Ġenesi
6 U ġara li meta l-bnedmin bdew joktru fuq wiċċ l-art u twildulhom il-bniet,+ 2 ulied l-Alla+ l-veru bdew jinnotaw+ li l-bniet tal-bnedmin kienu sbieħ; u ħadu nisa għalihom, jiġifieri, lil dawk kollha li għoġbuhom. 3 Imbagħad Ġeħova qal: “L-ispirtu+ tiegħi mhux se jaġixxi bil-paċenzja mal-bniedem għal żmien indefinit+ għax hu laħam ukoll.+ Għaldaqstant, jiemu se jkunu mija u għoxrin sena.”+
4 F’dawk il-jiem, u wara wkoll, kien hemm in-Nefilim* fuq l-art meta wlied l-Alla l-veru komplew ikollhom x’jaqsmu mal-bniet tal-bnedmin u dawn wildulhom ulied subien; dawn kienu s-setgħanin li sa mill-qedem kienu l-irġiel taʼ fama.
5 U Ġeħova ra li l-ħażen tal-bniedem kien kotran fuq l-art u kull inklinazzjoni+ tal-ħsibijiet taʼ qalbu kienet biss ħażina l-ħin kollu.+ 6 U Ġeħova ddispjaċieh+ li kien għamel il-bnedmin fuq l-art, u ħassu mweġġaʼ f’qalbu.+ 7 Għalhekk, Ġeħova qal: “Se neqred minn fuq wiċċ l-art il-bnedmin li ħlaqt,+ mill-bniedem sa l-annimal domestiku, sa l-annimal li jitkaxkar, u sal-ħliqa li ttir fis-smewwiet,+ għaliex jiddispjaċini li għamilthom.”+ 8 Imma Noè kien approvat f’għajnejn Ġeħova.
9 Dan hu r-rakkont storiku taʼ Noè.
Noè kien raġel sewwa+ u wera li kien bla nuqqas fost in-nies taʼ żmienu. Noè mexa maʼ l-Alla l-veru.+ 10 Maż-żmien, Noè nissel tliet subien, Sem, Ħam, u Ġafet.+ 11 U l-art kienet rovinata f’għajnejn l-Alla+ l-veru u mtliet bil-vjolenza.+ 12 Għalhekk, Alla ra l-art, u, ara, din kienet rovinata,+ għaliex il-bnedmin kollha kienu ħassru triqithom fuq l-art.+
13 Imbagħad Alla qal lil Noè: “Wasal quddiemi t-tmiem tal-bnedmin kollha,+ għaliex minħabba fihom l-art imtliet bil-vjolenza; hawn jien se neqridhom flimkien maʼ l-art.+ 14 Agħmel għalik arka* mill-injam tas-siġra tar-raża.+ Trid tagħmel taqsimiet fl-arka, u trid tiksiha minn ġewwa u minn barra bil-qatran.+ 15 U tagħmilha hekk: it-tul taʼ l-arka tliet mitt kubitu,+ il-wisaʼ tagħha ħamsin kubitu, u l-għoli tagħha tletin kubitu. 16 L-arka tagħmlilha ftuħ għad-dawl,* u tlestiha sa kubitu mis-saqaf, u d-daħla taʼ l-arka tagħmilha fil-ġenb tagħha;+ tagħmlilha s-sular t’isfel, it-tieni sular, u t-tielet sular.
17 “U jien arani se nġib dilluvju+ taʼ ilmijiet fuq l-art biex neqred minn taħt is-smewwiet il-laħam kollu li fih hemm il-forza attiva tal-ħajja.+ Kulma hemm fuq l-art imut.+ 18 U jien nagħmel patt miegħek; u trid tidħol fl-arka, int u wliedek u martek u n-nisa taʼ wliedek miegħek.+ 19 U minn kull ħliqa ħajja taʼ kull xorta taʼ laħam,+ tnejn minn kull xorta, iddaħħalhom fl-arka biex iżżommhom ħajjin miegħek.+ Raġel u mara jridu jkunu. 20 Mill-ħlejjaq li jtiru skond ġenshom, mill-annimali domestiċi skond ġenshom,+ u mill-annimali kollha li jitkaxkru fuq l-art skond ġenshom, tnejn minn kull ġens jidħlu għandek biex iżżommhom ħajjin.+ 21 U int, ħu għalik kull xorta taʼ ikel li jittiekel;+ u trid taħżnu għandek, u jrid iservi bħala ikel għalik u għalihom.”+
22 U Noè għamel skond kulma kien ordnalu Alla. Għamel preċiż hekk.+