niftaħar, ħlief biz-zokk tat-tortura+ tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li permezz tiegħu d-dinja ġiet imsammra maʼ zokk għalija+ u jien għad-dinja. 15 Għax la tgħodd iċ-ċirkonċiżjoni u lanqas in-nuqqas taʼ ċirkonċiżjoni,+ imma l-ħolqien ġdid+ li jgħodd. 16 U dawk kollha li jimxu bl-ordni skond din ir-regola taʼ kondotta, fuqhom ikunu l-paċi u l-ħniena, iva, fuq l-Israel t’Alla.+
17 Minn issa ’l quddiem ħalli ħadd ma jaqlagħli l-inkwiet, għax inġorr f’ġismi l-marki+ li jittimbrawni bħala lsir taʼ Ġesù.+
18 Il-qalb tajba mhix mistħoqqa tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu tkun maʼ l-ispirtu+ li turu, ħuti. Amen.