Dewteronomju
28 “U jrid iseħħ li jekk int tassew tismaʼ minn leħen Ġeħova Alla tiegħek billi toqgħod attent li tagħmel il-kmandamenti kollha tiegħu li qed nikkmandak illum,+ Ġeħova Alla tiegħek żgur li se jgħollik ’il fuq mill-ġnus l-oħrajn kollha taʼ l-art.+ 2 U dawn il-barkiet kollha jiġu fuqek u jilħquk,+ għaliex int tibqaʼ tismaʼ minn leħen Ġeħova Alla tiegħek:
3 “Imbierek tkun fil-belt,+ u mbierek tkun fl-għalqa.+
4 “Imbierek ikun il-frott taʼ ġufek+ u l-prodott tal-ħamrija tiegħek u l-frott tal-bhima domestika tiegħek,+ iż-żgħar tal-baqar tiegħek u l-frieħ tan-nagħaġ tiegħek.+
5 “Imbierka tkun il-qoffa tiegħek+ u l-mejjilla li fiha tagħġen il-ħobż tiegħek.+
6 “Imbierek tkun meta tidħol, u mbierek tkun meta toħroġ.+
7 “Ġeħova se jġiegħel li l-għedewwa tiegħek li jqumu kontrik jiġu megħlubin quddiemek.+ Minn triq waħda joħorġu kontrik, imma minn sebaʼ triqat jaħarbu minn quddiemek.+ 8 Ġeħova se jordna għalik il-barka fuq l-imħażen tiegħek+ u fuq kull xogħol li tagħmel,+ u żgur li jbierkek fl-art li qed jagħtik Ġeħova Alla tiegħek. 9 Ġeħova se jagħmlek poplu qaddis għalih stess,+ bħalma ħaliflek,+ għaliex int tibqaʼ tħares il-kmandamenti+ taʼ Ġeħova Alla tiegħek, u timxi fi triqatu. 10 U l-popli kollha taʼ l-art se jkollhom jaraw li isem Ġeħova ssejjaħ fuqek,+ u tabilħaqq li se jibżgħu minnek.+
11 “Ġeħova se jġiegħlek ukoll tfur bil-ġid fil-frott taʼ ġufek+ u l-frott taʼ l-annimali domestiċi tiegħek u l-prodott tal-ħamrija tiegħek,+ fuq l-art li Ġeħova ħalef lil missirijietek li jagħtihielek.+ 12 Ġeħova se jiftaħlek il-maħżen tajjeb tiegħu, is-smewwiet, biex jagħti x-xita fuq artek fl-istaġun tagħha+ u biex ibierek kull għemil taʼ idek;+ u int issellef lil ħafna ġnus, waqt li int stess ma tissellifx.+ 13 U Ġeħova jqiegħdek fir-ras u mhux fid-denb; u tkun biss minn fuq,+ u ma tkunx minn taħt, għaliex tibqaʼ tobdi l-kmandamenti+ taʼ Ġeħova Alla tiegħek, li qed nikkmandak illum biex tosservahom u tagħmilhom. 14 U titbigħedx mill-kliem kollu li qed nikkmandakom illum, lejn il-lemin jew lejn ix-xellug,+ biex timxi wara allat oħrajn ħalli taqdihom.+
15 “U jrid iseħħ li jekk ma tismax minn leħen Ġeħova Alla tiegħek biex toqgħod attent li tagħmel il-kmandamenti tiegħu u l-istatuti kollha tiegħu li qed nikkmandak illum, dawn is-saħtiet kollha jiġu fuqek u jilħquk:+
16 “Misħut tkun fil-belt,+ u misħut tkun fl-għalqa.+
17 “Misħuta tkun il-qoffa tiegħek+ u l-mejjilla li fiha tagħġen il-ħobż tiegħek.+
18 “Misħut ikun il-frott taʼ ġufek+ u l-prodott tal-ħamrija tiegħek,+ iż-żgħar tal-baqar tiegħek u l-frieħ tan-nagħaġ tiegħek.+
19 “Misħut tkun meta tidħol, u misħut tkun meta toħroġ.+
20 “Ġeħova jibgħat fuqek is-saħta,+ it-taħwid,+ u ċ-ċanfir+ f’kull xogħol li tagħmel u li tipprova twettaq, sakemm tinġieb fix-xejn u tgħib bl-għaġla, minħabba l-ħażen t’għemilek għaliex abbandunajtni.+ 21 Ġeħova se jġiegħel li l-pesta tibqaʼ fuqek sakemm hu jeqirdek għalkollox minn fuq l-art li int sejjer fiha biex tiħodha f’idejk.+ 22 Ġeħova se jolqtok bit-tuberkulosi,+ bid-deni qawwi, bl-infjammazzjoni, bis-sħana qawwija, bis-sejf,+ bit-taħsir taʼ riħ jaħraq,+ u bil-moffa,+ u dawn jibqgħu jiġru warajk sakemm tgħib. 23 Is-smewwiet li hemm fuq rasek isiru ram aħmar, u l-art li għandek taħtek ħadid.+ 24 Ġeħova se jibgħat xita taʼ ramel u trab fuq artek. Mis-smewwiet tinżel fuqek sakemm int tinġieb fix-xejn. 25 Ġeħova se jġiegħlek tiġi megħlub quddiem l-għedewwa tiegħek.+ Minn triq waħda toħroġ kontrihom, imma minn sebaʼ triqat taħrab minn quddiemhom; u ssir tal-biżaʼ għas-saltniet kollha taʼ l-art.+ 26 U l-ġisem mejjet tiegħek isir ikel għal kull ħliqa li ttir fis-smewwiet u għall-bhima tar-rabaʼ, u ma jkunx hemm min ibeżżagħhom.+
27 “Ġeħova se jolqtok bl-imsiemer taʼ l-Eġittu,+ bil-murliti, bil-ħakk, u bir-raxx fuq il-ġilda, li ma tkunx tistaʼ tfiq minnhom. 28 Ġeħova se jolqtok bil-ġenn,+ bin-nuqqas taʼ dawl,+ u bit-thewdin tal-moħħ.+ 29 U tibda tteftef ’l hemm u ’l hawn f’nofsinhar, bħalma raġel agħma jteftef ’l hemm u ’l hawn fid-dlam,+ u ma tirnexxix fi triqatek; u tkun biss imbroljat u misruq dejjem, u ma jkunx hemm min isalvak.+ 30 Titgħarras maʼ mara, imma jistupraha raġel ieħor.+ Tibni dar, imma ma tgħammarx fiha.+ Tħawwel għalqa dwieli, imma ma tibdiex taħsad il-frott.+ 31 Il-barri tiegħek jinqatel hemmhekk quddiem għajnejk—imma ma tiekol xejn minnu. Il-ħmar tiegħek jinsteraq minn quddiem wiċċek—imma ma jerġax lura għandek. In-nagħaġ tiegħek jingħataw lill-għedewwa tiegħek—imma ma jkollokx salvatur.+ 32 Uliedek subien u bniet jingħataw lil poplu ieħor+ u għajnejk jarawhom u jixxennqu għalihom dejjem—imma idejk ikunu bla qawwa.+ 33 Il-prodott tal-ħamrija tiegħek u dak kollu li tipproduċi jieklu poplu li ma tafux;+ u tkun biss imbroljat u mgħaffeġ dejjem.+ 34 U tiġġennen bid-dehra li tara b’għajnejk.+
35 “Ġeħova se jolqtok bi msiemer bla fejqan fuq irkopptejk u riġlejk, li ma tkunx tistaʼ tfiq minnhom, minn qiegħ sieqek sal-qorriegħa taʼ rasek.+ 36 Ġeħova se jmexxi lilek+ u lis-sultan tiegħek+ li tqiegħed fuqek għal għand ġens li ma tafux, la int u lanqas missirijietek; u hemmhekk ikollok taqdi allat oħrajn, taʼ l-injam u tal-ġebel.+ 37 U ssir oġġett taʼ stagħġib,+ qawl,+ u tgħajjir fost il-popli kollha li Ġeħova jieħdok għandhom.
38 “Int toħroġ ħafna żerriegħa lejn l-għalqa, imma ftit tiġbor,+ għaliex jibilgħuha l-ġurati.+ 39 Tħawwel għelieqi bid-dwieli u tikkultivahom, imma ma tixrobx inbid u ma tiġbor xejn,+ għaliex jikolhom id-dud.+ 40 Ikollok is-siġar taż-żebbuġ fit-territorju kollu tiegħek, imma ma jkollokx żejt biex tindilek bih, għaliex iż-żebbuġ tiegħek jaqaʼ.+ 41 Tiled subien u bniet, imma ma jibqgħux tiegħek, għaliex imorru fil-jasar.+ 42 Is-siġar kollha tiegħek u l-prodott tal-ħamrija tiegħek jinqerdu mill-insetti li jvenvnu ġwinħajhom. 43 Ir-resident barrani li qiegħed f’nofsok jibqaʼ jogħla iktar u iktar ’il fuq minnek, waqt li int—int tibqaʼ nieżel iktar u iktar ’l isfel.+ 44 Hu jkun dak li jsellfek, waqt li int—int ma ssellfux.+ Hu jsir ir-ras, waqt li int—int issir id-denb.+
45 “U dawn is-saħtiet+ kollha jiġu fuqek u jiġru warajk u jilħquk sakemm tinġieb fix-xejn,+ għaliex ma tkunx smajt minn leħen Ġeħova Alla tiegħek biex tħares il-kmandamenti tiegħu u l-istatuti tiegħu li kkmandak.+ 46 U jibqgħu fuqek u fuq nislek bħala sinjal u xi ħaġa taʼ l-għaġeb għal żmien indefinit,+ 47 minħabba l-fatt li int ma tkunx qdejt lil Ġeħova Alla tiegħek bl-hena u bil-ferħ+ taʼ qalbek għal kulma tak bl-abbundanza.+ 48 U jkollok taqdi lill-għedewwa tiegħek,+ li Ġeħova jibgħat kontrik, bil-ġuħ,+ bl-għatx, bl-għera, u bl-għaks f’kollox; u jpoġġilek madmad tal-ħadid fuq għonqok sakemm iġibek fix-xejn.+
49 “Ġeħova jqajjem kontrik ġens mill-bogħod,+ minn tarf l-art, bħalma ajkla tinżel għal fuq il-priża tagħha,+ ġens li l-lingwa tiegħu ma tifhimhiex,+ 50 ġens taʼ wiċċ kiefer,+ li la jkun parzjali max-xiħ u lanqas iħenn għaż-żagħżugħ.+ 51 U huma jieklu l-frott taʼ l-annimali domestiċi tiegħek u l-prodott tal-ħamrija tiegħek sakemm tinġieb fix-xejn,+ u ma jħallulekx qmuħ, inbid ġdid jew żejt, ebda wieħed miż-żgħar tal-baqar tiegħek jew mill-frieħ tan-nagħaġ tiegħek, sakemm jeqirduk.+ 52 U jassedjawk ’il ġewwa minn bwiebek kollha sakemm is-swar għoljin u fortifikati tiegħek, li qed tafda fihom, jaqgħu f’artek kollha, iva, jassedjawk ’il ġewwa minn bwiebek f’artek kollha, li tak Ġeħova Alla tiegħek.+ 53 Imbagħad ikollok tiekol il-frott taʼ ġufek, il-laħam taʼ wliedek subien u bniet,+ li tak Ġeħova Alla tiegħek, minħabba li tkun magħluq minn kullimkien u minħabba t-tbatija li se jġib fuqek l-għadu tiegħek.
54 “Inkwantu għar-raġel delikat u mfissed ħafna fostok, għajnu+ se tkun inklinata lejn il-ħażen maʼ ħuh u maʼ martu l-għażiża u mal-bqija taʼ wliedu li jkun baqagħlu, 55 u b’hekk ma jagħti xejn lil wieħed minnhom mil-laħam taʼ wliedu li se jiekol, għaliex ma baqagħlu assolutament xejn minħabba li int tkun magħluq minn kullimkien u minħabba t-tbatija li se jġib fuqek l-għadu tiegħek ’il ġewwa minn bwiebek.+ 56 Inkwantu għall-mara delikata u mfissda fostok, li qatt ma pprovat tmidd qiegħ sieqha fl-art, peress li hi mfissda u peress li hi delikata,+ għajnha se tkun inklinata lejn il-ħażen maʼ żewġha l-għażiż u maʼ binha u bintha, 57 saħansitra maʼ dak li joħroġ minn bejn riġlejha eżatt wara li tiled u maʼ wliedha li wildet,+ għaliex se tikolhom bil-moħbi minħabba l-għaks f’kollox u minħabba li int tkun magħluq minn kullimkien u minħabba t-tbatija li se jġib fuqek l-għadu tiegħek ’il ġewwa minn bwiebek.+
58 “Jekk ma toqgħodx attent li twettaq il-kliem kollu taʼ din il-liġi li hu miktub f’dan il-ktieb+ sabiex tibżaʼ minn dan l-isem glorjuż+ li jqanqal il-biżaʼ,+ Ġeħova,+ Alla tiegħek, 59 Ġeħova se jagħmel il-kastigi tiegħek u l-kastigi taʼ nislek, kastigi ħorox, kbar, u għal żmien twil,+ u mard bla fejqan li jdum għal żmien twil.+ 60 U se jġib lura fuqek il-mard kollu taʼ l-Eġittu, li int tkexkixt meta rajtu, u jibqaʼ mqabbad miegħek.+ 61 Ukoll, kwalunkwe marda u kwalunkwe kastig li m’humiex miktubin fil-ktieb taʼ din il-liġi, Ġeħova se jġibhom fuqek sakemm tinġieb fix-xejn. 62 U minnkom jibqaʼ għadd żgħir ferm,+ għalkemm sirtu bħall-kwiekeb tas-smewwiet daqskemm intom kotrana,+ għaliex ma tkunx smajt minn leħen Ġeħova Alla tiegħek.
63 “U jrid iseħħ li bħalma Ġeħova feraħ minħabba fikom biex jagħmlilkom il-ġid u jkattarkom,+ hekk Ġeħova jifraħ minħabba fikom biex jeqridkom u jġibkom fix-xejn;+ u titqaċċtu minn fuq wiċċ l-art li int sejjer fiha biex tiħodha f’idejk.+
64 “U Ġeħova se jxerrdek fost il-popli kollha minn tarf wieħed taʼ l-art sat-tarf l-ieħor taʼ l-art,+ u hemmhekk ikollok taqdi lil allat oħrajn, taʼ l-injam u tal-ġebel,+ li la int ma tafhom, u lanqas missirijietek. 65 U fost dawk il-ġnus ma jkollokx mistrieħ,+ lanqas ma jkun hemm post fejn isserraħ qiegħ sieqek; u hemmhekk Ġeħova jagħtik qalb imriegħda+ u għajnejn dgħajfin+ u ruħ iddisprata. 66 U tkun fl-akbar periklu għal ħajtek u tkun imbeżżaʼ lejl u nhar, u ma tkunx ċert dwar ħajtek.+ 67 Fil-għodu tgħid, ‘Mhux li kien fil-għaxija!’ u fil-għaxija tgħid, ‘Mhux li kien fil-għodu!’ minħabba l-biżaʼ taʼ qalbek li bih tkun imwerwer u minħabba d-dehra li tara b’għajnejk.+ 68 U Ġeħova jġibek lura lejn l-Eġittu bl-iġfna mit-triq li dwarha għedtlek, ‘Qatt ma terġaʼ taraha,’+ u hemmhekk ikollkom tinbiegħu lill-għedewwa tiegħek bħala lsiera rġiel u qaddejja nisa,+ imma ma jkunx hemm min jixtrikom.”