Ġob
2 Imbagħad wasal il-jum meta wlied* l-Alla l-veru daħlu biex jidhru quddiem Ġeħova, u Satana* wkoll daħal fosthom biex jidher quddiem Ġeħova.+
2 Imbagħad Ġeħova qal lil Satana: “Minfejn ġej?” U Satana wieġeb lil Ġeħova u qallu: “Milli ndur ’l hemm u ’l hawn fuq l-art u milli nimxi ’l hemm u ’l hawn fiha.”+ 3 U Ġeħova ssokta jgħid lil Satana: “Qgħadt taħseb xejn fil-qaddej tiegħi Ġob,+ li m’hemm ħadd bħalu fuq l-art, raġel bla ħtija u rett,+ jibżaʼ minn Alla+ u jitbiegħed mill-ħażen?+ Hu għadu saħansitra jżomm sod l-integrità tiegħu,+ għalkemm int tagħwini+ kontrih biex neqirdu għalxejn b’xejn.”+ 4 Imma Satana+ wieġeb lil Ġeħova u qallu: “Ġild għal ġild, u raġel jagħti kulma jkollu għal ruħu.+ 5 Imma issa midd idek, jekk jogħġbok, u misslu s’għadmu u laħmu u ara jekk jisħtekx f’wiċċek.”+
6 Għaldaqstant, Ġeħova qal lil Satana: “Hemm hu f’idek! Biss oqgħod attent għal ruħu!” 7 Għalhekk, Satana ħareġ minn quddiem wiċċ Ġeħova+ u lil Ġob imlielu ġismu kollu msiemer li ma jfiqux+ minn qiegħ saqajh sal-qorriegħa taʼ rasu. 8 U dan qabad biċċa fuħħar biex iħokk biha; u qagħad bil-qiegħda qalb l-irmied.+
9 Fl-aħħar, martu qaltlu: “Għadek iżżomm sod l-integrità tiegħek?+ Isħet lil Alla u mut!” 10 Imma hu qalilha: “Bħalma titkellem waħda min-nisa bla sens,+ titkellem int ukoll. Se naċċettaw biss dak li hu tajjeb mingħand l-Alla l-veru u ma naċċettawx ukoll dak li hu ħażin?”+ F’dan kollu Ġob ma dinibx b’xofftejh.+
11 U tlett iħbieb taʼ Ġob semgħu b’dan il-gwaj kollu li kien ġie fuqu, u ġew, kull wieħed minn pajjiżu, Elifaż it-Temani,+ Bildad is-Suħi,+ u Sofar in-Nagħmati.+ Għalhekk, dawn iltaqgħu flimkien+ biex jiġu u juruh li jħossu għalih u jfarrġuh.+ 12 Meta refgħu għajnejhom mill-bogħod m’għarfuhx. U għollew leħinhom, bkew, u ċarrtu,+ kull wieħed il-libsa bla kmiem tiegħu, u xeħtu t-trab lejn is-smewwiet għal fuq rashom.+ 13 U qagħdu bil-qiegħda+ fl-art miegħu sebat ijiem u sebaʼ ljieli, u ma kien hemm ħadd li jgħidlu kelma, għax raw li l-uġigħ+ tiegħu kien kbir ferm.