1 Slaten
22 U għal tliet snin baqgħu jgħammru mingħajr gwerer bejn is-Sirja u Israel. 2 U fit-tielet sena Ġeħosafat+ is-sultan taʼ Ġuda niżel għand is-sultan taʼ Israel. 3 Imbagħad is-sultan taʼ Israel qal lill-qaddejja tiegħu: “Ma tafux li Ramot-gilegħad+ hi tagħna? Iżda xorta qed naħsbuha jekk niħduhiex minn idejn is-sultan tas-Sirja.” 4 U qal lil Ġeħosafat: “Tiġi miegħi niġġieldu f’Ramot-gilegħad?”+ U Ġeħosafat qal lis-sultan taʼ Israel: “Jien għal miegħek. In-nies tiegħi għal man-nies tiegħek.+ Iż-żwiemel tiegħi għal maż-żwiemel tiegħek.”
5 Madankollu, Ġeħosafat żied jgħid lis-sultan taʼ Israel: “Jekk jogħġbok, qabel xejn staqsi+ x’inhi l-kelma taʼ Ġeħova.” 6 Għalhekk, is-sultan taʼ Israel ġabar lill-profeti flimkien,+ madwar erbaʼ mitt raġel, u qalilhom: “Għandi jien immur għall-gwerra kontra Ramot-gilegħad, jew noqgħod lura?” U bdew jgħidulu: “Itlaʼ,+ u Ġeħova jagħtiha f’idejn is-sultan.”
7 Imma Ġeħosafat qal: “Hawnhekk m’għadx hawn profeta taʼ Ġeħova? Mela ħa nistaqsu permezz tiegħu.”+ 8 Għal dan, is-sultan taʼ Israel qal lil Ġeħosafat: “Għad fadal raġel wieħed li permezz tiegħu nistgħu nistaqsu lil Ġeħova;+ imma jien nobogħdu,+ għax hu ma jipprofetizzax affarijiet tajbin dwari imma ħżiena+—Mikaja bin Imla.” Madankollu, Ġeħosafat qal: “Ħa ma jgħidx ħaġa bħal din is-sultan.”+
9 Għaldaqstant, is-sultan taʼ Israel sejjaħ lil ċertu uffiċjal tal-palazz+ u qallu: “Ġib malajr lil Mikaja bin Imla.”+ 10 Issa s-sultan taʼ Israel u Ġeħosafat is-sultan taʼ Ġuda kienu bil-qiegħda kull wieħed fuq it-tron tiegħu, lebsin ilbies irjali,+ fil-qiegħa tad-dris fid-daħla tal-bieb tas-Samarija; u l-profeti kollha kienu qed jaġixxu bħala profeti quddiemhom.+ 11 Imbagħad Sedekija bin Kengħana għamel qrun tal-ħadid u qal: “Hekk qal Ġeħova,+ ‘B’dawn se timbotta lis-Sirjani sakemm teqridhom għalkollox.’”+ 12 U l-profeti l-oħrajn kollha bdew jipprofetizzaw bħalu, u jgħidu: “Itlaʼ Ramot-gilegħad u tirnexxi; u Ġeħova żgur jagħtiha f’idejn is-sultan.”+
13 U l-messaġġier li kien mar isejjaħ lil Mikaja qallu: “Ara! Il-profeti kollha qed jgħidu li s-sultan se jaħbatlu tajjeb. Ħa tkun kelmtek, jekk jogħġbok, bħall-kelma taʼ wieħed minnhom, u tkellem it-tajjeb.”+ 14 Imma Mikaja qal: “Daqskemm hu ħaj Ġeħova,+ dak li jgħidli Ġeħova, dak se ngħid.”+ 15 Imbagħad daħal għand is-sultan, u s-sultan qallu: “Mikaja, immorru Ramot-gilegħad għall-gwerra, jew noqogħdu lura?” Minnufih qallu: “Itlaʼ u tirnexxi; u Ġeħova jagħtiha f’idejn is-sultan.”+ 16 Għal dan, is-sultan qallu: “Kemm-il darba rrid inġiegħlek taħlef li m’għandek tgħidli xejn ħlief il-verità f’isem Ġeħova?”+ 17 Għalhekk qallu: “Li qed nara żgur hu lill-Israelin kollha mxerrdin+ fuq il-muntanji, bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.+ U Ġeħova qal: ‘Dawn m’għandhomx sidien. Ħallihom imorru lura kull wieħed lejn daru fis-sliem.’”+
18 Imbagħad is-sultan taʼ Israel qal lil Ġeħosafat: “M’għedtlekx jien, ‘Se jipprofetizza dwari affarijiet ħżiena, mhux tajbin’?”+
19 U ssokta jgħid: “Għaldaqstant ismaʼ l-kelma taʼ Ġeħova:+ Li qed nara żgur hu lil Ġeħova bil-qiegħda fuq it-tron tiegħu+ u l-armata kollha tas-smewwiet wieqfa ħdejh, fuq il-lemin u fuq ix-xellug tiegħu.+ 20 U Ġeħova qal, ‘Min se jidħaq b’Aħab, sabiex jitlaʼ u jaqaʼ f’Ramot-gilegħad?’ U min beda jgħid ħaġa, u min beda jgħid oħra.+ 21 Fl-aħħar, spirtu+ minnhom ħareġ u waqaf quddiem Ġeħova u qal, ‘Jien nidħaq bih.’ U Ġeħova qallu, ‘Kif?’+ 22 U dak qallu, ‘Immur u nsir spirtu qarrieq f’fomm il-profeti kollha tiegħu.’+ Għalhekk, qal, ‘Se tidħaq bih, u iktar minn hekk, se tirbaħ.+ Mur u agħmel hekk.’+ 23 U issa Ġeħova qiegħed spirtu qarrieq f’fomm dawn il-profeti tiegħek kollha;+ imma Ġeħova ddikjara gwaj dwarek.”+
24 Issa Sedekija bin Kengħana resaq u ta daqqa taʼ ħarta lil Mikaja+ u qallu: “Eżattament minfejn għadda l-ispirtu taʼ Ġeħova mingħandi biex jitkellem miegħek?”+ 25 U Mikaja qallu: “Ara! Dakinhar li tidħol fil-kamra taʼ ġewwanett+ biex tinħeba se tara minfejn.”+ 26 Imbagħad is-sultan taʼ Israel qal: “Ħu lil Mikaja u agħtih lura lil Amon il-kap tal-belt u lil Ġowas bin is-sultan.+ 27 U għidilhom, ‘Hekk qal is-sultan:+ “Lil dan itfgħuh il-ħabs+ u agħtuh jiekol porzjon iżgħar taʼ ħobż+ u naqqsulu l-porzjon taʼ l-ilma sakemm niġi fis-sliem.”’”+ 28 Għal dan, Mikaja qal: “Jekk tassew terġaʼ lura fis-sliem, Ġeħova ma kellimnix.”+ U żied: “Isimgħu, O popli kollha.”+
29 U s-sultan taʼ Israel u Ġeħosafat is-sultan taʼ Ġuda telgħu Ramot-gilegħad.+ 30 Issa s-sultan taʼ Israel qal lil Ġeħosafat: “Jien se nilbes b’mod li ma nintgħarafx+ u nidħol fil-battalja,+ imma int ilbes ħwejġek.”+ Għaldaqstant, is-sultan taʼ Israel biddel u daħal fil-battalja.+ 31 Min-naħa tiegħu, is-sultan tas-Sirja kien ikkmanda lit-tnejn u tletin kap+ tal-karrijiet tiegħu: “Tiġġildux maż-żgħir u lanqas mal-kbir, imma mas-sultan taʼ Israel biss.”+ 32 U ġara li, malli l-kapijiet tal-karrijiet raw lil Ġeħosafat, huma qalu bejnhom u bejn ruħhom: “Dan żgur huwa s-sultan taʼ Israel.”+ Għalhekk, daru għalih biex jiġġildulu; u Ġeħosafat beda jgħajjat għall-għajnuna.+ 33 Hekk kif il-kapijiet tal-karrijiet raw li ma kienx is-sultan taʼ Israel, minnufih telqu minn warajh.+
34 U kien hemm raġel li ġibed il-qaws bla ħsieb taʼ xejn, u laqat lis-sultan taʼ Israel bejn il-kurazza u partijiet oħrajn taʼ l-armatura, u għalhekk dan qal lis-sewwieq tal-karru tiegħu:+ “Dawwar u oħroġni mill-kamp, għax ġejt ferut serjament.” 35 U l-battalja baqgħet tiħrax dakinhar, u s-sultan kellu jinżamm wieqaf fil-karru faċċata tas-Sirjani, u sa fil-għaxija miet;+ u d-demm mill-ferita baqaʼ jċarċar ġol-karru tal-gwerra.+ 36 U madwar inżul ix-xemx bdiet għaddejja mal-kamp l-għajta qawwija: “Kulħadd lejn beltu, u kulħadd lejn artu!”+ 37 Hekk miet is-sultan. Imbagħad ġabuh fis-Samarija, u difnuh fis-Samarija.+ 38 U ħaslu l-karru tal-gwerra ħdejn l-għadira tas-Samarija u l-klieb bdew jilagħqu d-demm tiegħu+ (u l-prostituti kienu jinħaslu hemmhekk), skond il-kelma li kien qal Ġeħova.+
39 U l-bqija tal-ġrajjiet t’Aħab u kulma għamel u d-dar taʼ l-avorju+ li bena u l-bliet kollha li bena, m’humiex dawn miktubin fi ktieb+ il-ġrajjiet taʼ żmien is-slaten taʼ Israel? 40 Fl-aħħar, Aħab imtedd maʼ missirijietu;+ u ibnu Aħażija+ beda jsaltan minfloku.
41 U Ġeħosafat+ bin Asa kien sar sultan fuq Ġuda fir-rabaʼ sena t’Aħab is-sultan taʼ Israel. 42 Ħamsa u tletin sena kellu Ġeħosafat meta beda jsaltan, u dam isaltan ħamsa u għoxrin sena f’Ġerusalemm; u ommu kien jisimha Għażuba bint Silħi. 43 U baqaʼ miexi fit-triq kollha t’Asa missieru. Ma warrabx minnha, billi għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova.+ Biss il-postijiet għall-qima* ma tneħħewx. In-nies kienu għadhom joffru s-sagrifiċċji u d-duħħan tas-sagrifiċċji fil-postijiet għall-qima.+ 44 U Ġeħosafat baqaʼ fil-paċi mas-sultan taʼ Israel.+ 45 U l-bqija tal-ġrajjiet taʼ Ġeħosafat u l-atti setgħanin tiegħu u kif iggwerra, m’humiex dawn miktubin fi ktieb+ il-ġrajjiet taʼ żmien is-slaten taʼ Ġuda? 46 U l-bqija tal-prostituti rġiel+ tat-tempju li kien fadal minn żmien Asa missieru, hu neħħiehom mill-pajjiż.+
47 U f’Edom ma kienx hemm sultan;+ kien jaħkem deputat.+
48 U Ġeħosafat, min-naħa tiegħu, għamel bastimenti taʼ Tarsis+ biex imorru Ofir għad-deheb; imma ma marrux għax tfarrku f’Għesjon-geber.+ 49 Kien imbagħad li Aħażija bin Aħab qal lil Ġeħosafat: “Ħalli lill-qaddejja tiegħi jmorru mal-qaddejja tiegħek fuq il-bastimenti,” imma Ġeħosafat ma qabilx.+
50 Fl-aħħar, Ġeħosafat imtedd maʼ missirijietu+ u ndifen maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David+ missieru; u ibnu Ġeħoram+ beda jsaltan minfloku.
51 U Aħażija+ bin Aħab sar sultan fuq Israel fis-Samarija fis-sena sbatax taʼ Ġeħosafat is-sultan taʼ Ġuda, u dam isaltan sentejn fuq Israel. 52 U kompla jagħmel dak+ li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u baqaʼ miexi fit-triq taʼ missieru+ u fit-triq t’ommu+ u fit-triq taʼ Ġerobogħam+ bin Nebat, li kien ġiegħel lil Israel jidneb.+ 53 U kompla jaqdi lil Bagħal+ u jmil quddiemu u baqaʼ joffendi+ lil Ġeħova l-Alla taʼ Israel skond kulma kien għamel missieru.