104 Bierek lil Ġeħova, O ruħi.+
O Ġeħova Alla tiegħi, int kbir ħafna.+
Bid-dinjità u l-glorja tlibbist,+
2 Tgeżwirt bid-dawl bħallikieku b’libsa,+
U frixt is-smewwiet bħal drapp tat-tined.+
3 Fl-ilmijiet int bnejt bit-travi l-kmamar tiegħek taʼ fuq,+
Għamilt is-sħab il-karru tiegħek,+
Timxi fuq il-ġwienaħ tar-riħ,+
4 Għamilt lill-anġli tiegħek spirti,+
Lill-ministri tiegħek nar li jiblaʼ.+
5 Sejjist l-art fuq il-postijiet stabbiliti tagħha;+
Din qatt u qatt ma se titħarrek.+
6 Int għattejtha b’ilmijiet fondi bħallikieku b’libsa.+
L-ilmijiet kienu weqfin ’il fuq mill-muntanji.+
7 Maċ-ċanfira tiegħek bdew jaħarbu;+
Mal-ħoss tar-ragħad tiegħek telqu jiġru bil-paniku—
8 Il-muntanji telgħu,+
Il-pjanuri fil-widien niżlu—
Lejn il-post li sejjist għalihom.
9 Qegħedtilhom limitu li m’għandhomx jaqbżuh,+
Sabiex ma jerġgħux jgħattu l-art.+
10 Int qed tibgħat in-nixxigħat fil-widien;+
Bejn il-muntanji jibqgħu għaddejjin.
11 Jisqu kontinwament lill-bhejjem salvaġġi kollha tar-rabaʼ;+
Iż-żebri+ jaqtgħu l-għatx minnhom regolarment.
12 Fuqhom jistrieħu l-ħlejjaq li jtiru fis-smewwiet;+
Minn bejn ħafna weraq isemmgħu ħosshom.+
13 Issaqqi l-muntanji mill-kmamar tiegħek taʼ fuq.+
Bil-frott taʼ xogħlijietek l-art xebgħana.+
14 Qed tnibbet il-ħaxix aħdar għall-bhejjem,+
U l-ħxejjex li tinqeda bihom l-umanità,+
Biex joħroġ l-ikel mill-art,+
15 U l-inbid li jferraħ qalb il-bniedem mortali,+
Biex jagħmel il-wiċċ ileqq permezz taż-żejt,+
U l-ħobż li jsostni qalb il-bniedem mortali.+
16 Is-siġar taʼ Ġeħova xebgħana,
Iċ-ċedri tal-Libanu li ħawwel,+
17 Fejn l-għasafar jagħmlu l-bejta.+
U fil-każ taċ-ċikonja, is-siġar tal-ġnibru huma darha.+
18 Fil-muntanji għoljin+ jgħixu l-mogħoż tal-muntanji;+
Il-blat għoli hu refuġju għall-fniek tax-xagħri.+
19 Int għamilt il-qamar biex jimmarka ż-żminijiet stabbiliti;+
Ix-xemx taf sew fejn trid tinżel.+
20 Int tagħmel id-dlam, biex ikun jistaʼ jsir il-lejl;+
Matulu l-annimali salvaġġi kollha tal-foresta joħorġu.
21 L-iljuni b’saħħithom jgħajtu għall-priża+
U jfittxu l-ikel tagħhom mingħand Alla nnifsu.+
22 Ix-xemx tibda tiddi+—huma jirtiraw
U jimteddu fil-moħbiet tagħhom.
23 Il-bniedem joħroġ għax-xogħol+
U jibqaʼ jaħdem sa fil-għaxija.+
24 Kemm huma kotrana xogħlijietek, O Ġeħova!+
Kollha bl-għerf għamilthom.+
L-art mimlija b’dak li pproduċejt.+
25 U l-baħar li tant hu kbir u wiesaʼ,+
Fih ħlejjaq li jitħarrku bla għadd,+
Ħlejjaq ħajjin, żgħar kif ukoll kbar.+
26 Hemm imorru l-bastimenti;+
U lil Levjatan,+ int sawwartu biex jilgħab fih.+
27 Ilkoll kemm huma—lilek jibqgħu jistennew+
Biex tagħtihom l-ikel fl-istaġun tiegħu.+
28 Dak li tagħtihom huma jiġbruh.+
Int tiftaħ idek—huma jissodisfaw ruħhom b’affarijiet tajbin.+
29 Jekk taħbi wiċċek, huma jitħawdu.+
Jekk tiħdilhom l-ispirtu tagħhom, imutu,+
U jmorru lura lejn it-trab li ġew minnu.+
30 Jekk int tibgħat l-ispirtu tiegħek, huma jinħolqu;+
U ġġedded wiċċ l-art.
31 Il-glorja taʼ Ġeħova tibqaʼ għal dejjem.+
Ġeħova se jithenna bil-ħolqien tiegħu.+
32 Hu jħares lejn l-art, u din titriegħed;+
Imiss il-muntanji, u dawn idaħħnu.+
33 Jien se nkanta lil Ġeħova tul ħajti kollha;+
Se ngħanni lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.+
34 Ħa jieħu gost bija meta nimmedita dwaru.+
Jien, min-naħa tiegħi, se nifraħ b’Ġeħova.+
35 Il-midinbin se jintemmu minn fuq l-art;+
U dawk mill-agħar m’humiex se jkunu iktar.+
Bierek lil Ġeħova, O ruħi. Faħħru lil Jah!+