1 Samwel
11 U Naħas l-Għammoni+ telaʼ u kkampja kontra Ġabes+ f’Gilegħad. U l-irġiel kollha taʼ Ġabes qalu lil Naħas: “Agħmel patt magħna sabiex naqduk.”+ 2 Imbagħad Naħas l-Għammoni qalilhom: “B’din il-kundizzjoni nagħmel patt magħkom, bil-kundizzjoni li naqlaʼ+ l-għajn il-leminija tagħkom kollha u nqegħedha bħala għajb fuq Israel kollu.”+ 3 Imbagħad ix-xjuħ taʼ Ġabes qalulu: “Agħtina sebat ijiem żmien, u nibagħtu messaġġiera fit-territorju kollu taʼ Israel u, jekk ma jkun hemm ħadd min isalvana,+ ikollna niġu għandek.” 4 U l-messaġġiera ġew Gibegħa+ taʼ Sawl u qalu l-kliem biex jisimgħuh in-nies, u n-nies kollha bdew jgħollu leħinhom u jibku.+
5 Imma Sawl kien ġej mill-għalqa wara l-merħla, u Sawl qal: “Xi ġralhom in-nies biex qed jibku?” U rrakkontawlu dak li qalu l-irġiel taʼ Ġabes. 6 U l-ispirtu+ t’Alla beda jaħdem fuq Sawl malli semaʼ dan il-kliem, u r-rabja tiegħu xegħlet bis-sħiħ.+ 7 Għalhekk, ħa par barrin u qattagħhom biċċiet u bagħathom fit-territorju kollu taʼ Israel+ b’id il-messaġġiera u qal: “Kulmin minna ma joħroġx bħala segwaċi taʼ Sawl u taʼ Samwel, hekk isirilhom lill-baqar tiegħu!”+ U l-biżaʼ+ taʼ Ġeħova+ waqaʼ fuq in-nies, u b’hekk dawn ħarġu bħal bniedem wieħed.+ 8 Imbagħad għaddhom+ f’Beżek, u wlied Israel ammontaw għal tliet mitt elf, u l-irġiel taʼ Ġuda tletin elf. 9 Issa lill-messaġġiera li kienu ġew qalulhom: “Hekk għidulhom lill-irġiel taʼ Ġabes f’Gilegħad, ‘Għada sseħħilkom is-salvazzjoni meta tisħon ix-xemx.’”+ U l-messaġġiera marru u taw l-aħbar lill-irġiel taʼ Ġabes, u dawn ferħu. 10 Għaldaqstant, l-irġiel taʼ Ġabes qalu lill-Għammonin: “Għada niġu għandkom, u agħmlulna skond kulma hu tajjeb f’għajnejkom.”+
11 U ġara li l-għada Sawl+ qassam in-nies fi tliet gruppi;+ u dawn daħlu f’nofs il-kamp matul l-għassa taʼ fil-għodu*+ u qatlu lill-Għammonin+ sakemm saħan il-jum. U dawk il-ftit li baqgħu ħajjin ġew imxerrdin sakemm ma kienx għad baqaʼ fosthom tnejn flimkien.+ 12 U n-nies bdew jgħidu lil Samwel: “Min qed jgħid, ‘Sawl—hu se jkun sultan fuqna?’+ Agħtuna f’idejna lil dawn l-irġiel, sabiex nagħtuhom il-mewt.”+ 13 Madankollu, Sawl qal: “Lanqas raġel wieħed m’għandu jingħata l-mewt f’dan il-jum,+ għaliex illum Ġeħova wettaq is-salvazzjoni f’Israel.”+
14 Iktar tard Samwel qal lin-nies: “Ejjew immorru Gilgal+ sabiex hemmhekk inġeddu l-kariga taʼ sultan.”+ 15 Għalhekk, in-nies kollha marru Gilgal, u hemmhekk għamlu lil Sawl sultan quddiem Ġeħova f’Gilgal. Imbagħad hemmhekk offrew sagrifiċċji taʼ sħubija quddiem Ġeħova,+ u kien hemmhekk li Sawl u l-irġiel kollha taʼ Israel komplew jithennew bil-kbir.+