Luqa
18 Imbagħad qalilhom tixbiha dwar il-bżonn li jitolbu dejjem bla ma jaqtgħu qalbhom:+ 2 “F’ċerta belt kien hemm imħallef li la kien jibżaʼ minn Alla u lanqas jirrispetta lill-bniedem. 3 U f’dik il-belt kien hemm ukoll armla li kienet tmur għandu+ u tgħidlu, ‘Ara li ssir ġustizzja miegħi fil-kawża maʼ l-avversarju tiegħi.’ 4 Għal xi żmien hu ma riedx, imma wara qal f’qalbu, ‘Għalkemm la nibżaʼ minn Alla u lanqas nirrispetta lill-bniedem, 5 minħabba l-fatt li din l-armla se tibqaʼ tħabbatni,+ nara li ssirilha ġustizzja, biex ma tibqax tiġi tiħodli rasi.’”+ 6 Imbagħad il-Mulej qal: “Isimgħu x’qal l-imħallef, għalkemm ma kienx raġel sewwa! 7 Ċertament, mela, sejjer Alla ma jġegħelx li ssirilhom ġustizzja+ lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, għalkemm idum juri sabar magħhom?+ 8 Ngħidilkom, Iġiegħel li ssirilhom ġustizzja malajr.+ Madankollu, meta jasal Bin il-bniedem, veru jsib il-fidi* fuq l-art?”
9 Lil xi wħud li kienu fiduċjużi fihom infushom li kienu nies sewwa,+ u li kienu jqisu lil ħaddieħor bħala li m’hu xejn,+ qalilhom ukoll din it-tixbiha: 10 “Żewġt irġiel telgħu fit-tempju biex jitolbu, wieħed kien Fariżew u l-ieħor kollettur tat-taxxi. 11 Il-Fariżew qam+ u beda jitlob+ hekk f’qalbu, ‘O Alla, nirringrazzjak li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, imbroljuni, ma jagħmlux is-sewwa, adulteri, jew saħansitra bħal dan il-kollettur tat-taxxi.+ 12 Insum darbtejn fil-ġimgħa, nagħti l-għexur taʼ dak kollu li nikseb.’+ 13 Imma l-kollettur tat-taxxi wieqaf ’il bogħod lanqas ried saħansitra jgħolli għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru+ u jgħid, ‘O Alla, kun ħanin miegħi għax jien midneb.’+ 14 Ngħidilkom, Dan niżel lejn daru magħdud bħala raġel sewwa+ iktar mill-ieħor; għax kulmin jitgħolla jiġi umiljat, imma min jumilja ruħu jitgħolla.”+
15 Issa n-nies bdew iġibulu wkoll lit-tfal ċkejknin tagħhom biex imisshom; imma malli raw dan id-dixxipli bdew iċanfruhom.+ 16 Madankollu, Ġesù sejjaħ lejh liċ-ċkejknin u qal: “Ħallu t-tfal żgħar jiġu għandi, u tipprovawx twaqqfuhom. Għax is-saltna t’Alla hi taʼ min hu bħalhom.+ 17 Tassew ngħidilkom, Kulmin ma jilqax is-saltna t’Alla bħal tifel żgħir żgur ma jidħolx fiha.”+
18 U wieħed ħakkiem staqsieh: “Għalliem Tajjeb, xi rrid nagħmel biex niret il-ħajja taʼ dejjem?”+ 19 Qallu Ġesù: “Għala ssejjaħli tajjeb? Ħadd m’hu tajjeb, ħlief Alla biss.+ 20 Tafhom il-kmandamenti,+ ‘Tagħmilx adulterju,+ Toqtolx,+ Tisraqx,+ Tixhidx falz,+ Onora lil missierek u lil ommok.’”+ 21 Qallu dak: “Dawn kollha ħaristhom sa minn żgħożiti.”+ 22 Wara li semaʼ dan, Ġesù qallu: “Għad jonqsok ħaġa waħda: Bigħ kulma għandek u qassam lill-foqra, u jkollok teżor fis-smewwiet; u ejja kun segwaċi tiegħi.”+ 23 Meta semaʼ dan, tnikket ferm, għax kien għani ħafna.+
24 Ġesù ħares lejh u qal: “Kemm se jkun diffiċli għal dawk li għandhom il-flus biex jidħlu fis-saltna t’Alla!+ 25 Fil-fatt, hu eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn il-labra tal-ħjata milli raġel għani jidħol fis-saltna t’Alla.”+ 26 Dawk li semgħuh qalulu: “Allura, min jistaʼ jiġi salvat?” 27 Qalilhom: “Dak li hu impossibbli għall-bnedmin, hu possibbli għal Alla.”+ 28 Imma Pietru qallu: “Ara! Aħna tlaqna l-affarijiet tagħna u ġejna warajk.”+ 29 Qalilhom: “Tassew ngħidilkom, M’hemm ħadd li telaq lil daru jew lil martu jew lil ħutu jew lill-ġenituri jew lit-tfal minħabba s-saltna t’Alla+ 30 li ma jiħux ħafna iktar f’dan iż-żmien, u fis-sistema li ġejja, ħajja taʼ dejjem.”+
31 Imbagħad ġibed lit-tnax fil-ġenb u qalilhom: “Ara! Aħna telgħin Ġerusalemm, u kulma nkiteb permezz tal-profeti+ dwar Bin il-bniedem jitwettaq għalkollox.+ 32 Per eżempju, hu jingħata f’idejn in-nies tal-ġnus u jiżżuffjettaw+ bih u jinsultawh+ u jobżqulu;+ 33 u wara li jsawtuh,+ joqtluh,+ imma fit-tielet jum iqum.”+ 34 Madankollu, huma ma fehmu xejn minn dan; għax dan il-kliem kien moħbi għalihom, u ma kinux jafu x’qal.+
35 Issa, kif kien qed joqrob lejn Ġeriko, wieħed agħma kien bil-qiegħda mal-ġenb tat-triq jittallab.+ 36 Peress li semaʼ folla għaddejja, beda jistaqsi x’setaʼ kien dan. 37 Qalulu: “Għaddej Ġesù n-Nazzarenu!”+ 38 Minnufih għajjat u qal: “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni!”+ 39 U dawk li kienu mexjin fuq quddiem bdew iċanfruh biex joqgħod kwiet, imma hu iktar baqaʼ jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni.”+ 40 Imbagħad Ġesù waqaf u ordna li jġibuhulu.+ X’ħin resaq qrib, Ġesù staqsieh: 41 “Xi tridni nagħmillek?”+ Qallu: “Mulej, ħa nerġaʼ nieħu d-dawl.”+ 42 Għalhekk, Ġesù qallu: “Erġaʼ ħu d-dawl; il-fidi tiegħek fejqitek.”+ 43 U minnufih reġaʼ ħa d-dawl,+ u beda miexi warajh jigglorifika lil Alla.+ Ukoll, malli raw dan, in-nies kollha faħħru lil Alla.