21 U Ġob wieġeb u qal:
2 “Agħtuni widen u oqogħdu attenti għal kelmti,
U ħa tkun din il-konsolazzjoni tagħkom.
3 Issaportuni, u nitkellem;
Wara li nitkellem tistgħu tiddieħqu.+
4 U jien lil xi bniedem nesprimih l-inkwiet tiegħi?
Jew l-ispirtu tiegħi għala ma jsirx bla paċenzja?
5 Dawru wiċċkom lejja u stagħġbu u ċċassaw,
U poġġu idkom fuq fommkom.+
6 Jekk niftakar, nitħawwad,
Taqbadni rogħda maʼ ġismi kollu.
7 Il-ħżiena għala jibqgħu ħajjin,+
Jixjieħu, u wkoll isiru iktar u iktar għonja?+
8 Nisilhom hu stabbilit fis-sod magħhom u quddiemhom,
U d-dixxendenti tagħhom quddiem għajnejhom.
9 Djarhom fis-sliem, ħelsin mill-biżaʼ,+
U l-ħatar t’Alla m’huwiex fuqhom.
10 Il-barri tagħhom inissel, u ma jaħlix sperma;
Il-baqra tagħhom tiled+ u ma tkorrix.
11 Iħallu lit-tfal tagħhom joħorġu barra bħal merħla,
U wliedhom imorru jaqbżu ’l hemm u ’l hawn.
12 Ikomplu jgħollu leħinhom bit-tanburlin u bl-arpa,+
U jithennew bil-ħoss tal-fifra.
13 Iqattgħu jiemhom jixxalaw,+
U jinżlu fil-Qabar f’mument wieħed.
14 Jgħidu lill-Alla l-veru, ‘Tbiegħed minna!+
Ma jogħġobniex l-għarfien dwar triqatek.+
15 Min hu Dak li Jistaʼ Kollox, sabiex naqduh,+
U kif nibbenefikaw billi nikkomunikaw miegħu?’+
16 Ara! Il-kundizzjoni tajba tagħhom m’hijiex f’idejhom.+
Il-parir tal-ħżiena żammejtu ’l bogħod minni.+
17 Kemm-il darba jintefa l-musbieħ tan-nies mill-agħar,+
U jiġi fuqhom id-diżastru tagħhom?
Kemm-il darba fir-rabja tiegħu Alla jibgħat il-qerda?+
18 Isiru huma bħat-tiben fir-riħ,+
U bħal karfa maħtufa minn riħ taʼ tempesta?
19 Alla jaħżen il-ħsara taʼ bniedem għal uliedu stess;+
Hu jagħtih ħlasu sabiex ikun konxju taʼ dan.+
20 B’għajnejh jara lilu nnifsu sejjer lura,
U mill-korla taʼ Dak li Jistaʼ Kollox jixrob hu.+
21 Għax x’għaxqa jsib f’daru wara li jmut,
Meta l-għadd tax-xhur tiegħu jonqos bin-nofs?+
22 Se jgħallem hu l-għerf lil Alla,+
Meta dan il-Wieħed jiġġudika lill-ogħla ħlejjaq?+
23 Bniedem imut meta ma jkun jonqsu assolutament xejn,+
Meta ma jkollu inkwiet taʼ xejn u jkun komdu;
24 Meta koxxtejh ikunu mimlijin xaħam
U l-mudullun t’għadmu jkun tari.
25 U l-ieħor imut b’ruħu mimlija mrar
Bla ma jkun daq xejn mill-affarijiet tajbin.+
26 Flimkien fit-trab jimteddu+
U d-dud jiksihom.+
27 Ara! Nafhom tajjeb ħsibijietkom
U l-pjanijiet tagħkom biex taġixxu bil-vjolenza kontrija.+
28 Għax intom tgħidu, ‘Fejn hi dar in-nobbli,
U fejn hi t-tinda, il-post fejn jgħammru l-ħżiena?’+
29 Ma staqsejtuhomx lil dawk li jkunu fit-toroq qed jivvjaġġaw?
Ma tifluhomx sew is-sinjali tagħhom,
30 Li f’jum id-diżastru bniedem mill-agħar jiġi skansat,+
F’jum il-qilla jiġi meħlus?
31 Min se jgħidlu f’wiċċu dwar imġibtu?+
U min se jħallsu għal dak li għamel?+
32 Inkwantu għalih, lejn il-post tad-dfin jittieħed,+
U fuq il-qabar tinżamm l-għassa.
33 Għalih ikunu pjaċevoli ċ-ċapep tal-ħamrija tal-wied,+
U warajh ikaxkar il-bnedmin kollha,+
U dawk taʼ qablu kienu bla għadd.
34 Għalhekk, kemm hu għalxejn li qed tipprovaw tfarrġuni!+
Fit-tweġibiet tagħkom ma baqax ħlief nuqqas taʼ fedeltà.”