Mattew
15 Imbagħad ġew xi Fariżej u skribi minn Ġerusalemm+ għand Ġesù u qalulu: 2 “Id-dixxipli tiegħek għala jiksru t-tradizzjoni taʼ dawk taʼ qabilna? Per eżempju, huma ma jaħslux idejhom qabel jieklu.”+
3 Wieġeb u qalilhom: “U intom għala tiksru l-kmandament t’Alla minħabba t-tradizzjoni tagħkom?+ 4 Per eżempju, Alla qal, ‘Onora lil missierek u lil ommok’;+ u, ‘Min iżeblaħ lil missieru jew lil ommu jieħu l-mewt.’+ 5 Imma intom tgħidu, ‘Kulmin jgħid lil missieru jew lil ommu: “Kulma għandi li bih nistaʼ nkun t’għajnuna għalik hu għotja dedikata lil Alla,” 6 m’għandux għalfejn jonora lil missieru.’+ U b’hekk il-kelma t’Alla ġibtuha fix-xejn minħabba t-tradizzjoni tagħkom.+ 7 Ja ipokriti,+ sewwa pprofetizza dwarkom Isaija,+ meta qal, 8 ‘Dan il-poplu jonorani b’xofftejh, iżda qalbu mbiegħda minni.+ 9 Għalxejn jagħtuni qima, għax jgħallmu bħala duttrini+ l-kmandi tal-bnedmin.’” 10 Imbagħad sejjaħ lill-folla lejh u qalilhom: “Isimgħu u ifhmu dan:+ 11 Mhux dak li jidħol mill-fomm iniġġes lill-bniedem; imma dak li joħroġ minn fommu jniġġsu lill-bniedem.”+
12 Imbagħad ġew id-dixxipli u qalulu: “Taf li l-Fariżej tfixklu b’dak li għedt?”+ 13 Wieġeb u qalilhom: “Kull xitla li ma ħawwilx Missieri tas-sema titqaċċat mill-għeruq.+ 14 Ħalluhom. Dawk gwidi għomja. Għalhekk, jekk agħma jmexxi lil agħma, it-tnejn jaqgħu f’ħofra.”+ 15 Wieġeb Pietru u qallu: “Fissrilna+ din it-tixbiha.” 16 Għal dan, qalilhom: “Intom ukoll għadkom ma fhimtux?+ 17 Ma tafux li kulma jidħol mill-fomm jgħaddi mill-imsaren u jintrema fid-dranaġġ? 18 Madankollu, dak li joħroġ mill-fomm jiġi mill-qalb, u dan hu li jniġġes lill-bniedem.+ 19 Per eżempju, mill-qalb joħorġu rraġunar ħażin,+ qtil, adulterju, żína, serq, xiehda falza, u dagħa.+ 20 Dawn huma l-affarijiet li jniġġsu lill-bniedem, imma dan ma jitniġġisx+ għax jiekol mingħajr ma jaħsel idejh.”
21 Ġesù telaq minn hemmhekk u mar fl-inħawi taʼ Tir u Sidon.+ 22 U, ara, waħda mara mill-Feniċja*+ li kienet toqgħod f’dawk l-inħawi ħarġet tgħajjat u tgħid: “Ikollok ħniena minni,+ Mulej, Bin David. Binti maħkuma bl-ikrah minn demonju.” 23 Imma hu ma wiġibha xejn. Għalhekk, resqu d-dixxipli tiegħu u bdew jitolbuh: “Ibgħatha ’l hemm; għax se tibqaʼ tgħajjat warajna.” 24 Hu wieġeb u qal: “Kont mibgħut biss għan-nagħaġ mitlufin taʼ dar Israel.”+ 25 Imma l-mara ġiet, mielet quddiemu, u qaltlu: “Mulej, għinni!”+ 26 Hu wiġibha: “Mhux sewwa li tieħu l-ħobż tat-tfal u titfgħu lill-ġriewi.” 27 Qaltlu: “Iva, Mulej; imma fil-fatt il-ġriewi wkoll jieklu mill-frak li jaqaʼ mill-mejda tas-sidien tagħhom.”+ 28 Imbagħad Ġesù qalilha: “O mara, kbira hi l-fidi tiegħek; ħa jkunlek kif tixtieq.” U bintha fieqet dak il-ħin stess.+
29 Imbagħad Ġesù telaq minn hemmhekk u ġie ħdejn il-baħar tal-Galilija,+ u, wara li telaʼ fuq il-muntanja,+ qagħad bil-qiegħda. 30 Imbagħad resqu lejh folol kbar, li kellhom magħhom nies zopop, immankati, għomja, muti, u ħafna oħrajn, u qegħduhom f’riġlejh, u fejjaqhom;+ 31 u l-folla baqgħet mgħaġġba meta rat il-muti jitkellmu, iz-zopop jimxu, u l-għomja jaraw, u gglorifikaw lill-Alla taʼ Israel.+
32 Imbagħad Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u qalilhom:+ “Nitħassarhom+ lil dawn in-nies, għax diġà ilhom tlett ijiem miegħi u m’għandhom xejn x’jieklu; u ma rridx nibgħathom sajmin, li ma jmurx iħosshom ħażin fit-triq.” 33 Madankollu, id-dixxipli qalulu: “F’dan il-post imwarrab, minfejn se nġibu biżżejjed ħobż biex inxebbgħu folla kbira bħal din?”+ 34 Għal dan, Ġesù qalilhom: “Kemm għandkom ħobż?” Qalulu: “Sebgħa, u ftit ħut żgħir.” 35 Mela, wara li qal lin-nies biex jinxteħtu fl-art, 36 ħa s-sebaʼ ħobżiet u l-ħut u, wara li radd ħajr, qasamhom u beda jnewwilhom lid-dixxipli, u mbagħad id-dixxipli tawhom lill-folol.+ 37 U kulħadd kiel u xebaʼ, u ġabru l-bċejjeċ li baqgħu żejda u mlew sebat iqfief kbar.+ 38 Dawk li kielu kienu erbat elef raġel, barra n-nisa u t-tfal żgħar. 39 Fl-aħħar, wara li bagħat lill-folol, telaʼ fid-dgħajsa u ġie fl-inħawi taʼ Magadan.+