Atti
19 Issa ġara li waqt li Apollo+ kien Korintu, Pawlu għadda min-naħa taʼ ġewwa u niżel Efesu,+ u sab xi dixxipli; 2 u qalilhom: “Irċivejtuh l-ispirtu qaddis+ meta emmintu?” Qalulu: “Aħna qatt ma smajna jekk hemmx spirtu qaddis jew le.”+ 3 U qalilhom: “Allura b’liema magħmudija tgħammidtu?” Qalulu: “Bil-magħmudija taʼ Ġwanni.”+ 4 Pawlu qalilhom: “Ġwanni għammed bil-magħmudija b’simbolu taʼ l-indiema+ u qal lin-nies biex jemmnu f’dak li kien ġej warajh,+ jiġifieri, f’Ġesù.” 5 Malli semgħu dan, tgħammdu f’isem il-Mulej Ġesù.+ 6 U meta Pawlu qiegħed idejh+ fuqhom, l-ispirtu qaddis ġie fuqhom, u bdew jitkellmu bl-ilsna u jipprofetizzaw.+ 7 B’kollox kien hemm madwar tnax-il raġel.
8 Kien imur fis-sinagoga+ u għamel tliet xhur jitkellem bil-qlubija, billi jagħti taħditiet u jipprova jipperswadihom dwar is-saltna+ t’Alla. 9 Imma meta xi wħud webbsu rashom u m’emmnux+ u bdew imaqdru t-Triq+ quddiem il-kotra, telaq minn fosthom,+ fired lid-dixxipli minn magħhom,+ u kuljum kien jagħti taħditiet fis-sala taʼ l-iskola taʼ Tirannu. 10 Dan seħħ għal sentejn sħaħ,+ u b’hekk dawk kollha li kienu joqogħdu fid-distrett taʼ l-Asja,+ Lhud u Griegi, semgħu l-kelma tal-Mulej.
11 U Alla baqaʼ jwettaq għemejjel setgħanin u straordinarji minn idejn Pawlu,+ 12 tant li ċ-ċraret u l-fradal tiegħu kienu jittieħdu lill-morda,+ u l-mard kien jitlaqhom, u l-ispirti mill-agħar kienu joħorġu minnhom.+ 13 U xi wħud mil-Lhud li kienu jivvjaġġaw u jipprattikaw it-tkeċċija tad-demonji+ wkoll bdew isejħu isem il-Mulej Ġesù+ fuq dawk li kellhom l-ispirti mill-agħar, u kienu jgħidu: “Nordnalek+ solennement b’Ġesù li dwaru jippriedka Pawlu.” 14 Issa kien hemm sebaʼ wlied subien taʼ ċertu Xeva, qassis ewlieni Lhudi, li kienu qed jagħmlu dan. 15 Għaldaqstant, l-ispirtu mill-agħar qalilhom: “Lil Ġesù nafu,+ u taʼ Pawlu midħla wkoll;+ imma intom min intom?” 16 B’dan il-kliem, ir-raġel li kellu fih l-ispirtu mill-agħar qabeż fuqhom,+ ħakimhom wieħed wara l-ieħor, u għelibhom, hekk li ħarbu għarwenin u feruti minn dik id-dar. 17 Dan sar jaf bih kulħadd, kemm il-Lhud u kemm il-Griegi li kienu joqogħdu Efesu; u waqaʼ biżaʼ+ fuqhom ilkoll, u isem il-Mulej Ġesù kompla jiġi mfaħħar bil-kbir.+ 18 U ħafna minn dawk li emmnu kienu jiġu jistqarru u jgħidu+ quddiem kulħadd dak li kienu jipprattikaw. 19 Tabilħaqq, għadd ġmielu minn dawk li kienu jipprattikaw l-arti tal-maġija+ ġabru l-kotba tagħhom flimkien u ħarquhom quddiem kulħadd. U kkalkulaw il-prezz tagħhom kollha u sabu li kienu jiswew ħamsin elf biċċa tal-fidda. 20 B’hekk, il-kelma taʼ Ġeħova baqgħet tikber u tissaħħaħ b’qawwa kbira.+
21 Issa, wara li seħħ dan kollu, Pawlu ddeċieda fih innifsu li wara li jgħaddi mill-Maċedonja+ u l-Akaja jmur Ġerusalemm,+ u qal: “Wara li nasal hemmhekk irrid nara wkoll Ruma.”+ 22 Imbagħad bagħat lejn il-Maċedonja tnejn minn dawk li kienu jgħinuh, Timotju+ u Erastu,+ imma hu baqaʼ għal xi żmien fid-distrett taʼ l-Asja.
23 Dik il-ħabta nqalaʼ ħafna inkwiet+ dwar It-Triq.+ 24 Għax kien hemm wieħed arġentier jismu Demetriju li kien jagħmel niċeċ tal-fidda t’Artemi u li bihom kien iqallaʼ ħafna flus lin-nies tas-sengħa.+ 25 Lil dawn ġabarhom flimkien maʼ dawk li kienu jaħdmu f’dawn l-affarijiet+ u qalilhom: “Irġiel, tafu tajjeb li b’dan in-negozju sejrin tajjeb ħafna.+ 26 Ukoll, qed taraw u tisimgħu kif mhux biss f’Efesu,+ imma kważi fid-distrett kollu taʼ l-Asja, dan Pawlu pperswada lil ħafna nies u dawwarhom għal opinjoni oħra, għax qed jgħid li dawk li huma magħmulin bl-idejn+ m’humiex allat. 27 Iktar minn hekk, hemm il-periklu li mhux biss xogħolna jaqaʼ fl-għajb, imma wkoll li t-tempju tal-kbira u d-divina Artemi+ ma jibqax stmat u saħansitra l-kobor u l-ġmiel tagħha, meqjumin fid-distrett kollu taʼ l-Asja u fl-art abitata, ma jdumux ma jispiċċaw fix-xejn.” 28 Meta semgħu dan, l-irġiel irrabjaw ħafna u bdew jgħajtu u jgħidu: “Kbira Artemi taʼ l-Efesin!”
29 Għalhekk, fil-belt qamet konfużjoni sħiħa, u b’fehma waħda ġrew għal ġot-teatru, u kaxkru magħhom lil Gaju u lil Aristarku,+ Maċedonin li kienu jivvjaġġaw maʼ Pawlu. 30 Min-naħa tiegħu, Pawlu ried jidħol qalb in-nies, imma d-dixxipli ma ħallewhx. 31 Saħansitra xi wħud mill-amministraturi tal-festi u l-logħob, li kienu ħbieb tiegħu, bagħtulu messaġġ u bdew jitolbuh bil-ħniena biex ma jissograx ħajtu fit-teatru. 32 Sadanittant, min kien qed jgħajjat ħaġa u min oħra;+ għax fost il-ġemgħa kien hemm konfużjoni sħiħa, u l-maġġuranza ma kinux jafu għala nġabru. 33 Imbagħad kollha f’daqqa ħarġu lil Alessandru mill-folla, u l-Lhud tefgħuh fuq quddiem; u Alessandru għamel sinjal b’idu biex juri li ried jagħmel id-difiża tiegħu quddiem il-poplu. 34 Imma meta indunaw li kien Lhudi, damu madwar sagħtejn jgħajtu lkoll b’għajta waħda: “Kbira+ Artemi taʼ l-Efesin!”
35 Fl-aħħar, wara li kien sikket+ lill-folla, ir-reġistratur tal-belt qal: “Irġiel t’Efesu, min hemm fost il-bnedmin li ma jafx li l-belt taʼ l-Efesin hi l-gwardjana tat-tempju tal-kbira Artemi u tax-xbieha tagħha li waqgħet mis-sema? 36 Għalhekk, ladarba dan ma jistaʼ jmerih ħadd, hu xieraq li tibqgħu kalmi u ma taġixxux bl-addoċċ.+ 37 Għax ġibtu lil dawn l-irġiel li la huma ħallelin tat-tempji u lanqas midgħija taʼ din l-alla tagħna. 38 Għalhekk, jekk Demetriju+ u n-nies tas-sengħa li huma miegħu għandhom każ kontra xi ħadd, hemm il-ġranet tal-qorti+ u l-prokonsli;+ ħa jġibu l-akkużi kontra xulxin. 39 Iżda, jekk qed tfittxu xi ħaġa oħra minbarra dan, din trid tiġi deċiża f’assemblea regulari. 40 Għax qegħdin tassew f’periklu li niġu akkużati bi rvell minħabba l-kwistjoni taʼ llum, għax m’għandna l-ebda bażi fuqiex nistgħu nagħtu raġuni għal din il-marmalja bla ordni.” 41 U x’ħin qal dan,+ bagħat lil kulħadd ’il barra.+