Luqa
12 Sadanittant, meta nġabru eluf tant kbar taʼ nies li kulħadd kien qed jgħaffeġ fuq xulxin, hu beda billi l-ewwel qal lid-dixxipli tiegħu: “Oqogħdu attenti mill-ħmira+ tal-Fariżej, li hi l-ipokrisija.+ 2 Imma m’hemm xejn moħbi bil-għaqal li ma jiġix rivelat, u sigriet li ma jsirx magħruf.+ 3 Għal din ir-raġuni, dak li tgħidu fid-dlam jinstemaʼ fid-dawl, u dak li tgħidu fil-widnejn fil-kmamar privati jiġi pridkat minn fuq il-bjut.+ 4 Iktar minn hekk, ngħidilkom, ħbieb tiegħi,+ Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem u mbagħad ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn iktar.+ 5 Imma jien nurikom minn min għandkom tibżgħu: Ibżgħu minn dak+ li wara li joqtol għandu l-awtorità li jitfaʼ f’Geħenna.*+ Iva, ngħidilkom, ibżgħu+ minn Dan. 6 Ma jinbigħux ħames għasafar tal-bejt għal żewġ muniti taʼ valur żgħir? Madankollu lanqas wieħed minnhom m’hu minsi quddiem Alla.+ 7 Imma saħansitra x-xagħar+ taʼ raskom kollu hu magħdud. Tibżgħux; intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-bejt.+
8 “Mela, ngħidilkom, Kulmin jistqarr+ quddiem il-bnedmin li hu miegħi, Bin il-bniedem ukoll jistqarr li hu miegħu quddiem l-anġli t’Alla.+ 9 Imma min jiċħadni+ quddiem il-bnedmin jiġi miċħud quddiem l-anġli t’Alla.+ 10 U kulmin jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem, tinħafirlu; imma min jidgħi kontra l-ispirtu qaddis ma jinħafirlux.+ 11 Imma meta jdaħħlukom quddiem assembleat pubbliċi u uffiċjali tal-gvern u awtoritajiet, tkunux ansjużi dwar kif se titkellmu jew liema kliem se tużaw biex tiddefendu ruħkom jew x’se tgħidu;+ 12 għax l-ispirtu qaddis+ jgħallimkom dak il-ħin stess x’għandkom tgħidu.”+
13 Imbagħad xi ħadd mill-folla qallu: “Għalliem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.” 14 Qallu: “Raġel, min ħatarni mħallef+ fuqkom jew qabbadni naqsmilkom ġidkom bejnietkom?” 15 Imbagħad qalilhom: “Żommu għajnejkom miftuħin u għassu kontra kull xenqa b’għira,+ għax anki meta wieħed ikollu bl-abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.”+ 16 U qalilhom tixbiha: “Ir-rabaʼ taʼ wieħed għani pproduċa ħafna. 17 Għaldaqstant beda jirraġuna f’qalbu u jgħid, ‘X’se nagħmel, issa li m’għandix fejn niġbor il-prodotti tiegħi?’ 18 Għalhekk qal, ‘Nagħmel hekk:+ Inħott l-imħażen tiegħi u nibni oħrajn akbar, u hemmhekk niġbor il-qamħ u l-ġid kollu tiegħi;+ 19 u ngħid+ lil ruħi: “Ruħ, għandek ħafna ġid maħżun għal ħafna snin; strieħ, kul, ixrob, u gawdi.”’+ 20 Imma Alla qallu, ‘Ja iblah! Dan il-lejl jitolbuk ruħek.+ Min, mela, se jiħodhom l-affarijiet li ħżint?’+ 21 Hekk jiġrilu min jaħżen teżor għalih innifsu imma ma jkunx għani m’Alla.”+
22 Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Għaldaqstant ngħidilkom, Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom rigward x’se tieklu jew dwar ġisimkom rigward x’se tilbsu.+ 23 Għax il-ħajja tiswa iktar mill-ikel u l-ġisem jiswa iktar mill-ilbies. 24 Innotaw li ċ-ċawluni+ la jiżirgħu żerriegħa u lanqas jaħsdu, u la għandhom matmura u lanqas maħżen, iżda Alla jitmagħhom. Kemm tiswew iktar intom mill-għasafar?+ 25 Min minnkom billi jkun ansjuż jistaʼ jtawwal għomru mqar bi ftit?*+ 26 Għalhekk, jekk ma tistgħux tagħmlu l-inqas ħaġa, għala tkunu ansjużi+ dwar l-affarijiet l-oħrajn? 27 Innotaw kif jikbru l-ġilji;+ dawn la jitħabtu u lanqas jinsġu; imma ngħidilkom, Lanqas saħansitra Salamun fil-glorja kollha tiegħu ma kien imżejjen bħal wieħed minnhom.+ 28 Issa, jekk Alla jlibbes hekk lill-ħaxix fir-rabaʼ li llum jeżisti u għada jinxteħet ġo forn, kemm iktar ilibbes lilkom, intom taʼ fidi żgħira!+ 29 Għalhekk, tibqgħux tfittxu x’se tieklu u x’se tixorbu, u tibqgħux tkunu ansjużi u dubjużi;+ 30 għax dawn kollha huma l-affarijiet li l-ġnus tad-dinja qed ifittxu bil-ħerqa, imma Missierkom jaf li teħtieġu dawn l-affarijiet.+ 31 Madankollu, fittxu kontinwament is-saltna tiegħu, u dawn l-affarijiet jiżdidulkom.+
32 “Tibżgħux,+ merħla żgħira,+ għax Missierkom approva li jagħtikom is-saltna.+ 33 Bigħu+ dak li għandkom u agħtu għotjiet taʼ ħniena.+ Agħmlu għalikom boroż tal-flus li ma jiqdimux, teżor fis-smewwiet+ li qatt ma jfalli, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tiekol. 34 Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tkun qalbkom ukoll.+
35 “Ħa jkunu ġenbejkom+ imħażżmin u l-imsiebaħ tagħkom+ mixgħulin, 36 u intom kunu bħal nies li jistennew lil sidhom+ meta jiġi lura mit-tieġ,+ biex malli jasal u jħabbat+ ikunu jistgħu jiftħulu minnufih. 37 Henjin dawk l-ilsiera li meta jasal is-sid isibhom jgħassu!+ Tassew ngħidilkom, Hu jitħażżem+ u jġegħelhom joqogħdu mal-mejda u jiġi ħdejhom u jaqdihom.+ 38 U jekk jasal fit-tieni* jew fit-tielet għassa* u jsibhom jgħassu, henjin huma!+ 39 Imma kunu afu dan, li kieku sid id-dar kien jaf f’liema siegħa kellu jiġi l-ħalliel, kien jibqaʼ għassa u ma jħallix daru tinsteraq.+ 40 Intom ukoll, kunu dejjem għal-lest, għax f’siegħa li ma tobsruhiex ġej Bin il-bniedem.”+
41 Imbagħad Pietru qallu: “Mulej, din it-tixbiha qed tgħidha għalina jew ukoll għal kulħadd?” 42 U l-Mulej qal: “Min hu tassew il-prokuratur leali,*+ l-għaqli,+ li sidu jaħtru fuq il-ġemgħa taʼ qaddejja tiegħu biex jibqaʼ jagħtihom is-sehem tagħhom taʼ l-ikel fiż-żmien xieraq?+ 43 Hieni dak l-ilsir li sidu, meta jasal, isibu jagħmel hekk!+ 44 Ngħidilkom il-verità, Hu jaħtru fuq kulma għandu.+ 45 Imma jekk xi darba dak l-ilsir jgħid f’qalbu, ‘Sidi se jdum ma jiġi,’+ u jibda jsawwat lill-qaddejja rġiel u nisa, u jiekol u jixrob u jisker,+ 46 jiġi sid dak l-ilsir f’jum li ma jkunx qed jistennieh u f’siegħa li ma jafhiex,+ u jikkastigah bl-akbar ħruxija u jagħtih sehmu maʼ dawk li m’humiex leali.+ 47 Imbagħad dak l-ilsir li fehem ir-rieda taʼ sidu, imma ma kienx għal-lest jew m’aġixxiex fi qbil mar-rieda tiegħu, jissawwat b’ħafna daqqiet.+ 48 Imma dak li ma fehemx,+ u b’hekk għamel affarijiet li jistħoqqilhom is-swat, jissawwat bi ftit.+ Tabilħaqq, kulmin ngħata ħafna, ħafna jintalab+ minnu; u lil min jinkarigawh b’ħafna, jitolbu minnu iktar mis-soltu.+
49 “Ġejt inqabbad nar+ fuq l-art, u x’nistaʼ nixtieq iktar jekk diġà tkebbes? 50 Tabilħaqq, għandi magħmudija li se nitgħammed biha, u kemm qed nitnikket sakemm tintemm!+ 51 Timmaġinaw li ġejt biex nagħti l-paċi fuq l-art? Le, ngħidilkom, imma pjuttost firda.+ 52 Għax minn issa ’l quddiem ikun hemm ħamsa mifrudin f’dar waħda, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta.+ 53 Ikunu mifrudin, il-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra bintha u l-bint kontra ommha, il-kunjata kontra mart binha u l-mara tat-tifel kontra l-kunjata tagħha.”+
54 Imbagħad lill-folol kompla jgħidilhom ukoll: “Meta taraw sħaba tielgħa mill-punent, mill-ewwel tgħidu, ‘Ġejja maltempata,’ u hekk jiġri.+ 55 U meta taraw li qed jonfoħ riħ isfel, tgħidu, ‘Se jkollna mewġa taʼ sħana kbira,’ u hekk jiġri. 56 Ipokriti, tafu teżaminaw kif jidhru minn barra l-art u s-sema, imma kif ma tafux teżaminaw dan iż-żmien partikulari?+ 57 Għala ma tiġġudikawx ukoll għalikom infuskom dak li hu sewwa?+ 58 Per eżempju, meta tkun sejjer għand ħakkiem maʼ l-avversarju tiegħek fil-kawża, fit-triq ibda aħdem biex teħles mill-kwistjoni li għandek miegħu, ħalli ma jtellgħekx quddiem l-imħallef, u l-imħallef jagħtik f’idejn l-uffiċjal tal-qorti, u l-uffiċjal tal-qorti jitfgħek il-ħabs.+ 59 Ngħidlek, Żgur li ma toħroġx minn hemmhekk qabel ma tħallas sa l-inqas munita żgħira.”+