Marku
10 Minn hemmhekk qam u ġie fil-fruntieri tal-Lhudija u n-naħa l-oħra tal-Ġordan, u għal darb’oħra ġew ħdejh il-folol, u kif kienet id-drawwa tiegħu reġaʼ beda jgħallimhom.+ 2 Issa resqu xi Fariżej u, biex jipprovawh, bdew jistaqsuh jekk skond il-liġi raġel setax jiddivorzja lil martu.+ 3 Hu wieġeb u qalilhom: “X’ordnalkom Mosè?” 4 Qalulu: “Mosè ppermetta li wieħed jikteb ċertifikat taʼ tkeċċija u jiddivorzjaha.”+ 5 Imma Ġesù qalilhom: “Kien minħabba l-ebusija taʼ qalbkom+ li kitbilkom dan il-kmandament. 6 Iżda, mill-bidu tal-ħolqien ‘Għamilhom raġel u mara.+ 7 Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu, 8 u t-tnejn ikunu ġisem wieħed’;+ mela m’għadhomx iktar tnejn, imma ġisem wieħed. 9 Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”+ 10 Meta reġgħu kienu d-dar,+ id-dixxipli bdew jistaqsuh dwar dan. 11 U qalilhom: “Kulmin jiddivorzja lil martu u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju+ kontriha, 12 u jekk mara, wara li tiddivorzja lil żewġha, tiżżewweġ ieħor, tagħmel adulterju.”+
13 Issa n-nies bdew iġibulu xi tfal żgħar biex imisshom; imma d-dixxipli ċanfruhom.+ 14 Malli ra dan, Ġesù ma ħax pjaċir u qalilhom: “Ħallu t-tfal żgħar jiġu għandi; tipprovawx twaqqfuhom, għax is-saltna t’Alla hi taʼ min hu bħalhom.+ 15 Tassew ngħidilkom, Kulmin ma jilqax is-saltna t’Alla bħal tifel żgħir żgur ma jidħolx fiha.”+ 16 U ħaddan it-tfal miegħu u beda jberikhom waqt li jpoġġi idejh fuqhom.+
17 Hu u sejjer fi triqtu ġie jiġri lejh wieħed raġel li niżel għarkopptejh quddiemu u staqsieh: “Għalliem Tajjeb, xi rrid nagħmel biex niret il-ħajja taʼ dejjem?”+ 18 Ġesù qallu: “Għala ssejjaħli tajjeb?+ Ħadd m’hu tajjeb, ħlief Alla biss.+ 19 Tafhom il-kmandamenti, ‘Toqtolx,+ Tagħmilx adulterju,+ Tisraqx,+ Tixhidx falz,+ Tagħmilx frodi,+ Onora lil missierek u lil ommok.’”+ 20 Qallu r-raġel: “Għalliem, dawn kollha ħaristhom sa minn żgħożiti.” 21 Ġesù ħares lejh, ħass imħabba għalih, u qallu: “Ħaġa waħda jonqsok: Mur, bigħ dak li għandek u agħti lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema, u ejja kun segwaċi tiegħi.”+ 22 Imma hu sewwed qalbu għal dan il-kliem u telaq imnikket, għax kellu ħafna ġid.+
23 Wara li ta ħarsa madwaru Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm se jkun diffiċli għal dawk li għandhom il-flus+ biex jidħlu fis-saltna t’Alla!”+ 24 Imma d-dixxipli ssorprendew ruħhom+ bi kliemu. Għaldaqstant, Ġesù reġaʼ qalilhom: “Uliedi, kemm hu diffiċli biex tidħol fis-saltna t’Alla! 25 Hu eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn taʼ labra milli raġel għani jidħol fis-saltna t’Alla.”+ 26 Huma baqgħu iktar imbellhin u qalulu: “Allura min jistaʼ jiġi salvat?”+ 27 Ġesù ħares dritt lejhom u qal: “Għall-bnedmin hu impossibbli, imma mhux għal Alla, għax kollox hu possibbli għal Alla.”+ 28 Pietru beda jgħidlu: “Ara! Aħna tlaqna kollox u ġejna warajk.”+ 29 Qal Ġesù: “Tassew ngħidilkom, Ħadd ma telaq lil daru jew lil ħutu subien jew bniet jew lil ommu jew lil missieru jew tfal jew għelieqi minħabba fija u minħabba l-aħbar tajba+ 30 li ma jiħux mitt darba+ iktar issa f’dan iż-żmien, djar u aħwa subien u aħwa bniet u ommijiet u tfal u għelieqi, bil-persekuzzjonijiet,+ u fis-sistema li ġejja, ħajja taʼ dejjem. 31 Madankollu, ħafna li huma l-ewwel ikunu l-aħħar, u taʼ l-aħħar l-ewwel.”+
32 Issa huma kienu fit-triq telgħin lejn Ġerusalemm, u Ġesù kien miexi quddiemhom, u baqgħu mistagħġbin; imma dawk li kienu ġejjin wara bdew jibżgħu. Għal darb’oħra ġibed lit-tnax fil-ġenb u beda jgħidilhom dak li kellu jgħaddi minnu:+ 33 “Hawn aħna, telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin ewlenin u l-iskribi, u dawn jikkundannawh għall-mewt u jagħtuh f’idejn in-nies tal-ġnus,+ 34 u jiżżuffjettaw bih u jobżqulu u jsawtuh u joqtluh, imma tlett ijiem wara jqum.”+
35 U Ġakbu u Ġwanni, iż-żewġ ulied taʼ Żebedew,+ resqu lejh u qalulu: “Għalliem, irriduk tagħmlilna dak li nitolbuk.”+ 36 Qalilhom: “Xi triduni nagħmlilkom?” 37 Qalulu: “Ħallina noqogħdu bil-qiegħda, wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug, fil-glorja tiegħek.”+ 38 Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’qed titolbu. Tistgħu tixorbu l-kies li qed nixrob jien, jew titgħammdu bil-magħmudija li qed nitgħammed biha jien?”+ 39 Qalulu: “Nistgħu.” Għal dan, Ġesù qalilhom: “Il-kies li qed nixrob jien se tixorbuh, u bil-magħmudija li qed nitgħammed jien se titgħammdu.+ 40 Iżda, li toqogħdu bil-qiegħda fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi ma nistax nagħtih jien,+ imma hu taʼ dawk li tħejja għalihom.”
41 Meta l-għaxra l-oħra semgħu b’dan, xejn ma ħadu pjaċir b’Ġakbu u Ġwanni.+ 42 Imma, wara li sejħilhom lejh, Ġesù qalilhom: “Intom tafu li dawk li jidhru li qed jaħkmu lill-ġnus jiddominawhom u l-kbarat tagħhom għandhom awtorità fuqhom.+ 43 Dan m’għandux ikun fostkom; imma kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-qaddej tagħkom,+ 44 u kulmin irid ikun l-ewwel fostkom irid ikun l-ilsir taʼ kulħadd.+ 45 Għax anki Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi+ imma biex jaqdi u jagħti ruħu b’fidwa+ għal ħafna.”+
46 U daħlu Ġeriko. Issa hu u ħiereġ minn Ġeriko mad-dixxipli tiegħu u maʼ folla mdaqqsa, Bartimew (bin Timew), tallab agħma, kien bil-qiegħda mal-ġenb tat-triq.+ 47 Meta semaʼ li kien Ġesù n-Nazzarenu, beda jgħajjat u jgħid: “Bin David,+ Ġesù, ikollok ħniena minni!”+ 48 Għal dan, ħafna bdew iċanfruh biex jiskot; imma hu iktar baqaʼ jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”+ 49 Għalhekk, Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu.” U huma sejħu lill-agħma u qalulu: “Agħmel kuraġġ, qum, qed isejjaħlek.”+ 50 Dan tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq saqajh u mar ħdejn Ġesù. 51 U Ġesù wieġeb u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”+ Qallu l-agħma: “Rabboni,* ħa nerġaʼ nieħu d-dawl.”+ 52 U Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek.”+ U minnufih reġaʼ ħa d-dawl,+ u beda miexi warajh fit-triq.+