Luqa
11 Issa ġara li kien f’ċertu post jitlob, u x’ħin spiċċa, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu,+ bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu.”+
2 Imbagħad qalilhom: “Kulmeta titolbu,+ għidu, ‘Missier, ħa jitqaddes ismek.+ Ħa tiġi saltnatek.+ 3 Agħtina ħobżna+ għal dan il-jum skond il-bżonn taʼ dan il-jum. 4 U aħfrilna dnubietna,+ għax aħna wkoll naħfru lil kulmin għandu d-dejn+ magħna; u ddaħħalniex fit-tentazzjoni.’”+
5 Qalilhom ukoll: “Min minnkom ikollu ħabib u jmur għandu f’nofsillejl u jgħidlu, ‘Ħabib, islifni tliet ħobżiet, 6 għax għadu kif ġie għandi ħabib tiegħi li qed jivvjaġġa u m’għandi xejn xi nqiegħed quddiemu’? 7 U dak minn ġewwa jwieġbu, ‘Tibqax iddejjaqni.+ Il-bieb diġà msakkar, u wliedi ż-żgħar qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik.’ 8 Ngħidilkom, Għalkemm ma jqumx jagħtih għax hu ħabibu, żgur li għax dan jippersisti bla mistħija,+ iqum u jagħtih dak li għandu bżonn. 9 Għaldaqstant ngħidilkom, Ibqgħu itolbu,+ u jingħatalkom; ibqgħu fittxu,+ u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom. 10 Għax kulmin jitlob jaqlaʼ,+ u kulmin ifittex isib, u kulmin iħabbat jinfetaħlu. 11 Tabilħaqq, min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu+ jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? 12 Jew jekk jitolbu wkoll bajda, jagħtih skorpjun? 13 Għalhekk, jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom,+ kemm iktar il-Missier li hu fis-sema jagħti l-ispirtu qaddis+ lil dawk li jitolbuh!”
14 Iktar tard kien qed ikeċċi demonju mutu.+ Wara li ħareġ id-demonju, il-mutu tkellem. U l-folol stagħġbu. 15 Imma xi wħud minnhom qalu: “Hu jkeċċi d-demonji permezz taʼ Begħelżebub il-ħakkiem tad-demonji.”+ 16 Madankollu, biex jipprovawh, oħrajn riedu mingħandu sinjal+ mis-sema. 17 Peress li kien jaf x’kienu qed jimmaġinaw,+ qalilhom: “Kull saltna maqsuma kontra tagħha nfisha ssir ħerba, u dar maqsuma kontra tagħha nfisha taqaʼ.+ 18 Għalhekk, jekk Satana wkoll hu maqsum kontra tiegħu nnifsu, saltnatu kif se tibqaʼ wieqfa?+ Għax intom tgħidu li jien inkeċċi d-demonji permezz taʼ Begħelżebub. 19 Jekk jien inkeċċi d-demonji permezz taʼ Begħelżebub, uliedkom+ bis-saħħa taʼ min ikeċċuhom? Huwa għalhekk li jkunu l-imħallfin tagħkom. 20 Imma jekk inkeċċi d-demonji permezz tas-sabaʼ t’Alla,+ is-saltna t’Alla tassew laħqitkom.+ 21 Meta raġel b’saħħtu,+ armat tajjeb, jgħasses il-palazz tiegħu, l-affarijiet li għandu jibqgħu fis-sigurtà. 22 Imma meta jiġi kontrih xi ħadd iktar b’saħħtu+ minnu u jegħlbu,+ dan jiħodlu l-armamenti kollha li kien jafda fihom, u jqassam kulma jkun ħadlu bħala priża. 23 Min mhux miegħi kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi jxerred.+
24 “Meta spirtu mhux nadif joħroġ minn bniedem, jgħaddi minn postijiet niexfa jfittex fejn jistrieħ, u, meta ma jsibx, jgħid, ‘Se nerġaʼ lura lejn dari minfejn ħriġt.’+ 25 U malli jasal isibha miknusa u mżejna. 26 Imbagħad jitlaq u jieħu miegħu sebaʼ+ spirti oħra agħar minnu, u, wara li jidħlu ġewwa, jgħammru hemmhekk; u l-qagħda finali taʼ dak il-bniedem issir agħar minn taʼ l-ewwel.”+
27 Issa kif kien qed jgħid dan, waħda mara minn ġol-folla għolliet leħinha u qaltlu: “Hieni l-ġuf+ li ġarrek u s-sider li rdajt!” 28 Imma hu qal: “Le, pjuttost, Henjin dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jħarsuha!”+
29 Meta l-folol kienu qed jinġemgħu, beda jgħid: “Din il-ġenerazzjoni hi ġenerazzjoni mill-agħar; tfittex sinjal.+ Imma l-ebda sinjal ma jingħatalha ħlief dak taʼ Ġona.+ 30 Għax bħalma Ġona+ sar sinjal għan-nies taʼ Ninwe, bl-istess mod ukoll Bin il-bniedem ikun għal din il-ġenerazzjoni. 31 Is-sultana+ tan-nofsinhar tiġi mqajma fil-ġudizzju maʼ l-irġiel taʼ din il-ġenerazzjoni u tikkundannahom; għax ġiet minn truf l-art biex tismaʼ l-għerf taʼ Salamun, imma, ara, xi ħadd akbar+ minn Salamun qiegħed hawn. 32 L-irġiel taʼ Ninwe jqumu fil-ġudizzju maʼ din il-ġenerazzjoni u jikkundannawha; għax huma nidmu għal dak li ppriedka+ Ġona; imma, ara, xi ħadd akbar+ minn Ġona qiegħed hawn. 33 Wara li jixgħel musbieħ, wieħed ma jpoġġihx f’xi kantina jew taħt xi qoffa, imma fuq il-gandlier,+ biex dawk li jidħlu ġewwa jkunu jistgħu jaraw id-dawl. 34 Il-musbieħ tal-ġisem hu għajnek. Meta għajnek tkun sempliċi, ġismek kollu jkun jiddi wkoll;+ imma meta tkun mill-agħar, ġismek ikun mudlam ukoll. 35 Għalhekk, oqgħod attent, li ma jmurx id-dawl li hemm ġo fik ikun dlam.+ 36 Għalhekk, jekk ġismek kollu jiddi u ma jkollu ebda parti mudlama, ikun jiddi+ kollu kemm hu bħal meta musbieħ jagħtik id-dawl bir-raġġi tiegħu.”
37 Meta qal dan, wieħed Fariżew talbu jiekol+ miegħu. Għalhekk, daħal ġewwa u qagħad mal-mejda. 38 Madankollu, il-Fariżew issorprenda ruħu meta ra li l-ewwel ma nħasilx+ qabel l-ikla. 39 Imma l-Mulej qallu: “Issa intom il-Fariżej tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, imma minn ġewwa+ intom mimlijin serq u ħażen.+ 40 Nies bla raġuni! Dak li għamel in-naħa taʼ barra+ m’għamilx il-ġewwieni wkoll? 41 Madankollu, agħtu bħala għotjiet taʼ ħniena+ dak li hu minn ġewwa, u, ara, kollox ikun nadif għalikom. 42 Imma gwaj għalikom, Fariżej, għax intom tagħtu l-għexur+ tan-nagħniegħ u tal-fejġel u taʼ kull ħaxixa oħra, imma ma tagħtux kas il-ġustizzja u l-imħabba t’Alla! Dawn l-affarijiet kontu obbligati li tagħmlu, waqt li ma tħallux barra dawk l-affarijiet l-oħra.+ 43 Gwaj għalikom Fariżej, għax intom tħobbu s-siġġijiet taʼ quddiem fis-sinagogi u t-tislim fis-swieq!+ 44 Gwaj għalikom, għax intom bħal dawk l-oqbra tat-tifkira li ma jidhrux u li n-nies jimxu fuqhom bla ma jindunaw!”+
45 Wieħed minn dawk li kien jaf+ il-Liġi wieġeb u qallu: “Għalliem, meta tgħid dan tkun qed tinsulta lilna wkoll.” 46 Imbagħad hu qal: “Gwaj għalikom ukoll intom li tafu l-Liġi, għax tgħabbu lin-nies b’tagħbijiet tqal biex iġorruhom, imma intom ma tmissux dawn it-tagħbijiet b’sabaʼ wieħed!+
47 “Gwaj għalikom, għax intom tibnu l-oqbra tat-tifkira tal-profeti, imma missirijietkom qatluhom!+ 48 Tassew, intom xhieda taʼ l-għemejjel taʼ missirijietkom, u madankollu taqblu magħhom,+ għax dawn qatlu+ lill-profeti imma intom qed tibnulhom l-oqbra. 49 Minħabba f’hekk l-għerf+ t’Alla qal ukoll, ‘Nibagħtilhom profeti u appostli, u lil xi wħud minnhom joqtluhom u jippersegwitawhom, 50 sabiex id-demm tal-profeti kollha+ li xxerred mit-tisjis tad-dinja jintalab mingħand din il-ġenerazzjoni,+ 51 mid-demm t’Abel+ sad-demm taʼ Żakkarija,+ li nqatel bejn l-artal u d-dar.’+ Iva, ngħidilkom, jintalab mingħand din il-ġenerazzjoni.
52 “Gwaj għalikom intom li tafu l-Liġi, għax ħadtu l-muftieħ taʼ l-għarfien;+ intom stess ma dħaltux, u lil min kien dieħel fixkiltuh!”+
53 Meta ħareġ minn hemmhekk, l-iskribi u l-Fariżej bdew irossuh kemm jifilħu u jdejquh b’mistoqsijiet dwar affarijiet oħra, 54 u kienu lesti+ għalih biex jaqbdu+ xi ħaġa minn fommu.